Help Print this page 
Title and reference
Il-ġlieda konta l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-ġlieda konta l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal

L-Unjoni Ewropea (UE) adottat leġiżlazzjoni li tiġġieled l-offiżi sesswali mwettqa kontra t-tfal. Id-Direttiva tkopri aspetti li jvarjaw mill-penali għall-prevenzjoni u l-għajnuna lill-vittmi. Hemm ipprovdut dispożizzjonijiet speċjali b'mod partikolari fir-rigward tal-pornografija tat-tfal fuq l-Internet u t-turiżmu għal skopijiet ta' sess.

ATT

Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI.

SOMMARJU

Din id-direttiva tarmonizza fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE) kollha, l-offiżi penali dwar abbużi sesswali mwettqa fuq tfal, l-isfruttament sesswali tat-tfal kif ukoll il-pornografija tat-tfal. Tistabbilixxi wkoll il-penali minimi. Ir-regoli l-ġodda jinkludu wkoll dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiġġieldu l-pornografija tat-tfal kif ukoll it-turiżmu għal skopijiet sesswali. Barra minn hekk, għandhom l-għan ukoll li jimpedixxu lil pedofili li jkunu ġew ikkundannati mill-possibilità li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet professjonali li jinvolvu kuntatt regolari mat-tfal.

Infrazzjonijiet u penali

Hemm madwar għoxrin offiża penali definita mid-Direttiva skont erba' kategoriji:

  • l-abbuż sesswali, bħall-involviment f'attivitajiet sesswali ma' tfal taħt l-età jew li dawn it-tfal jiġu sfurzati jissottomettu ruħhom għal attivitajiet bħal dawn ma' persuna oħra;
  • l-isfruttament sesswali, bħal pereżempju li wieħed iġiegħel lil tifel/tifla li jidħol fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni jew li jipparteċipa fi spettakli pornografiċi;
  • il-pornografija tat-tfal: iż-żamma, aċċess, distribuzzjoni, fornitura u produzzjoni tal-pornografija tat-tfal;
  • li persuna tħajjar lit-tfal online sabiex iwettqu għanijiet sesswali: li permezz tal-Internet, persuna tipproponi li tiltaqa' ma' tifel/tifla bil-għan li twettaq abbuż sesswali kif ukoll li tħeġġeġ bl-istess mezz, li tipprovdilu/ha materjal pornografiku.

Fuq livell nazzjonali, il-pieni massimi ta' tneħħija tal-libertà għandhom tal-inqas ivarjaw minn sena sa għaxar snin skont il-gravità tal-fatti u jiddependi fuq jekk it-tifel/tifla kellhomx l-età adulta jew le. It-tħajjir sabiex iwettqu tali ksur huwa punibbli wkoll.

Persuna ġuridika tista' tinżamm responsabbli u tiġi kkastigata jekk il-ksur isir f'isimha minn persuna li timxi skont l-istruzzjonijiet mogħtija lilha.

Hemm ippjanati bosta ċirkostanzi aggravanti, b'mod partikolari meta l-offiża ssir kontra tifel/tifla partikolarment vulnerabbli jew minn membru tal-familja jew persuna li tkun abbużat mill-pożizzjoni ta' fiduċja tagħha jew minn awtorità, jew meta l-awtur tal-fatt ikun diġà ġie kkundannat għal offiża tal-istess natura.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet sesswali b'kunsens, id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jiddeċiedu jekk ċerti prattiċi humiex punibbli jew le meta dawn jinvolvu persuni li jkunu qrib ta' xulxin fl-età, fil-livell tal-maturità fiżika jew psikoloġika u meta dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala parti normali mill-iskopertà tas-sesswalità.

L-attivitajiet professjonali li għandhom kuntatt mat-tfal

Bil-għan li jiġi evitat kull riskju min-naħa tar-reċidiv, persuna kkundannata għal xi waħda mill-offiżi definiti mid-Direttiva għandha tiġi impeduta milli teżerċita impjieg li jinvolvi kuntatti diretti u regolari mat-tfal. L-impjegaturi kkonċernati għandhom jitolbu informazzjoni fuq l-eżistenza ta' kundanna jew ta' impediment ta' xogħol. Din l-informazzjoni għandha wkoll tiġi trasmessa lil Stati Membri oħrajn bil-għan li jiġi evitat li pedofilu japprofitta miċ-ċirkolazzjoni libera li jgawdu minnha l-vjaġġaturi fl-UE sabiex jivvjaġġa flimkien ma' tfal f'pajjiż ieħor.

It-turiżmu għal għanijiet sesswali

L-organizzazzjoni ta' vjaġġi għal għanijiet ta' twettiq ta' abbuż sesswali, sfruttament sesswali fuq tfal kif ukoll pornografija tat-tfal għandha tiġi pprojbita. Spiss, dawn id-delitti jibqgħu ma jiġux ikkastigati fil-pajjiż fejn iseħħu, id-Direttiva tistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jtellgħu l-Qorti lin-nazzjonali tagħhom għal offiżi mwettqa barra minn pajjiżhom.

Barra minn hekk, apparti l-kompetenzi tagħhom li għandhom meta l-offiża ssir fit-territorju tagħhom jew minn wieħed miċ-ċittadini tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jestendu wkoll il-kompetenza tagħhom għal offiżi mwettqa barra mit-territorju tagħhom fejn l-awtur tal-offiża jkun jgħix b'mod abitwali fuq it-territorju tagħhom, jew jekk l-offiża ssir f'isem persuna ġuridika stabbilita fuq it-territorju tagħhom jew jekk il-vittma hija waħda miċ-ċittadini tagħhom.

Il-pornografija tat-tfal fuq l-Internet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-siti li juru pornografija tat-tfal ospitati fit-territorju tagħhom jingħalqu malajr u għandhom jagħmlu ħilithom sabiex ineħħu dawn is-siti li jkunu ospitati barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, għandhom, taħt ċerti kundizzjonijiet ta' trasparenza u ta' informazzjoni tal-utenti tal-Internet, il-possibilità li jimblokkaw l-aċċess għal siti bħal dawn fuq it-territorju tagħhom.

Investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kompetenza

L-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' offiżi bħal dawn ma għandhomx jiddependu biss fuq ilment jew akkuża min-naħa tal-vittma u l-proċedura penali għandha tkompli anki jekk il-persuna tkun irtirat id-dikjarazzjoni tagħha. Barra minn hekk, għal ċerti offiżi li jkunu fost l-aktar serji, il-proċeduri jistgħu jibdew wara perjodu twil biżżejjed wara li l-vittma tkun laħqet l-età adulta.

L-assistenza, l-għajnuna u l-protezzjoni tal-vittmi

B'mod konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar l-istatus tal-vittmi fil-qafas tal-proċeduri penali, il-vittmi għandhom jingħataw assistenza u appoġġ qabel, matul u wara l-proċeduri kriminali. Tfal li jkunu vittmi ta' abbuż sesswali, ta' sfruttament sesswali jew ta' pornografija tat-tfal huma meqjusin bħala vittmi partikolarment vulnerabbli u għandhom jiġu ttrattati bil-mod l-aktar adatt għas-sitwazzjoni tagħhom.

B'mod partikolari qegħdin jittieħdu miżuri ta' protezzjoni partikolari meta l-aggressur huwa membru tal-familja tat-tifel/tifla. Barra minn hekk, il-vittmi żgħar fl-età għandu jkollhom aċċess mingħajr telf ta' żmien għal parir u għal rappreżentazzjoni legali, jekk ikun hemm bżonn bla ħlas. L-għajnuna u l-appoġġ mogħtija ma għandhomx jiddependu fuq ir-rieda tagħhom li jikkooperaw fl-investigazzjoni jew fil-proċess ġudizzjarju.

Il-Prevenzjoni

Għandhom jiġu proposti programmi speċifiċi li jkollhom l-għan li jnaqqsu r-riskji ta' ripetizzjoni tal-offiża għal persuni kkundannati jew li jkunu għaddejjin minn proċess għal offiżi sesswali fuq it-tfal. Dawn il-persuni għandhom ukoll jiġu evalwati sabiex jiġi stabbilit il-periklu li huma jirrappreżentaw u r-riskju li jerġgħu jwettqu l-offiża.

Kuntest

Din id-Direttiva tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadra 2004/68/ĠAI. Minħabba li xi vittmi ta' traffikar tal-bnedmin huma wkoll tfal vittmi ta' abbuż sesswali jew ta' sfruttament sesswali, din id-Direttiva tikkumplimenta wkoll id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2011/93/UE

17.12.2011

18.12.2013

ĠU L 335, 17.12.2011

L-aħħar aġġornament: 01.02.2012

Top