EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Proċess ġust: Id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2010/64/UE — Id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi regoli minimi applikabbli fl-UE kollha dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

Din hija l-ewwel pass f’serje ta’ miżuri sabiex jiġu stabbiliti regoli minimi għad-drittijiet proċedurali fl-UE b’konformità mal-Pjan Direzzjonali tal-2009. Fl-2012 kienet segwita mid-Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali.

PUNTI EWLENIN

Id-dritt għall-interpretazzjoni

L-interpretazzjoni trid tingħata mingħajr ħlas lil persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali, inkluż waqt:

interrogazzjoni tal-pulizija,

laqgħat essenzjali bejn il-klijent u l-avukat,

is-seduti tal-qorti kollha u kwalunkwe seduta interim meħtieġa.

L-interpretazzjoni permezz tal-vidjokonferenza, it-telefown, jew l-Internet tista’ tintuża jekk ma tkunx meħtieġa l-preżenza fiżika tal-interpretu sabiex tkun żgurata l-ġustizzja.

Id-dritt għat-traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali

Il-persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti jridu jingħataw traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti li huma essenzjali għad-difiża tagħhom. Dawn jinkludu:

kwalunkwe deċiżjoni li ċċaħħad lil persuna mil-libertà tagħha,

kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża,

kwalunkwe sentenza.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jittraduċu kwalunkwe dokument ieħor fuq bażi każ b’każ. Il-persuni suspettati jew akkużati jew l-avukat tagħhom jistgħu jitolbu wkoll għat-traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali oħra.

Fil-proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-persuni kkonċernati jridu jiġu pprovduti b'interpretazzjoni u bi traduzzjoni bil-miktub tal-mandat, jekk ikun meħtieġ.

Il-kwalità tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni

It-traduzzjoni u l-interpretazzjoni jridu jkunu ta’ kwalità suffiċjenti biex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-każ kontrihom u jeżerċitaw id-dritt ta’ difiża tagħhom. Għal dan l-għan, il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jistabbilixxu reġistru ta’ tradutturi u interpreti indipendenti u kwalifikati li għandhom ikunu disponibbli għall-avukati legali u għall-awtoritajiet rilevanti.

META TIDĦOL FIS-SEĦĦ ID-DIRETTIVA?

Fil-15 ta’ Novembru 2010. Din kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sas-27 ta’ Ottubru 2013.

SFOND

Id-dritt tal-akkużat għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni.

ATT

Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1–7)

l-aħħar aġġornament 30.10.2015

Top