Help Print this page 
Title and reference
Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil

Dan il-patt huwa maħsub sabiex ikun il-bażi għall-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-asil tal-Unjoni Ewropea (UE) fi spirtu ta’ responsabilità u solidarjetà reċiproka bejn l-Istati Membri u sħubija mġedda ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

ATT

Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil tal-24 ta’ Settembru 2008 (Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Għal bosta snin, il-Pajjiżi Ewropej ilhom jaħdmu sabiex jarmonizzaw il-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil tagħhom. Diġà sar progress sinifikanti fuq bosta kwistjonijiet, b’mod partikolari taħt il-Programm ta’ Tampere, il-Programm tal-Aja u fuq kollox il-Programm ta’ Stokkolma.

B’mod ġenerali, il-Patt ifittex li:

  • jorganizza l-immigrazzjoni legali sabiex tqis il-prijoritajiet, il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta’ lqugħ determinati mill-Istati Membri u jħeġġeġ l-integrazzjoni tal-immigranti;
  • jikkontrolla l-immigrazzjoni irregolari u jħeġġeġ ir-ritorn volontarju lejn il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ transitu tal-immigranti;
  • jagħmel il-kontrolli tal-fruntiera iktar effettivi;
  • jibni qafas Ewropew għall-asil;
  • joħloq sħubija komprensiva ma’ pajjiżi mhux tal-UE sabiex iħeġġeġ is-sinerġija bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

KISBIET EWLENIN

Asil

Mill-2008 sar progress sinifikanti fil-qasam tal-immigrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri. F’dan ir-rigward, kisba ewlenija kienet l-adozzjoni tas-Sistema Ewropea dwar l-Asil Komuni (CEAS) li tistabbilixxi standards komuni u kooperazzjoni aktar b’saħħitha sabiex jiġi żgurat li dawk li jfittxu l-asil jiġu ttrattati b’mod ugwali f’sistema miftuħa u ġusta madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha.

Sar ukoll tibdil importanti fil-ġestjoni tal-fruntieri, b’mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ tal-governanza tas-sistema ta’ Schengen, l-istabbiliment ta’ sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri (EUROSUR) li timpedixxi l-kriminalità transfruntiera, u kompiti u riżorsi ġodda pprovduti lill-Aġenzija tal-Frontex.

Saru passi wkoll fil-qasam tal-politika ta’ ritorn permezz tal-użu tal-aqwa prattiċi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni operattiva madwar l-UE u fil-ġlieda kontra l-isfruttament tal-immigranti.

Fir-rigward tas-sħubija mal-pajjiżi terzi, qed isir djalogu, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u ta’ Sħubija tal-Lvant, bil-għan li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u furzata.

Migrazzjoni legali

Ġew adottati bosta atti legali importanti fil-qasam tal-migrazzjoni legali bħad-Direttiva dwar Permess Waħdieni li tippermetti liċ-ċittadini mhux tal-UE sabiex jgħixu u jaħdmu mal-UE kollha b’permess waħdieni u d-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE li tiżgura l-mobilità tagħhom. Ġew adottati liġijiet oħrajn sabiex jiffaċilitaw mhux biss id-dħul ta’ studenti u riċerkaturi mhux tal-UE fl-UE iżda wkoll ta’ ħaddiema staġjonali, maniġers u speċjalisti mhux tal-UE fil-każ ta’ trasferiment bejn kumpaniji, jew ħaddiema kollokati mhux tal-UE fil-qafas tal-għoti tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

Il-pajjiżi tal-UE kollha issa qegħdin jimplimentaw ukoll il-liġi li tipprovdi għal sanzjonijiet kontra impjegaturi li jużaw tħaddim illegali.

IL-PASSI LI JMISS

Issa hemm bżonn ta’ azzjoni determinata sabiex jiġi impedut mill-migranti jitilfu ħajjithom fit-tentattiv tagħhom li jaslu sax-xtut Ewropej. Jeħtieġ li jiżdiedu wkoll l-isforzi sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata u sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni.

Għall-perjodu 2014-2020, l-azzjonijiet f’dan il-qasam sejrin jiġu ffinanzjati minn 2 fondi ġodda:

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-Ħames Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2013) (COM(2014) 288 finali - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Ir-4 Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2012) (COM(2013) 422 finali - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - It-tielet Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2011) (COM(2012) 250 finali - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - It-tieni Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2010) (COM(2011)0291 finali - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-Ewwel Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2009) (COM(2010) 214 finali - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Metodu ta’ ttraċċjar biex bih tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (COM(2009) 266 finali - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

L-aħħar aġġornament: 11.09.2014

Top