Help Print this page 
Title and reference
Pjan ta' Azzjoni dwar il-Programm ta' Stokkolma

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Pjan ta' Azzjoni dwar il-Programm ta' Stokkolma

Dan il-pjan ta' azzjoni jipprovdi pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet politiċi stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma għall-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà bejn l-2010-14.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' April 2010 - Kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa - Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma [COM(2010) 171 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

SOMMARJU

Il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea (UE) għal żvilupp ta' żona ta' ġustizzja, libertà u sigurtà matul il-perjodu 2010-14 huma stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma. Dan il-pjan ta' azzjoni jimmira li jwassal dawn il-prijoritajiet kif ukoll li jħejji għall-isfidi futuri kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fuq dak globali.

Ewropa tad-drittijiet

Il-pjan ta' azzjoni jipprovdi għal miżuri li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Dawn jikkonsistu fit-tisħiħ tal-liġi tal-protezzjoni tad-dejta permezz ta' qafas legali ġdid komprensiv, kif ukoll fl-inkorporazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta fil-politiki kollha tal-UE, l-infurzar tal-liġi, il-prevenzjoni tal-kriminalità u r-relazzjonijiet internazzjonali. Azzjonijiet huma maħsuba wkoll għall-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, razziżmu, ksenofobija u omofobija. Tingħata attenzjoni partikolari għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u għal gruppi vulnerabbli, inklużi vittmi tal-kriminalità u t-terroriżmu. Għall-protezzjoni ta' dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni sejra tipproponi strument komprensiv u miżuri prattiċi, inkluż Ordni Ewropea għall-Protezzjoni. Il-Kummissjoni sejra tagħmel ukoll proposti leġiżlattivi dwar id-drittijiet ta' individwi fi proċedimenti kriminali u l-azzjonijiet marbuta mad-detenzjoni. Barra minn hekk, il-pjan ta' azzjoni jipprovdi għal miżuri għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari rigward id-dritt għall-moviment liberu, il-protezzjoni f'pajjiżi mhux tal-UE u l-parteċipazzjoni ċivika.

Ewropa tal-ġustizzja

Sabiex isaħħaħ iż-żona ġudizzjarja Ewropea, il-pjan ta' azzjoni jistabbilixxi miżuri sabiex jimplimentaw aktar il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku. Dan jinkludi proposti leġiżlattivi dwar il-ksib u l-ġbir ta' evidenza, skwalifiki u penali finanzjarji fi kwistjonijiet kriminali. Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll li tipproponi leġiżlazzjoni ġdida dwar kwistjonijiet ċivili, bħal dwar id-divorzju, u tirrevedi r-regolament dwar sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Sabiex il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jiffunzjona b'mod effettiv, il-Kummissjoni sejra tieħu azzjonijiet biex issaħħaħ il-fiduċja reċiproka. Għal dan il-għan, sejrin jiġu proposti wkoll azzjonijiet sabiex jiġu żviluppati standards minimi komuni kemm fil-liġi kriminali kif ukoll f'dik ċivili. Barra minn hekk, sabiex iċ-ċittadini jibbenefikaw aħjar mill-qasam ġudizzjarju Ewropew, il-Kummissjoni sejra tipproponi azzjonijiet biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod speċjali fir-rigward ta' leġiżlazzjoni li għandha x'taqsam ma' dokumenti ta' stejtus ċivili, u biex tiġi appoġġata l-attività ekonomika, bħal proposti leġiżlattivi dwar l-infurzar ta' sentenzi. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni biħsiebha iżżid il-preżenza internazzjonali tal-UE fil-qasam tal-liġi ċivili u kriminali, b'mod prinċipali permezz tan-negozjar ta' ftehimiet u konvenzjonijiet ma' pajjiżi mhux tal-UE.

Ewropa li tipproteġi

Biex iħares aħjar iċ-ċittadini u biex tiġi indirizzata l-kriminalità transkonfinali, il-pjan ta' azzjoni jipprovdi għall-abbozzar ta' strateġija ta' sigurtà interna. Il-Kummissjoni timmira wkoll li ttejjeb l-għodod tas-sigurtà eżistenti, b'mod partikolari dawk relatati mal-ġestjoni tal-flussi ta' informazzjoni, kif ukoll li tipproponi l-adozzjoni ta'għodod teknoloġiċi ta' sigurtà, bħal pereżempju reġistru Ewropew ta' ċittadini mhux tal-UE li ġew ikkundannati. Barra minn hekk, il-pjan ta' azzjoni jipprovdi għal politiki mtejba għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali, prinċipalment kooperazzjoni aħjar fl-infurzar tal-liġi Ewropea, inkluż bejn l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, l-Eurojust u l-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni (Frontex), kif ukoll prevenzjoni aħjar tal-kriminalità. Għall-protezzjoni kontra l-kriminalità serja u organizzata, il-pjan ta' azzjoni jipprovdi wkoll għal miżuri speċifiċi biex jiġġieldu l-kriminalità, inklużi proposti leġiżlattivi dwar:

  • it-traffikar tal-bnedmin;
  • l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal;
  • ċiberkriminalità u s-sigurtà tal-informazzjoni tan-netwerk;
  • il-kriminalità ekonomika u l-korruzzjoni;
  • id-drogi;
  • it-terroriżmu.

Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll issaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipprevjeni, tħejji għal u twieġeb għal diżastri, kemm jekk magħmula mill-bniedem kif ukoll jekk naturali. Għal dan il-għan, il-pjan ta' azzjoni jipprovdi għal miżuri li jikkumplimentaw u jtejbu l-ġestjoni ta' diżastri fl-UE.

Aċċess għall-Ewropa

Il-Kummissjoni sejra tieħu azzjonijiet biex tkompli tiżviluppa l-fruntieri esterni tal-UE. Dawn jinkludu proposti leġiżlattivi għall-modifikazzjoni tal-Frontex, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u s-Sistema Ewropea tas-Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur). Il-Kummissjoni sejra tipproponi wkoll l-istabbiliment ta' Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u Programm ta' Vjaġġatur Reġistrat (RTP). Barra minn hekk, il-Kummissjoni sejra tkompli għaddejja bil-liberalizzazzjoni tal-visa billi tinnegozja Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Visa ma' pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll bit-tnedija tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Visa (VIS).

Ewropa ta' solidarjetà

Il-Kummissjoni bi ħsiebha ssegwi politika ta' immigrazzjoni dinamika u komprensiva, li sejra tikkonsisti minn azzjonijiet li:

  • jiżviluppaw aktar l-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni sabiex tiżdied il-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE;
  • jappoġġaw il-migrazzjoni biex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol tal-pajjiżi tal-UE;
  • jippromwovu l-integrazzjoni u d-drittijiet tal-migranti;
  • jindirizzaw l-immigrazzjoni illegali permezz ta' ftehimiet ta' riammissjoni u politiki ta' ritorn;
  • iqisu s-sitwazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati.

Il-Kummissjoni timmira wkoll li ssegwi politika ta' ażil komuni biex tistabbilixxi żona komuni ta' protezzjoni għal dawk li jfittxu ażil permezz tal-qsim ta' responsabbiltà mill-pajjiżi tal-UE. Il-pjan ta' azzjoni jipprovdi wkoll għal dimensjoni esterna msaħħa permezz ta' kooperazzjoni mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u l-iżvilupp tal-Programm Risistemazzjoni tal-UE kif ukoll ta' programmi ġodda għall-protezzjoni reġjonali.

Ewropa f'dinja globalizzata

Il-pjan ta' azzjoni jtenni l-interkonnessjoni bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tal-ġustizzja, il-liberta' u politiki tas-sigurtà. Konsegwentement, jipprovdi għal azzjonijiet li jsaħħu d-dimensjoni esterna, b'mod partikolari għal kooperazzjoni u qsim ta' informazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni timmira li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni esterna fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi mhux fl-UE, inkluż fil-firxa ta' ftehimiet u arranġamenti ta' sħubija. Il-pjan ta' azzjoni jipprovdi wkoll għall-appoġġ kontinwu għall-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-traffikar tal-bnedmin, il-protezzjoni tad-dejta, il-protezzjoni tat-tfal, iċ-ċiberkriminalità u l-korruzzjoni, kif ukoll għall-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

It-triq 'il quddiem

Sabiex jittrasforma l-prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-Programm ta' Stokkolma f'azzjonijiet u riżultati konkreti, il-pjan ta' azzjoni jipprovdi miżuri għall-:

  • evalwazzjoni tal-ġustizzja, il-libertà u l-politiki tas-sigurtà u mekkaniżmi;
  • taħriġ ta' professjonisti legali u tas-sigurtà kif ukoll awtoritajiet ġudizzjarji u l-infurzar tal-liġi;
  • attivitajiet pubbliċi ta' sensibilizzazzjoni;
  • djalogu mas-soċjetà ċivili;
  • programmi finanzjarji ġodda.

L-aħħar aġġornament: 28.05.2010

Top