Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Aġenzija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi — Europol

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Aġenzija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi — Europol

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Jistabbilixxi l-Europol bħala l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea (UE) responsabbli għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn il-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Il-Europol hija bbażata fl-Aja, In-Netherlands.
  • Din għandha r-responsabbiltà f’sitwazzjonijiet fejn il-pajjiżi tal-UE jeħtieġu appoġġ biex jindirizzaw kriminalità transkonfinali serja, terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità li jaffettwaw l-interessi tal-UE.
  • L-objettivi ewlenin tal-Europol huma li:
    • tiġbor, taħżen, tipproċessa, tanalizza u tiskambja l-informazzjoni;
    • tinnotifika lill-pajjiżi tal-UE bi kwalunkwe konnessjoni bejn reati kriminali li jikkonċernawhom;
    • tassisti lill-pajjiżi tal-UE f’investigazzjonijiet u tipprovdi intelligence u appoġġ analitiku;
    • tikkoordina, torganizza u timplimenta investigazzjonijiet u operazzjonijiet biex jiġu appoġġjati u jissaħħu l-azzjonijiet tal-awtorità tal-infurzar tal-liġi tal-pajjiżi tal-UE;
    • titlob pajjiżi tal-UE biex jibdew, iwettqu jew jikkoordinaw investigazzjonijiet f’każijiet speċifiċi u tissuġġerixxi t-twaqqif ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti;
    • tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra forom ta’ kriminalità li huma ffaċilitati, promossi jew kommessi bl-użu tal-internet;
    • tfassal valutazzjonijiet tat-theddid u rapporti oħra.
  • Din taġixxi wkoll bħala l-uffiċċju ċentrali għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/511/ĠAI.
  • Fi kwistjonijiet fejn il-Europol għandha r-responsabbiltà, il-persunal tagħha jista’ jipparteċipa fi skwadri ta' investigazzjoni konġunti. Madankollu, dawn jistgħu jaġixxu biss f’kapaċità ta’ appoġġ u ma jistgħu jieħdu sehem fl-ebda miżura koerċittiva.
  • Il-kollegament bejn il-Europol u l-awtorità kompetenti ta’ pajjiż tal-UE isir permezz ta’ unità nazzjonali nnominata. Madankollu, soġġetti għal kundizzjonijiet ddeterminati mill-pajjiż tal-UE inkwistjoni, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jippermettu kuntatt dirett mal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.
  • Il-Europol tista’ tipproċessa informazzjoni u intelligence, inkluż data personali, għall-iskop li twettaq il-kompiti tagħha. Għal dan l-għan ġew stabbiliti sistema ta’ informazzjoni tal-Europol u fajls tal-ħidma ta' analiżi. L-unitajiet nazzjonali, l-uffiċjali ta' kollegament u l-persunal tal-Europol jistgħu jdaħħlu u jirkupraw data direttament mis-sistema. L-awtoritajiet kompetenti nnominati tal-pajjiżi tal-UE jistgħu jfittxu biss fis-sistema biex jaċċertaw ruħhom li d-data li qed jitolbu hija disponibbli.
  • Il-Europol tista’ tikkoopera ma’ korpi tal-UE oħrajn meta twettaq il-kompiti tagħha b’mod partikolari mal-Eurojust u mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).
  • Il-Europol tista’ tikkoopera wkoll ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet mhux tal-UE, inkluż l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (Interpol).

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

  • Ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

SFOND

  • Il-Europol kienet oriġinarjament stabbilita fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tal-Europol tal-1995, li ġiet ssostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni se tiġi revokata u sostitwita mir-Regolament tal-Europol (Regolament (UE) 2016/794) mill-1 ta’ Mejju 2017. Ir-regolament tal-Europol jallinja l-Europol mar-rekwiżiti tat-Trattat ta' Lisbona u jżid ir-responsabbiltà tagħha peress li, fost affarijiet oħrajn, dan jipprovdi għall-iskrutinju fuq l-attivitajiet tal-Europol mill-Parlament Ewropew flimkien mal-parlamenti nazzjonali.
  • Dan se jagħmel ukoll lill-Europol hub ġenwin ta’ informazzjoni kriminali għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE, filwaqt li jiggarantixxi saħansitra salvagwardji ta’ protezzjoni tad-data aktar b’saħħithom. Ir-regoli l-ġodda ta’ pproċessar tad-data se jippermettu lill-Europol biex tidentifika malajr xejriet u tendenzi fiż-żoni kriminali kollha u tibni rapporti ta’ intelligence aktar komprensivi u rilevanti biex tappoġġja lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi tal-UE.
  • Għal aktar tagħrif, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, pp. 37-66)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, pp. 53–114)

l-aħħar aġġornament 14.11.2016

Top