Help Print this page 
Title and reference
Obbligi ta’ manteniment

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Obbligi ta’ manteniment

Ir-Regolament ikopri applikazzjonijiet ta’ manteniment transfruntiera li jirriżultaw minn relazzjonijiet familjari. Jistabbilixxi regoli komuni għall-Unjoni Ewropea (UE) kollha u jimmira li jiżgura rkupru ta’ pretensjonijiet għal manteniment anki fejn id-debitur jew il-kreditur ikun f’pajjiż ieħor tal-UE.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment.

SOMMARJU

Dan ir-Regolament jipprovdi serje ta’ miżuri mmirati sabiex jiffaċilitaw il-ħlas ta’ pretensjonijiet ta’ manteniment f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Pretensjonijiet bħal dawn jirriżultaw mill-obbligu li l-membri tal-familja jiġu megħjunin. Pereżempju, jistgħu jieħdu l-forma ta’ manteniment imħallas lil wild jew lil ex konjuġi wara divorzju.

Ir-Regolament japplika għal obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn:

  • relazzjoni familjari;
  • parentela;
  • żwieġ jew affinità.

Ġurisidizzjoni

Fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment, il-ġurisidizzjoni għandha taqa’ f’idejn:

  • il-qorti tal-post fejn il-konvenut jew il-kreditur huwa residenti b’mod abitwali; jew
  • il-qorti li għandha l-ġurisidizzjoni sabiex tmexxi l-proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-istatus ta’ persuna (pereżempju divorzju) jew li għandha x’taqsam mar-responsabilità parentali, jekk il-kwistjoni li tikkonċerna l-manteniment tkun relatata magħha (diment li l-ġurisidizzjoni ma tkunx ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet).

Sakemm it-tilwima ma jkollhiex x’taqsam mal-obbligu ta’ manteniment lejn wild taħt l-età ta’ 18-il sena, il-partijiet jistgħu, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jaqblu fuq il-qorti jew qrati ta’ pajjiż tal-UE li għandhom il-ġurisidizzjoni li jissettiljawhom.

Meta l-konvenut jidher quddiem qorti ta’ pajjiż tal-UE, dik il-qorti għandu jkollha l-ġurisidizzjoni, sakemm il-konvenut ma jikkontestax il-ġurisidizzjoni tiegħu.

Jekk ma tiġi ssodisfata ebda kundizzjoni minn dawn imsemmija fuq, it-tilwima tista’, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, tinġieb quddiem il-qrati ta’ pajjiż tal-UE li ż-żewġ partijiet huma ċittadini tiegħu.

Meta ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fuq ma tiġi ssodisfata, il-kwistjoni tista’ tinġieb quddiem il-qorti ta’ pajjiż tal-UE li miegħu, il-każ għandu konnessjoni suffiċjenti jekk il-proċeduri ma jistgħux jinġiebu b’mod raġonevoli f’pajjiż li t-tilwima hija relatata mill-qrib miegħu.

Diment li l-kreditur ikompli jirresjedi fil-pajjiż tal-UE li fih ingħatat id-deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment, id-debitur ma jistax, soġġett għal eċċezzjonijiet, iressaq proċeduri sabiex jimmodifika d-deċiżjoni f’pajjiż tal-UE ieħor. Il-kreditur jista’ madankollu jaqbel li t-tilwima tiġi deċiża minn qorti oħra.

Jekk il-proċeduri li jikkonċernaw l-istess partijiet u li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni jitressqu quddiem il-qrati ta’ pajjiżi tal-UE differenti, il-ġurisidizzjoni għandha taqa’ għand l-ewwel qorti li quddiemha titressaq il-kawża.

Tkun liema tkun il-qorti li għandha ġurisidizzjoni fir-rigward tas-sustanza, applikazzjonijiet għal miżuri provviżorji u protettivi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem kwalunkwe qorti ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE.

Rikonixximent u infurzar tad-deċiżjonijiet

Deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment minn pajjiż tal-UE wieħed għandha tiġi rikonoxxuta f’pajjiż tal-UE ieħor mingħajr ebda proċedura speċjali.

Il-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi tal-UE huma marbutin mill-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment.

Meta d-deċiżjoni tittieħed minn Stat marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, ir-rikonoxximent tagħha ma jistax jiġi kuntrarjat.

Meta d-deċiżjoni tittieħed minn Stat marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, ir-rikonoxximent tagħha jista’ jiġi rifjutat f’ċerti każijiet u jista’ jiġi infurzat biss fi Stat ieħor jekk dikjarazzjoni tal-infurzabilità tagħha tkun inkisbet f’dak l-Istat.

Fil-każijiet kollha, il-qorti tal-oriġini tista’ tiddikjara deċiżjoni bħala infurzabbli provviżorjament. Meta d-deċiżjoni jkollha tiġi infurzata f’pajjiż tal-UE li mhuwiex dak li fih tkun ittieħdet oriġinarjament, l-infurzar ikun regolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż tal-UE.

Id-Deċiżjoni meħuda f’pajjiż tal-UE ma tistax tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fil-pajjiż tal-UE li fih titfittex ir-rikonoxximent, l-infurzabilita jew l-infurzar tagħha.

Għajnuna legali bla ħlas tista’ tingħata fir-rigward tal-applikazzjonijiet dwar obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjoni bejn ġenitur u wild lejn persuna li għandha inqas minn 21 sena diment li applikazzjonijiet bħal dawn isiru permezz tal-awtoritajiet ċentrali.

Awtoritajiet ċentrali

Kull pajjiż tal-UE għandu jaħtar awtorità ċentrali responsabbli sabiex tgħin lil partijiet fl-istabbiliment u fl-irkupru tal-manteniment. B’mod partikolari, huma jibagħtu u jirċievu applikazzjonijiet li hemm ipprovdut għalihom taħt ir-Regolament u li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jintroduċi jew jiffaċilitaw l-introduzzjoni tal-proċeduri neċessarji.

L-awtoritajiet ċentrali għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tagħhom u jfittxu soluzzjonijiet għal diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, għandhom jużaw in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ manteniment tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. Jissostitwixxi wkoll ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati, għajr ordnijiet ta’ infurzar Ewropej dwar obbligi ta’ manteniment maħruġa minn pajjiżi tal-UE li mhumiex marbutin mill-Protokoll tal-Aja tal-2007.

Dan ir-Regolament ilu applikabbli mit-18 ta’ Ġunju 2011.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009

30.1.2009

-

ĠU L 7 tal-10.1.2009

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE tas-27 ta’ April 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’ materji ċivili u kummerċjali [Ġurnal Uffiċjali L 120 tal-5.5.2006].

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/451/KE tat-8 ta’ Ġunju 2009 dwar l-intenzjoni tar-Renju Unit biex taċċetta ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment [Ġurnal Uffiċjali L 149 tat-12.6.2009].

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/220/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat- 23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja [Ġurnal Uffiċjali L 93 tas-7.4.2011].

Skont din id-Deċiżjoni, fis-6 ta’ April 2011, l-UE ffirmat il-Konvenzjoni tal-Aja fit-23 ta’ Novembru 2007, li jistabbilixxi, bejn il-partijiet kontraenti, sistema mifruxa madwar id-dinja kollha għall-irkupru ta’ pretensjonijiet ta’ manteniment.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/432/UE tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja [Ġurnal Uffiċjali L 192 tat-22.7.2011].

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/218/UE tad-9 ta’ April 2014 li temenda l-Annessi I, II u III għad-Deċiżjoni 2011/432/UE dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja [Ġurnal Uffiċjali L 113 tas-16.4.2014].

Taħt dawn id-deċiżjonijiet, l-Unjoni ddepożitat l-istrument ta’ approvazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni fid-9 ta’ April 2014. Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-pajjiżi tal-UE kollha għajr fid-Danimarka fl-1 ta’ Awwissu 2014. Il-Konvenzjoni toffri qafas komprensiv sabiex jindirizza kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ma’ Stati Membri mhux tal-UE oħrajn li huma Parti għaliha.

L-aħħar aġġornament: 25.09.2014

Top