Help Print this page 
Title and reference
Skambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali bejn il-pajjiżi tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Skambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali bejn il-pajjiżi tal-UE

Fl-2009, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) ħadu deċiżjoni li jintroduċu sistema għall-iskambju bejniethom ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali. Din kienet maħsuba biex twaqqaf lill-kriminali milli jaħarbu mill-passat tagħhom billi jmorru f’pajjiż ieħor tal-UE għajr dak fejn ikunu ġew ikkundannati.

ATT

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju, bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali.

SOMMARJU

Fl-2009, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) ħadu deċiżjoni li jintroduċu sistema għall-iskambju bejniethom ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali. Din kienet maħsuba biex twaqqaf lill-kriminali milli jaħarbu mill-passat tagħhom billi jmorru f’pajjiż ieħor tal-UE għajr dak fejn ikunu ġew ikkundannati.

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI QAFAS?

Hija tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-funzjonament tas-sistema flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, li stabbilixxiet is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS).

PUNTI EWLENIN

L-għanijiet tad-deċiżjoni qafas huma li:

tiddefinixxi kif pajjiż tal-UE jittrasmetti l-informazzjoni dwar il-kundanna ta’ ċittadin ta’ pajjiż ieħor tal-UE lil dak il-pajjiż;

tiddefinixxi l-obbligi tal-pajjiż tal-UE, li tiegħu l-persuna hija ċittadin, sabiex taħżen informazzjoni dwar kundanni, kif ukoll dwar il-proċeduri li dak il-pajjiż tal-UE għandu jsegwi meta jwieġeb għat-talbiet għal informazzjoni dwar iċ-ċittadini tiegħu;

tistabbilixxi qafas għall-iżvilupp ta’ sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni.

Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba li jinnominaw Awtoritajiet Ċentrali sabiex iwettqu l-kompiti relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni.

Pajjiż tal-UE li jikkundanna għandu jirreġistra n-nazzjonalità(jiet) tal-persuna kkundannata u jinnotifika lill-pajjiż(i) tal-UE tan-nazzjonalità tiegħu jew tagħha dwar id-dettalji ta’ kwalunkwe kundanna li dik il-persuna għandha fir-rekords kriminali tagħha. Dawk id-dettalji jinkludu:

informazzjoni dwar il-persuna kkundannata,

in-natura u l-kontenut tal-kundanna, u

ir-reat li wassal għall-kundanna.

Il-pajjiż tal-UE, li tiegħu l-persuna hija ċittadin, għandu jaħżen l-informazzjoni mibgħuta lilu sabiex ikun jista’ jwieġeb għat-talbiet għal informazzjoni dwar il-kundanni taċ-ċittadini tiegħu. It-tweġiba għandha:

tinkludi informazzjoni dwar kundanni fit-territorju tiegħu, f’pajjiżi oħrajn tal-UE u f’pajjiżi terzi u

issir fi żmien 10 ijiem tax-xogħol jew 20 - jekk it-talba tkun saret minn persuna li tkun tikkonċerna r-rekord kriminali tagħha stess.

L-informazzjoni tista’ tiġi skambjata għall-fini ta’ proċedimenti kriminali jew għal kwalunkwe finijiet oħrajn, eż. analiżi qabel l-impjieg. Filwaqt li t-tweġibiet għat-talbiet għall-fini tal-proċedimenti kriminali huma obbligatorji, dawk għal finijiet oħrajn għandhom isiru b’konformità mal-liġi nazzjonali.

Meta Awtorità Ċentrali ta’ pajjiż tal-UE tirċievi talba għal informazzjoni minn kwalunkwe awtorità nazzjonali rilevanti, hija tista’ titlob għal informazzjoni minn pajjiż ieħor tal-UE, b’mod partikolari mill-pajjiż tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata. Meta pajjiż tal-UE jirċievi talba mingħand ċittadin ta’ pajjiż ieħor tal-UE rigward ir-rekord kriminali tiegħu, dan għandu jitlob għal informazzjoni mill-pajjiż tal-UE tan-nazzjonalità tiegħu/tagħha u jinkludiha fiċ-ċertifikat maħruġ.

Sa issa, ħafna mill-pajjiżi tal-UE implimentaw is-sistema. Abbażi tad-dritt tiegħu previst mill-Protokoll 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit iddeċieda li jerġa’ lura sabiex ikompli jipparteċipa fl-ECRIS mill-1 ta’ Diċembru 2014. Dan kien ikkonfermat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE.

Għal aktar tagħrif, ara l-paġna elettronika tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni ta' Qafas 2009/315/ĠAI

27.4.2009

27.4.2012

ĠU L 93 tas-7.4.2009, p. 23-32

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/JHA (ĠU L 93 tas-7.4.2009, p. 33-48).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE tal-1 ta’ Diċembru 2014 dwar in-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jixtieq jieħu sehem f’atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u li mhumiex parti mill-acquis ta’ Schengen (ĠU L 345 tal-1.12.2014, p. 6-9).

L-aħħar aġġornament: 10.06.2015

Top