Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-kooperazzjoni tal-UE f'materji kriminali — il-protezzjoni ta' data personali (sal-2018)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-kooperazzjoni tal-UE f'materji kriminali — il-protezzjoni ta' data personali (sal-2018)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI — il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS?

Din għandha l-għan li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem meta d-data personali tagħhom hija pproċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reat kriminali jew l-esekuzzjoni ta' piena kriminali.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Din id-deċiżjoni qafas tirrigwarda d-data personali li hija pproċessata parzjalment jew kollha kemm hi b'mezzi awtomatiċi (bl-użu ta' teknoloġija informatika), kif ukoll id-data personali li hija parti minn sistema ta' arkivjar u pproċessata b'mezzi mhux awtomatiċi (jiġifieri il-bnedmin).

Ipproċessar tad-data

  • L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jiġbru biss id-data personali għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi. L-ipproċessar ta' din id-data huwa permess biss għall-finijiet li għalihom kienet inġabret id-data. L-ipproċessar għal finijiet oħrajn huwa permess biss taħt ċerti ċirkostanzi jew meta ċerti salvagwardji adegwati huma fis-seħħ (pereżempju bħal li d-data ssir anonima).
  • Fil-prinċipju, id-data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trade union ta' persuna jew li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja sesswali tiegħu/tagħha ma tistax tiġi pproċessata. L-ipproċessar tagħha jista' jkun permess biss jekk huwa assolutament neċessarju u jekk ġew stabbiliti salvagwardji xierqa.
  • Data personali mhux preċiża għandha tiġi rettifikata u aġġornata jew kompluta, jekk dan ikun possibbli. Ladarba d-data ma tkunx aktar meħtieġa għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret, din għandħa titħassar, issir anonima jew, f'ċerti każijiet, din għandha tiġi mblukkata. Il-ħtieġa għall-ħażna tad-data personali għandha tiġi riveduta b'mod regolari, b'limiti taż-żmien stabbiliti għat-tħassir tagħha.
  • L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE għandhom jivverifikaw li d-data personali li għandha tiġi trasmessa jew magħmula disponibbli hija preċiża, aġġornata u kompluta. Sabiex ikun jista' jiġi vverifikat li l-ipproċessar tad-data huwa legali u sabiex tiġi żgurata l-integrità, kif ukoll is-sigurtà tad-data, it-trasmissjonijiet tagħha jridu jiġu reġistrati jew dokumentati.

Trasmissjoni tad-data

  • Id-data personali riċevuta minn pajjiż ieħor tal-UE għandha tiġi pproċessata biss għall-finijiet li għalihom id-data ġiet trasmessa. F'ċerti każijiet, madankollu, din tista' tiġi pproċessata għal finijiet oħrajn, pereżempju għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali oħrajn jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali oħrajn jew il-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika. Il-pajjiż riċeventi tal-UE għandu jirrispetta kwalunkwe restrizzjoni speċifika għall-iskambji tad-data previsti fil-liġi tal-pajjiż li jittrasmetti.
  • Taħt ċerti ċirkostanzi, il-pajjiż riċevitur tal-UE jista' jittrasferixxi data personali lejn pajjiżi mhux tal-UE jew lil korpi internazzjonali. Għal dan il-għan, il-pajjiż tal-UE li l-ewwel għamel id-data disponibbli, għandu jipprovdi l-kunsens tiegħu. F'każijiet urġenti biss, id-data tista' tiġi trasferita mingħajr kunsens minn qabel. Id-data personali tista' tiġi trasferita wkoll lil partijiet privati fil-pajjiżi tal-UE għal finijiet esklussivi, sakemm l-awtorità kompetenti tal-pajjiż minn fejn tkun waslet id-data, tkun tat il-kunsens tagħha.

Drittijiet tas-suġġetti tad-data

  • Is-suġġett tad-data għandu jinżamm infurmat bi kwalunkwe kollezzjoni jew ipproċessar ta' data personali li tirrelata miegħu/magħha. Madankollu, meta d-data tkun ġiet trasmessa minn pajjiż wieħed tal-UE għal ieħor, l-ewwel pajjiż jista' jitlob li t-tieni pajjiż ma jiżvela l-ebda informazzjoni lis-suġġett.
  • Is-suġġett tad-data jista' jitlob biex jirċievi konferma dwar
    • jekk id-data tiegħu ġietx trasmessa,
    • min huma r-riċevituri, liema data qiegħda tiġi pproċessata, kif ukoll
    • konferma li saru l-verifiki meħtieġa ta' dik id-data.
  • F'ċerti każijiet, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirrestrinġu l-aċċess tas-suġġett għall-informazzjoni. Kwalunkwe deċiżjoni li tirrestrinġi l-aċċess, għandha tingħata bil-miktub lis-suġġett tad-data, flimkien mar-raġunijiet fattwali u legali tiegħu. Is-suġġett tad-data għandu wkoll jingħata pariri dwar id-dritt li jappella għal tali deċiżjoni.
  • Is-suġġett tad-data jista' jitlob li d-data personali li tirrelata miegħu/magħha tiġi rettifikata, imħassra jew imblukkata. Kwalunkwe rifjut għal dak il-għan għandu jingħata bil-miktub, flimkien ma' informazzjoni dwar id-dritt li jressaq ilment jew li jfittex rimedju ġudizzjarju.
  • Kwalunkwe persuna tista' titlob kumpens għad-danni li hija tkun sofriet minħabba ipproċessar illegali ta' data personali jew kwalunkwe att ieħor li mhuwiex kompatibbli ma' din id-deċiżjoni qafas. Meta jinkisru d-drittijiet ta' suġġett tad-data, huwa għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju.

Salvagwardja tal-ipproċessar tad-data

  • L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri tas-sigurtà meħtieġa biex jipproteġu d-data personali kontra kwalunkwe forma illegali ta' pproċessar. Dan jinkludi t-telf aċċidentali, l-alterazzjoni u l-iżvelar mhux awtorizzat, kif ukoll l-aċċess għal data personali. B'mod partikolari, għandhom jittieħdu miżuri speċifċi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data.
  • L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fl-UE jimmonitorjaw u jagħtu pariri dwar l-applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni qafas. Għal dak il-għan, huma jingħataw setgħat investigattivi, setgħat effettivi ta' intervent, kif ukoll is-setgħa li jsegwu proċedimenti legali. Għal kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni qafas, il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Revoka

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI hija revokata mid-Direttiva (UE) 2016/680 b’effett mis-6 ta' Mejju 2018.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI QAFAS?

Ilha tapplika mid-19 ta' Jannar 2009.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60-71)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89-131)

l-aħħar aġġornament 26.10.2016

Top