Help Print this page 
Title and reference
Sistema tal-UE għar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi ta’ ħabs u għat-trasferiment tal-priġunieri

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sistema tal-UE għar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi ta’ ħabs u għat-trasferiment tal-priġunieri

Din id-deċiżjoni qafas tfittex li testendi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, fejn pajjiżi tal-UE jaqblu li jirrikonoxxu l-liġijiet jew id-deċiżjonijiet ta’ xulxin, b'rabta ma’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu sentenzi ta’ ħabs.

ATT

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea.

SOMMARJU

Din id-deċiżjoni qafas tfittex li testendi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, fejn pajjiżi tal-UE jaqblu li jirrikonoxxu l-liġijiet jew id-deċiżjonijiet ta’ xulxin, b'rabta ma’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu sentenzi ta’ ħabs.

X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS?

Din tiddeskrivi kif il-pajjiżi tal-UE jirrikonoxxu u jinfurzaw is-sentenzi ta’ xulxin fir-rigward ta’ materji kriminali. L-għan huwa li persuni kkundannati jiġu megħjuna biex jerġgħu jintegraw ruħhom aħjar fis-soċjetà.

Din tippermetti li pajjiż tal-UE jinforza sentenza ta’ ħabs li tkun ġiet imposta minn pajjiż ieħor tal-UE fuq persuna li toqgħod fit-territorju tiegħu.

Tistabbilixxi sistema għat-trasferiment tal-priġunieri kkundannati lura lejn il-pajjiż tal-UE li huma ċittadini tiegħu (jew li normalment jgħixu fih), jew lejn pajjiż ieħor tal-UE li miegħu għandhom rabtiet mill-qrib ħalli jkunu jistgħu jservu s-sentenza ta’ ħabs li ngħataw hemmhekk.

PUNTI EWLENIN

Il-proċedura hija bbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

Sentenza b’ċertifikat tiġi trażmessa direttament mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż emittenti lill-pajjiż li se tinfurza s-sentenza.

It-trasferiment huwa soġġett għall-kunsens tal-persuna kkundannata iżda jista’ jsir mingħajr dan il-kunsens f’ċirkostanzi speċifikati. Fil-każijiet kollha, il-persuna kkundannata għandu jkollha l-opportunità li tagħti l-opinjoni tagħha jekk tkun għadha tinsab fil-pajjiż emittenti.

Il-pajjiż ta’ infurzar għandu jieħu miżuri biex jinforza s-sentenza mingħajr dewmien. Jekk is-sentenza tiġi adattata, għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun mas-sentenza oriġinali u qatt ma għandha tkun aktar ħarxa minn din is-sentenza.

L-eżekuzzjoni ta’ sentenza hija rregolata mil-liġi tal-pajjiż ta’ infurzar, l-istess bħar-raġunijiet għal-liberazzjoni bikrija jew kondizzjonjata (fejn il-persuna trid tosserva kundizzjonijiet, bħal dik li tonqos milli tiffrekwenta ċertu distrett).

Id-deċiżjoni tistabbilixxi lista ta’ reati serji li huma punibbli fil-pajjiż emittenti b’mill-inqas tliet snin ħabs li fir-rigward tagħhom huma rikonoxxuti u infurzati sentenzi u li għalihom ma hemm l-ebda raġuni li jsir kontroll għal kriminalità doppja (jiġifieri meta reat ikun jeżisti taħt il-liġi tal-pajjiż emittenti kif ukoll tal-pajjiż ta’ infurzar).

Il-pajjiż ta’ infurzar għandu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jiddeċiedi fi żmien 90 jum minn meta jirċievi s-sentenza u ċ-ċertifikat jekk jirrikonoxxix is-sentenza jew le u jekk jimponihiex jew le. Id-deċiżjoni tinkludi lista limitata ta’ raġunijiet għalfejn pajjiż jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi u jinforza sentenza.

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2008/829/ĠAI, jinnota li, minkejja l-isforzi li saru s’issa minn xi pajjiżi tal-UE, l-implimentazzjoni ta’ dawn it-tliet atti mhijiex sodisfaċenti. Ir-rapport jitlob lill-pajjiżi tal-UE li għadhom ma implimentawx id-deċiżjonijiet jagħmlu dan minnufih.

MINN META BDIET TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI QAFAS?

Mill-5 ta’ Diċembru 2011.

SFOND

Kull sena, bosta eluf ta’ ċittadini tal-UE jiġu mfittxija għal reati kriminali allegati jew jiġu kkundannati f’pajjiż tal-UE mhux tagħhom. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-UE.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI

5.12.2008

5.12.2011

ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27-46

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI

27.3.2009

28.3.2011

ĠU L 81, 27.3.2009, p. 24-36

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi dwar pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja (COM(2014) 57 final tal-5.2.2014).

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - It-tabelli tas-“Sitwazzjoni attwali” u “Dikjarazzjonijiet” li jakkumpanjaw id-dokument: Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi dwar pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja - Anness għar-rapport (SWD (2014 ) 34 final tal-5.2.2014).

L-aħħar aġġornament: 03.01.2015

Top