Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2008/114/KE — l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħha

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi proċess tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea* (ECI), u tistabbilixxi approċċ għat-titjib tal-protezzjoni tagħha.

PUNTI EWLENIN

L-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-ECIs

  • Il-pajjiżi tal-UE jgħaddu minn proċess ta’ identifikazzjoni ta’ ECIs potenzjali, bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea jekk ikun meħtieġ. Meta jidentifikaw ECIs potenzjali, huma għandhom jużaw:
    • kriterji trasversali bħal diżgrazzji potenzjali, effetti ekonomiċi u l-effett fuq il-pubbliku; u
    • kriterji settorjali speċifiċi għat-tip tal-ECI.
  • Il-pajjiżi tal-UE jgħaddu minn proċess ta’ indikazzjoni kooperattiva (eż. diskussjonijiet ma’ pajjiżi oħra tal-UE) għall-ECIs potenzjali li jinsabu fit-territorju tagħhom.
  • Il-pajjiżi tal-UE jirrevedu l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-ECIs regolarment.
  • Id-Direttiva tapplika biss għas-setturi tal-enerġija u t-trasport (ara l-Anness I tad-Direttiva). Biż-żmien, setturi oħra jistgħu jiżdiedu mal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Pjanijiet ta’ Sigurtà għall-Operaturi

  • Il-pajjiżi tal-UE jiżguraw li pjan ta’ sigurtà għall-operaturi (OSP) ikun fis-seħħ għal kull ECI.
  • L-għan tal-proċess tal-OSP huwa li jidentifika l-assi kritiċi tal-ECI, kif ukoll is-soluzzjonijiet eżistenti tas-sigurtà għall-protezzjoni tagħhom.

Uffiċjali ta’ Kollegament tas-Sigurtà

  • Il-pajjiżi tal-UE jiżguraw li Uffiċjal ta’ Kollegament tas-Sigurtà huwa indikat għal kull ECI.
  • L-uffiċjal iservi bħala punt ta’ kuntatt bejn il-proprjetarju/operatur tal-ECI u l-awtorità tal-pajjiż tal-UE ikkonċernat.

Rappurtar

  • Il-pajjiżi tal-UE jwettqu valutazzjoni tat-theddid fir-rigward ta’ ECIs fi żmien sena wara l-indikazzjoni tal-infrastruttura kritika.
  • Il-pajjiżi tal-UE jirrappurtaw data ġenerali lill-Kummissjoni dwar it-tipi ta’ riskji, theddidiet u dgħufijiet kull sentejn.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-12 ta’ Jannar 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-12 ta’ Jannar 2011.

SFOND

  • L-awtoritajiet nazzjonali huma primarjament responsabbli għall-ħarsien tal-infrastruttura kritika. Madanakollu, l-interruzzjonijiet għall-infrastruttura kritika jistgħu jinħassu minn naħa għal oħra tal-fruntieri nazzjonali. Huwa għalhekk li hemm il-ħtieġa ta’ dimensjoni tal-UE biex tgħin fil-ġestjoni ta' dawn ir-riskji. Fl-2007, il-Kunsill tal-UE adotta konklużjonijiet dwar programm Ewropew għall-ħarsien tal-infrastruttura kritika (EPCIF). Dan il-programm għandu l-għan li jtejjeb il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika kontra kull tip ta’ theddid u riskji.
  • Wara reviżjoni tad-Direttiva 2008/114/KE, fl-2013, il-Kummissjoni stabbiliet approċċ ġdid għall-implimentazzjoni tal-programm Ewropew għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika. Dan għandu l-għan li jibni għodod komuni u approċċ komuni fl-UE għall-ħarsien u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika, li jieħu kont aħjar tal-interdependenzi bejn l-infrastruttura kritika, l-industrija u l-atturi statali.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Infrastruttura kritika: assi jew sistemi essenzjali għall-manteniment ta’ funzjonijiet vitali tas-soċjetà, is-saħħa, is-sigurtà, is-sikurezza, il-benesseri ekonomiku jew soċjali tal-poplu. L-Infrstruttura Kritika Ewropea (ECI) hija infrastruttura kritika fil-pajjiżi tal-UE fejn l-interruzzjoni jew il-qerda tagħha jkollha impatt sinifikanti fuq mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE (eż. impjanti tal-elettriku jew pajpijiet għat-trasmissjoni taż-żejt).

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, pp. 75–82)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-Parlament Ewropew — il-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2004) 702 final, 20.10.2004),

Green Paper dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika (COM(2005) 576 final, 17.11.2005)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-Parlament Ewropew dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika (COM(2006) 786 final, 12.12.2006)

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar approċċ ġdid għall-Programm Ewropew għall-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika: Nagħmlu l-Infrastruttura Kritika Ewropea aktar sigura (SWD(2013) 318 final, 28.8.2013)

l-aħħar aġġornament 14.11.2016

Top