Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata: reati marbuta mal-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata: reati marbuta mal-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/JHA dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

X'INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI QAFAS?

Hija tikkriminalizza r-reati relatati mal-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali.

L-għan tagħha huwa li tarmonizza l-liġijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar il-kriminalizzazzjoni ta' dawn ir-reati u li tistabbilixxi pieni għalihom.

Offiżi

Hemm 2 tipi ta' mġiba li minnhom il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrikonoxxu mill-inqas waħda bħala reat:

  • 1.

    il-parteċipazzjoni attiva f'attivitajiet kriminali ta' organizzazzjoni, bl-għarfien tal-għan jew l-intenzjoni tagħha li twettaq delitti;

  • 2.

    ftehim dwar it-twettiq ta' delitti mingħajr ma dak li jkun neċessarjament jieħu sehem fihom.

Pieni

Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu pieni li jikkorrispondu għar-reati msemmija hawn fuq.

  • Għall-ewwel għażla, ir-rekwiżit minimu huwa mill-inqas sentejn priġunerija għal-livell massimu tal-piena.
  • Għat-tieni għażla, ir-rekwiżit minimu huwa mill-inqas sentejn priġunerija għal-livell massimu tal-piena jew terminu massimu ta' priġunerija ekwivalenti għal dak tal-attivitajiet ippjanati.

Il-pieni jistgħu jitnaqqsu f'ċirkustanzi speċifiċi, bħal meta l-awtur jirrinunzja l-attività kriminali jew jgħin billi jidentifika u jressaq quddiem il-ġustizzja lil awturi oħrajn.

Fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Kwadra, il-pajjiżi tal-UE jridu jintroduċu regoli li għandhom l-għan li jżommu l-persuni ġuridiċi (bħal pereżempju kumpaniji) responsabbli għar-reati hawn fuq imsemmija meta dawn jitwettqu f'isimhom minn persuna li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika.

Il-penali għal persuni ġuridiċi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn għandhom jinkludu multi iżda jistgħu jinkludu wkoll dawn li ġejjin:

  • li jintemm id-dritt għall-għajnuna pubblika;
  • projbizzjoni temporanja jew permanenti tal-attivitajiet kummerċjali u l-istabbilimenti li jkunu ntużaw għat-twettiq tar-reati;
  • it-tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;
  • stralċ ġudizzjarju jew likwidazzjoni ta' negozju.

Kompetenza u koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni kriminali

Il-ġurisdizzjoni tal-pajjiż tal-UE għandha testendi għar-reati meta dawn jitwettqu fit-territorju tiegħu, fl-intier tagħhom jew parzjalment, minn ċittadin tagħhom jew f'isem persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tal-pajjiż.

Jekk ir-reat jaqa' taħt il-kompetenza ta' diversi pajjiżi, dawn tal-aħħar iridu jikkollaboraw, pereżempju permezz tal-Eurojust, biex jiddeċiedu dwar il-pajjiż tal-UE tal-prosekuzzjoni kriminali u biex jiċċentralizzaw il-proċedimenti.

Għandu jiġi kkunsidrat b'mod speċjali:

  • fejn ikun twettaq ir-reat,
  • in-nazzjonalità jew il-post ta' residenza tal-awtur,
  • il-pajjiż tal-oriġini tal-vittma u
  • it-territorju fejn ikun instab l-awtur.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI QAFAS?

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/841/JHA applikat sa mill-11 ta' Novembru 2008.

SFOND

Mis-snin disgħin, l-UE ħadet passi biex tagħmel il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata aktar effettiva.

  • 1997: l-UE adottat l-ewwel pjan ta' azzjoni tagħha biex tiġġieled il-kriminalità organizzata.
  • 1998: l-UE adottat l-Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI dwar il-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali.
  • 2000: l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali - l-ewwel strument legali globali biex jiġġieled il-kriminalità organizzata transnazzjonali, li daħlet fis-seħħ fl-2003.
  • 2002: l-UE adottat id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (din tiddefinixxi “grupp terroristiku” abbażi tad-definizzjoni ta' “organizzazzjoni kriminali” fl-Azzjoni Konġunta 1998/733/ĠAI).
  • 2004: il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ħtieġa li jittejbu l-miżuri biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/579/KE, l-UE taderixxi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti;
  • 2008: l-UE tadotta d-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI.

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, pp. 42-45)

DOKUMENTI RELATATI

Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/579/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 69)

l-aħħar aġġornament 19.12.2016

Top