Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Ammissjoni u residenza ta' riċerkaturi minn pajjiż mhux tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Ammissjoni u residenza ta' riċerkaturi minn pajjiż mhux tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT::

Direttiva 2005/71/KE dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' riċerkaturi xjentifiċi mhux tal-UE

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tintroduċi proċedura speċjali għad-dħul u għar-residenza ta' ċittadini li jkunu ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE biex jitwettaq proġett ta' riċerka fl-UE għal perjodu ta' aktar minn 3 xhur.
  • Il-proċedura tistabbilixxi organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati bħala atturi ewlenin fil-proċedura tal-immigrazzjoni, hekk kif dawn għandhom rwol essenzjali fil-valutazzjoni tematika tal-kandidat u tal-proġett ta' riċerka tiegħu/tagħha.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tapplika għal ċittadini mhux tal-UE, ħlief fejn dispożizzjonijiet aktar favorevoli japplikaw skont ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn l-UE, jew l-UE u l-pajjiżi membri tagħha u pajjiż wieħed jew aktar mhux tal-UE.

Din ma tapplikax għal:

  • applikanti għall-ażil jew protezzjoni sussidjarja jew taħt skemi ta' protezzjoni temporanji;
  • studenti dottorali li jwettqu riċerka relatata mat-teżi tagħhom bħala studenti (koperti mid-Direttiva 2004/114/KE dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini mhux tal-UE għal skopijiet ta' studju, taħriġ vokazzjonali jew servizz volontarju);
  • ċittadini mhux tal-UE li t-tkeċċija tagħhom ġiet sospiża għal raġunijiet ta' fatt jew ta' liġi;
  • riċerkaturi ssekondati minn organizzazzjoni ta' riċerka għal organizzazzjoni ta' riċerka oħra f'pajjiż differenti tal-UE.

Organizzazzjonijiet ta' riċerka

Kwalunkwe organizzazzjoni ta' riċerka li tixtieq tospita riċerkatur għandha l-ewwel tiġi approvata mill-pajjiż tal-UE li tkun tinsab fih. Dawn l-awtorizzazzjonijiet normalment huma validi għal minimu ta' 5 snin. Kull sena, kull pajjiż tal-UE jrid jippubblika lista ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati.

L-organizzazzjonijiet ta' riċerka jridu jiffirmaw “ftehim ta' ospitar”, kuntratt legali, mar-riċerkatur. Teħtieġ li:

  • ir-riċerkatur jimpenja ruħu li jlesti l-proġett ta' riċerka;
  • l-organizzazzjoni taqbel li tospita r-riċerkatur, diment li r-riċerkatur jinħariġlu permess ta' residenza.

Ammissjoni ta' riċerkaturi

Ir-riċerkaturi jridu jiġu ammessi mill-pajjiżi tal-UE jekk:

  • jippreżentaw passaport validu jew dokumenti ta' vjaġġar ekwivalenti;
  • jippreżentaw ftehim ta' akkoljenza ffirmat ma' organizzazzjoni ta' riċerka;
  • jippreżentaw dikjarazzjoni ta' responsabbiltà finanzjarja maħruġa mill-organizzazzjoni ta' riċerka;
  • mhumiex ikkunsidrati bħala theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika.

Il-pajjiżi tal-UE jridu joħorġu permess ta' residenza għal sena jew aktar u jġedduh kull sena. Jekk il-proġett ta' riċerka ikun ipprogrammat li jdum inqas minn sena, il-permess ta' residenza jrid jinħareġ għad-durata kollha tal-proġett. Il-permessi jistgħu jinħarġu lill-membri familjari ta' riċerkatur għall-istess durata.

Id-detenturi ta' permess ta' residenza sejrin ikunu intitolati għall-istess trattament li jirċievu ċ-ċittadini fir-rigward ta':

  • rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra;
  • kondizzjonijiet ta' xogħol, inklużi dawk tal-paga u tat-tkeċċija;
  • assigurazzjoni soċjali kif definita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
  • benefiċċji tat-taxxa;
  • aċċess għal beni u servizzi u l-fornitura ta' beni u servizzi disponibbli għall-pubbliku.

Proċedura

Kull pajjiż tal-UE jiddeċiedi jekk l-applikazzjonijiet għal permessi ta' residenza għandhomx isiru mir-riċerkatur jew mill-organizzazzjoni ta' riċerka.

L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi fil-pajjiż ta' residenza tar-riċerkatur permezz ta' awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tal-pajjiż tal-UE fejn huwa/hija jixtiequ jwettqu r-riċerka.

Il-pajjiżi tal-UE, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jistgħu jipprovdu wkoll il-possibbiltà lill-applikanti biex japplikaw mit-territorju tagħhom.

Revoka

Id-Direttiva (UE) 2016/801 tirrevoka u tissosititwixxi d-Direttiva 2005/71/KE b'effett mill-24 ta' Mejju 2018.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-23 ta' Novembru 2005. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-12 ta' Ottubru 2007.

SFOND

Il-mobbiltà tar-riċerkaturi hija element ewlieni fil-kisba u l-kondiviżjoni tal-għarfien. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tad-dħul u tar-residenza għar-riċerkaturi minn pajjiżi barra mill-UE tista' tgħin sabiex jintlaħaq dan.

Għal aktar tagħrif, ara:

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika (ĠU L 289, 3.11.2005, pp. 15-22)

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' cittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU L 375, 23.12.2004, pp. 12-18)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u dwar il-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ ta' Riċerkaturi (ĠU L 75, 22.3.2005, pp. 67–77)

Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 21-57)

l-aħħar aġġornament 09.08.2016

Top