Help Print this page 
Title and reference
Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (2007-2013)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (2007-2013)

Sabiex tonqos id-diskrepanza bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni Ewropej u sabiex jiġi rkuprat id-dewmien tar-reġjuni żvantaġġati, dan ir-Regolament jiddefinixxi t-tipi ta’ azzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Jistabbilixxi wkoll kompiti u l-punt sa fejn jestendi l-intervent tal-FEŻR fil-kuntest tal-objettivi “Konverġenza”, “Kompetittività reġjonali u impjiegi” u “l-kooperazzjoni territorjali Ewropea” tar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007 – 2013.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ara l-att(i) emendatorju(i)).

SOMMARJU

Dan ir-Regolament jistabbilixxi u jiddefinixxi l-kompiti u l-punt sa fejn jestendi l-intervent tal-FEŻR. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-intervent tal-FEŻR jinstab fi ħdan il-kuntest tal-objettivi “Konverġenza”, “Kompetittività reġjonali u impjiegi” u “l-Kooperazzjoni territorjali Ewropea”, kif definiti mid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni.

Objettiv

L-objettiv tal-FEŻR huwa li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jnaqqas id-disparitajiet reġjonali. Din il-kontribuzzjoni sseħħ permezz ta’ appoġġ għall-iżvilupp u aġġustament strutturali tal-ekonomiji reġjonali, inkluża rikonverżjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-FEŻR jikkonċentra l-intervent tiegħu fuq għadd ta’ prijoritajiet tematiċi, li jirreflettu n-natura tal-objettivi “Konverġenza”, “Kompetittività reġjonali u impjiegi” u “l-Kooperazzjoni territorjali Ewropea”. B’mod partikolari, dan jikkonċerna l-finanzjamenti relatati ma’:

  • investimenti li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli;
  • investimenti fl-infrastrutturi;
  • miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp reġjonali u lokali, inkluża l-assistenza u s-servizzi għall-impriżi, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji (SMEs);
  • l-assistenza teknika.

Konverġenza

Fil-qafas tal-objettiv “Konverġenza”, il-FEŻR jikkonċentra l-għajnuna tiegħu fuq l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli integrat, kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli. Il-programmi operazzjonali fl-Istati Membri għandhom l-għan li jimmondernizzaw u jiddiversifikaw l-istrutturi ekonomiċi reġjonali, fost l-oħrajn fi ħdan l-oqsma li ġejjin:

  • ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (RŻT), l-innovazzjoni u l-intraprenditorija;
  • is-soċjetà tal-informazzjoni;
  • l-ambjent;
  • il-prevenzjoni tar-riskji;
  • it-turiżmu;
  • investimenti kulturali;
  • investimenti fit-trasport;
  • enerġija;
  • investimenti favur l-edukazzjoni;
  • investimenti fl-infrastrutturi sanitarji u soċjali;
  • għajnuna diretta lill-investimenti fl-impriżi żgħar u medji (SMEs).

Kompetittività reġjonali u impjiegi

Fir-rigward tal-objettiv “Kompetittività reġjonali u l-impjiegi”, il-prijoritajiet jinqasmu fi tliet gruppi:

  • l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien, l-aktar fil-qasam tat-titjib tal-kapaċitajiet reġjonali tar-RŻT u l-innovazzjoni, tal-intraprenditorija u tal-ħolqien ta’ strumenti finanzjarji ġodda għall-impriżi;
  • l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskji, inkluża r-riabilitazzjoni ta’ artijiet imniġġsa, żieda fl-effiċjenza enerġetika, il-promozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport pubbliku urban nodfa u l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji naturali u teknoloġiċi;
  • l-aċċess għas-servizzi tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerarli, b’mod partikolari t-tisħiħ tar-riżorsi sekondarji u jiġi mħeġġeġ l-aċċess għal teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT – Information and Communication Technology) mill-SMEs.

Kooperazzjoni territorjali Ewropea

Fir-rigward tal-objettiv “Kooperazzjoni territorjali Ewropea”, il-FEŻR jikkonċentra l-għajnuna tiegħu fuq tliet oqsma:

  • l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi u soċjali transkonfinali permezz ta’ strateġiji konġunti favur l-iżvilupp territorjali sostenibbli. Pereżempju, dan jista’ jinkiseb billi jitħeġġu l-intraprenditorija, il-protezzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u kulturali kif ukoll il-kollaborazzjoni, il-kapaċitajiet u l-użu konġunt tal-infrastrutturi;
  • it-twaqqif u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni transnazzjonali, inkluża l-kooperazzjoni bilaterali bejn ir-reġjuni marittimi. Il-prijoritajiet iħaddnu fihom l-innovazzjoni, l-ambjent, it-titjib tal-aċċessibilità u l-iżvilupp urban sostenibbli;
  • it-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika reġjonali. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-promozzjoni tan-netwerking u l-iskambju tal-esperjenzi bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipproponi xi regoli għal ċerti kategoriji ta’ spejjeż fis-seħħ u timplimenta xi regoli nazzjonali.

Huwa f’idejn l-Istati Membri li jaħtru awtorità waħda ta’ ġestjoni, awtorità ta’ ċertifikazzjoni u awtorità waħda tal-awditjar.

Kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-istrument ġuridiku ta’ kooperazzjoni, ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT), sabiex jiddelegaw lilu l-kompiti tal-awtorità ta’ ġestjoni u tas-segretarjat tekniku konġunt.

Sabiex jingħażel proġett, dan irid ikun jinkludi benefiċjarji ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi li jridu jaġixxu b’mod konġunt f’mill-inqas tnejn mill-erba’ oqsma li ġejjin: l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-tagħmir u l-finanzjament. Fil-każ tal-kooperazzjoni nazzjonali, programm jista’ jiġi implimentat fi Stat Membru bil-kundizzjoni li jkun ġie ppreżentat minn tal-inqas żewġ Stati. Meta jkunu kkonċernati n-netwerks ta’ kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenzi, iridu jinkludu tal-inqas tliet benefiċjarji minn tal-inqas tliet reġjuni ta’ żewġ Stati Membri bħala minimu, li jridu jaġixxu b’mod konġunt fl-erba’ oqsma msemmija.

B’mod partikolari, il-programm operazzjonali jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

  • analiżi tal-punti pożittivi u tal-punti dgaħjfa taż-żona ta’ kooperazzjoni;
  • ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet miżmuma;
  • l-informazzjoni dwar l-oqsma ta’ prijorità u l-objettivi speċifiċi tagħhom;
  • it-tqassim tal-oqsma ta’ interventi skont kull kategorija;
  • pjan ta’ finanzjament;
  • id-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni;
  • il-lista indikattiva tal-proġetti l-kbar.

Rigward il-finanzjament, jeżistu partikolaritajiet marbutin mal-lokalizzazzjoni. Il-kofinanzjament jista’ jilħaq:

  • 20 % għall-kooperazzjoni transkonfinali fiż-żoni tan-NUTS III li jmissu maż-żoni fil-konfini tal-Unjoni;
  • 20 % għall-kooperazzjoni transkonfinali għal operazzjonijiet li jinkludu msieħba li huma esterni għaż-żona kkonċernata;
  • 10 % għall-kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali għall-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet fit-territorju ta’ pajjiż terz għall-Unjoni, bil-kundizzjoni li jkunu ta’ benefiċċju għar-reġjuni tal-UE.

Speċifiċitajiet territorjali

Il-FEŻR jixħet attenzjoni partikolari fuq l-ispeċifiċitajiet territorjali. L-azzjonijiet relatati mad-dimensjoni urbana huma integrati fil-programmi operazzjonali, billi huma msejsa fuq l-esperjenza tal-inizjattiva URBAN. Fil-fatt, l-azzjoni tal-FEŻR għandha l-għan li ssolvi l-problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-ibliet.

Fir-rigward taż-żoni rurali u taż-żoni li jiddependu fuq is-sajd, l-intervent tal-FEŻR irid jikkonċentra fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomija, l-aktar:

  • l-infrastrutturi sabiex tittejjeb l-aċċessibilità;
  • in-netwerks u s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fiż-żoni rurali;
  • l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda;
  • it-tisħiħ tar-rabtiet bejn iż-żoni urbani u rurali;
  • l-iżvilupp tat-turiżmu u tal-faċilitajiet fiż-żoni rurali.

Għaż-żoni bi żvantaġġi naturali, il-FEŻR jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ investimenti favur l-aċċessibilità, attivitajiet ekonomiċi marbutin mal-patrimonju kulturali, l-użu sostenibbli ta’ riżorsi u l-istimolu tas-settur tat-turiżmu.

Finalment, il-FEŻR jikkontribwixxi sabiex jiffinanzja l-ispejjeż addizzjonali marbutin mas-sitwazzjoni ġeografika tar-reġjuni l-aktar imbiegħda kif ukoll:

  • l-appoġġ għat-trasport ta’ merkanzija u għat-tnedija ta’ servizzi ta’ trasport;
  • l-appoġġ marbut mar-restrizzjonijiet ta’ ħażna, mal-manutenzjoni tal-għodod ta’ produzzjoni u man-nuqqas ta’ kapital uman fis-suq tax-xogħol lokali.

Dispożizzjonijiet finali

Ir-Regolament ma jaffettwax l-interventi approvati qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. It-talbiet ippreżentati fil-qafas tar-Regolament 1783/99 jibqgħu validi, iżda r-Regolament imsemmi ġie revokat mill-1 ta’ Jannar 2007. Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2007 u jrid jerġa’ jiġi revedut sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1080/2006

1.8.2006

ĠU L 210, 31.7.2006

Att emendatarju

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 397/2009

10.6.2009

ĠU L 126, 21.5.2009

Regolament (UE) Nru 437/2010

18.6.2010

ĠU L 132, 29.5.2010

ATTI RELATATI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999.Ara verżjoni kkonsolidata.

REĠJUNI U ŻONI ELIĠIBBLI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/769/KE tal-31 ta’ Ottubru 2006 li tfassal il-lista ta' reġjuni u żoni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-fergħat transkonfinali u transnazzjonali tal-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-perjodu 2007–2013 (ĠU L 312, 11.11.2006).Ara verżjoni kkonsolidata.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/597/KE tal-4 ta’ Awwissu 2006 li tfassal lista tal-Istati Membri eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Fond tal-Koeżjoni għall-perjodu 2007 – 2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/595/KE tal-4 ta’ Awwissu 2006 li tfassal lista tar-reġjuni li huma eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali skond l-obbjettiv tal-Konverġenza għall-perijodu 2007–2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).Ara verżjoni kkonsolidata.

TQASSIM INDIKATTIV SKONT L-ISTATI MEMBRI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/609/KE tal-4 ta' Awwissu 2006 li tistabbilixxi allokazzjoni indikattiva għal kull Stat Membru tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-għan ta' koperazzjoni territorjali Ewropea għall-perijodu 2007–2013 (ĠU L 247, 9.9.2006).Ara verżjoni kkonsolidata.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/594/KE tal-4 ta' Awwissu 2006 li tiffissa allokazzjoni indikattiva minn Stat Membru ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-obbjettiv ta' Konverġenza għall-perjodu 2007–2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).Emendata mid-:Deċiżjoni 2010/475/UE (ĠU L 232, 2.9.2010).

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/593/KE tal-4 ta' Awwissu 2006 li tiffissa allokazzjoni indikattiva skont l-Istat Membru tal-approprjazzjonijiet tal-impenn għall-għan ta' kompetittività u impjiegi Reġjonali għall-perjodu 2007–2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).Emendata mid-:Deċiżjoni 2010/476/UE (ĠU L 232, 2.9.2010).

LINJI GWIDA STRATEĠIĊI KOMUNITARJI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 octobre dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni (ĠU L 291, 21.10.2006). L-abbozz ta' Linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, it-tkabbir u l-impjieg ġie adottat mill-Kunsill fis-6 ta’ Ottubru 2006. Dawn il-linji gwida strateġiċi jikkostitwixxu l-qafas indikattiv għall-istabbiliment tal-politika ta’ koeżjoni u l-intervent tal-Fondi matul il-perjodu 2007 – 2013.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2005 — Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi - Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007–2013 (COM(2005) 299 – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

IRKUPRU EKONOMIKU

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-16 ta' Diċembru 2008, bit-titolu “Il-Politika ta' Koeżjoni: investiment fl-ekonomija reali” (COM(2008) 876 finali — Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-politika tal-koeżjoni hija s-sors primarju tal-finanzjament komunitarju tal-ekonomija reali. Il-Kummissjoni tippreżenta serje ta’ prijoritajiet li jikkonċernaw il-persuni, l-impriżi, l-infrastrutturi u l-enerġija, kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex tikkontribwixxi għall-irkupru tal-ekonomija Ewropew u għall-progress soċjali. Tipprovdi għal tkabbir tal-investimenti pubbliċi għall-perjodu 2007–2013.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew - Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008) 800 finali — Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

ENERĠIJA — FID-DJAR

Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar. Il-pjan ta’ rkupru tal-ekonomija Ewropea jħeġġeġ il-miżuri favur l-effiċjenza enerġetika tal-bini. Dan ir-Regolament joffri qafas għall-investimenti pubbliċi previsti f’dan il-qasam. Iridu jiġu żviluppati xi pjanijiet ta’ investiment nazzjonali fil-livell territorjali li l-aktar li jkun xieraq (nazzjonali, reġjonali u lokali). Il-finanzjamenti tal-politika ta’ koeżjoni jridu jippermettu li jiġu appoġġjati l-miżuri meħuda mill-aktar familji dgħajfa.

Għaldaqstant, rigward l-ispejjeż tad-djar marbutin mal-effiċjenza enerġetika u mal-enerġiji rinnovabbli, il-kontribuzzjoni tal-FEŻR testendi għall-Istati Membri kollha. L-ispejjeż l-oħra relatati mad-djar iridu jibqgħu limitati għal dawk l-Istati Membri li aderixxew wara l-1 ta’ Mejju 2004. Konsegwentement, l-Artikolu 7 tar-Regolament 1080/2006, li jirregola l-eliġibilità ta’ dawn l-ispejjeż huwa emendat.

L-aħħar aġġornament: 17.09.2010

Top