EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Dispożizzjonijiet ġenerali FEŻR — FSE — Fond ta’ Koeżjoni (2007-2013)

Fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013, dan ir-Regolament jiddefinixxi r-regoli, l-istandards u l-prinċipji komuni applikabbli għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u għall-Fond ta’ Koeżjoni. Huwa jipprovdi għal allokazzjoni totali ta’ 347 biljun Euro, jiġifieri madwar terz tal-baġit Ewropew.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 [ara l-atti li jemendaw].

SINTEŻI

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali sabiex jippromwovi l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli tar-reġjuni tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-perjodu 2007-2013. Il-politika ta’ koeżjoni Ewropea għandha l-għan li tilqa’ l-isfidi marbuta mad-diskrepanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, mal-aċċellerazzjoni tar-ristrutturar ekonomiku u mat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

Dan ir-Regolament:

  • jiddefinixxi l-qafas li fih tinsab il-politika tal-koeżjoni (inklużi l-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-impjiegi);
  • jiddefinixxi l-għanijiet li għalihom għandhom jikkontribwixxu l-Fond strutturali u l-Fond ta’ koeżjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa il-Fondi);
  • jiddefinixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Istati Membri u tar-reġjuni għall-Fondi;
  • jiddefinixxi r-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-kriterji għall-allokazzjoni tagħhom;
  • jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli ta’ sħubija, ta’ programmazzjoni, ta’ evalwazzjoni, ta’ ġestjoni, ta’ segwitu u ta’ kontroll fuq il-bażi ta’ tqassim ta’ responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

TLIET GĦANIJIET ĠODDA

Total ta’ 347 biljun Euro ġie allokat għall-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni bejn l-2007 u l-2013 bħala parti mit-tliet għanijiet ġodda Konverġenza, Kompetittività reġjonali u impjiegi u Kooperazzjoni territorjali. Dawn l-għanijiet ser jissostitwixxu l-objettivi l-qodma 1 , 2 u 3 tal-perjodu tal-ipprogrammar 2000-2006.

Konverġenza

L-għan Konverġenza, simili għall-għan preċedenti 1, jimmira sabiex iħaffef il-konverġenza tal-Istati Membri u tar-reġjuni l-inqas żviluppati permezz tat-titjib tal-kundizzjonijiet tat-tkabbir u tal-impjiegi. Dan jirrigwarda l-Istati Membri u r-reġjuni l-anqas żviluppati. L-oqsma ta’ azzjoni sejrin ikunu l-kapital fiżiku u uman, l-innovazzjoni, is-soċjetà tal-għarfien, l-adattabilità għall-bidliet, l-ambjent u l-effikaċja amministrattiva. Huwa ser ikun iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ koeżjoni.

It-total ta’ riżorsi allokati għal dan il-għan għal dan il-perjodu huwa EUR 251.163 biljun, ekwivalenti għal 81.54 % tal-ammont totali. Huma eliġibbli:

  • għall-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE):
  • għall-Fond ta’ koeżjoni: l-Istati Membri li d-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) tagħhom għal kull abitant huwa inqas minn 90 % tal-medja Ewropea u li jmexxu programmi ta’ konverġenza ekonomika. Dawn sejrin jirċievu 23.22 % tar-riżorsi allokati għal dan il-għan. Ir-reġjuni li sejrin jaqbżu 90 % tad-DNG għal kull abitant minħabba l-istatistika (li tirriżulta mit-tkabbir tal-UE lejn reġjuni ifqar), sejrin jibbenefikaw minn finanzjament tranżitorju, speċifiku u li jonqos;
  • għal finanzjament speċifiku tal-FEŻR: ir-reġjuni l-aktar imbiegħda. L-għan huwa li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq intern u li jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet speċifiċi tagħhom (kumpens għall-ispejjeż addizzjonali b’mod partikolari minħabba d-distanza).

Għal dan il-għan, il-limiti applikabbli għar-rati ta’ kofinanzjament huma dawn li ġejjin:

  • 75 % tan-nefqa pubblika kofinanzjata mill-FEŻR jew mill-FSE. Dan il-limitu jista’ jilħaq it-80 % meta r-reġjuni eliġibbli jkunu jinsabu fi Stat Membru kopert mill-Fond ta’ koeżjoni. Jista’ wkoll jilħaq il-85 % jekk ikunu reġjuni mbiegħda;
  • 85 % tan-nefqa pubblika kofinanzjata mill-Fond ta’ koeżjoni;
  • 50 % tan-nefqa pubblika kofinanzjata fir-reġjuni l-aktar imbiegħda (allokazzjoni addizzjonali ġdida tal-FEŻR biex tikkumpensa għall-ispejjeż żejda).

Kompetittività reġjonali u impjiegi

L-għan Kompetittività reġjonali u impjiegi huwa maħsub biex isaħħaħ il-kompetittività, l-impjiegi u l-attrazzjoni tar-reġjuni, minbarra dawk li huma l-inqas vantaġġati. Huwa għandu jippermetti li jiġu antiċipati l-bidliet ekonomiċi u soċjali, jippromwovi l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, il-ħarsien tal-ambjent, l-aċċessibbiltà, l-adattabbiltà u l-iżvilupp ta’ swieq tax-xogħol inklużivi. Dan ser ikun iffinanzjat mill-FEŻR u mill-FSE.

Ir-reġjuni eliġibbli huma:

  • ir-reġjuni li jaqgħu taħt l-għan 1 matul il-perjodu 2000-2006, li ma jissodisfawx aktar il-kriterji ta’ eliġibbiltà reġjonali tal-għan Konverġenza, u li jibbenefikaw għalhekk minn appoġġ tranżitorju. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tagħmel lista ta’ dawk ir-reġjuni li, ladarba tkun adottata, tkun valida mill-2007 sal-2013;
  • ir-reġjuni l-oħrajn kollha tal-UE li m’humiex koperti mill-għan Konverġenza.

F’dak li jirrigwarda l-programmi ffinanzjati mill-FSE, il-Kummissjoni tipproponi erba’ prijoritajiet skont l-istrateġija Ewropea għall-impjiegi (SEI) : it-titjib tal-adattabbiltà tal-ħaddiema u tal-impriżi, it-titjib tal-aċċess għax-xogħol, it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali u t-twettiq ta’ riformi fil-qasam tal-impjieg u tal-inklużjoni.

Ir-riżorsi mmirati għal dan il-għan jammontaw għal 15.95 % tat-total, maqsuma wkoll bejn il-FEŻR u l-FSE. Minn dan l-ammont:

  • 78.86 % sejrin ikunu mmirati għar-reġjuni mhux koperti mill-għan Konverġenza;
  • 21.14 % serjin ikunu mmirati għal appoġġ tranżitorju li jonqos.

Fil-kuntest ta’ dan l-għan, sa 50 % tal-azzjonijiet jistgħu jkunu kkofinanzjati min-nefqa pubblika. Il-limitu jitla’ sa 85 % għar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

Kooperazzjoni territorjali Ewropea

L-għan Kooperazzjoni territorjali Ewropea huwa maħsub biex isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livelli transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali, fuq il-bażi tal-inizjattiva l-qadima Ewropea INTERREG. Dan ser ikun iffinanzjat mill-FEŻR. Huwa mmirat sabiex jippromwovi soluzzjonijiet komuni għal awtoritajiet ġirien fl-oqsma tal-iżvilupp urban, rurali u kostali, l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi u n-netwerking ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Il-kooperazzjoni sejra tiffoka fuq ir-riċerka, l-iżvilupp, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-ambjent, il-prevenzjoni tar-riskji u l-ġestjoni integrata tal-ilma.

Huma eliġibbli r-reġjuni tal-livell NUTS III li jinsabu matul il-fruntieri tal-art interni, ċerti fruntieri esterni kif ukoll ċerti reġjuni matul il-fruntieri marittimi separati minn massimu ta’ 150 kilometru. Il-Kummissjoni għandha tadotta lista tar-reġjuni eliġibbli.

It-territorju kollu tal-UE huwa eliġibbli għal dak li jirrigwarda n-netwerks ta’ kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenza. Il-limitu ta’ kofinanzjament huwa ta’ 75 % tan-nefqa pubblika.

Ir-riżorsi maħsuba għal dan l-għan jammontaw għal 2.52 % tat-total u huma ffinanzjati għal kollox mill-FEŻR. Dan l-ammont jitqassam bejn id-diversi komponenti skont kif ġej:

  • 73.86 % għall-finanzjament tal-kooperazzjoni transkonfinali;
  • 20.95 % għall-finanzjament tal-kooperazzjoni transnazzjonali;
  • 5.19 % għall-finanzjament tal-kooperazzjoni interreġjonali.

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAT-TLIET GĦANIJIET

Prinċipji ta’ intervent

Il-Fondi jintervjenu id f'id mal-azzjonijiet nazzjonali, inklużi l-azzjonijiet fuq livell reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza tal-interventi tal-Fondi mal-azzjonijiet, il-politiki u l-prijoritajiet tal-UE, u li dawn jikkumplimentaw strumenti finanzjarji Ewropej oħrajn.

L-għanijiet tal-Fondi għandhom jissuktaw fil-kuntest ta’ programm multiannwali u kooperazzjoni stretta bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru.

Approċċ strateġiku

Il-Kunsill jadotta il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni li jiddefinixxu l-prijoritajiet u l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013. Għaldaqstant huma jikkontribwixxu għall-konsistenza u l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-Fondi strutturali.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-linji gwida, l-Istati Membri għandhom sussegwentement jadottaw qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali. Dan il-qafas imbagħad iservi bħala bażi għall-programm ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi. Huwa jassigura l-konsistenza tal-interventi tal-Fondi mal-linji gwida strateġiċi.

Programmi operattivi

Il-programmi operattivi tal-Istati Membri koprew il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013. Programm operattiv għandu jirrigwarda biss wieħed mit-tliet għanijiet u jibbenefika biss mill-finanzjament ta’ Fond wieħed. Il-Kummissjoni għandha tevalwa kull programm propost sabiex tiddetermina jekk dan jikkontribwixxix għall-għanijiet u għall-prijoritajiet:

  • tal-qafas ta’ referenza strateġiku nazzjonali;
  • tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-Koeżjoni.

Il-programmi operattivi relatati mal-għanijiet ta’ Konverġenza u ta’ Kompetittività reġjonali u impjiegi jinkludu fost oħrajn:

  • ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet fir-rigward tal-linji gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni u l-qafas ta’ referenza strateġika nazzjonali;
  • informazzjoni dwar il-prijoritajiet u l-għanijiet speċifiċi tagħhom;
  • pjan ta’ finanzjament;
  • id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-programm operattiv;
  • lista tal-proġetti l-kbar. Dawn huma proġetti marbuta ma’ operazzjoni li tinvolvi sensiela ta’ xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi li l-ispiża totali tagħhom taqbeż il-25 miljun euro għall-ambjent u 50 miljun euro għall-oqsma l-oħrajn.

Ġestjoni, segwitu u kontrolli

L-Istati Membri huma responsabbli għall-ġestjoni u tal-kontroll tal-programmi operattivi. Huma għandhom jiżguraw b’mod partikolari li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ikunu stabbiliti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Huma għandhom jimpedixxu, isibu u jikkoreġu l-irregolaritajiet u jirkupraw is-somom imħallsa indebitament.

Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-programmi operattivi implimentati mill-Istati Membri għandhom jipprovdu:

  • id-definizzjoni tal-funzjonijiet tal-korpi responsabbli mill-ġestjoni u mill-kontroll;
  • ir-rispett tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet bejn dawn il-korpi;
  • proċeduri sabiex jiżguraw il-korrettezza u r-regolarità tal-ispejjeż iddikjarati taħt il-programm operattiv;
  • sistemi ta’ kontabilità, ta’ segwitu u ta’ informazzjoni finanzjarja;
  • sistema ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni u ta’ segwitu meta l-korp responsabbli jafda t-twettiq tal-kompiti lil xi korp ieħor;
  • dispożizzjonijiet rigward il-verifika tal-operat tas-sistemi;
  • sistemi u proċeduri li jiggarantixxu rekord adegwat ta’ verifika;
  • proċeduri ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni u ta’ segwitu għall-irregolaritajiet u l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.

Għal kull programm operattiv, l-Istat Membru għandu jaħtar lil dawn li ġejjin:

  • awtorità ta’ ġestjoni (awtorità pubblika jew korp pubbliku jew privat nazzjonali, reġjonali jew lokali li jamministra l-programm operattiv);
  • awtorità ta’ ċertifikazzjoni (awtorità jew korp pubbliku nazzjonali, reġjonali jew lokali li jiċċertifika d-dikjarazzjonijiet tan-nefqiet u t-talbiet ta’ ħlas qabel dawn jintbagħtu lill-Kummissjoni);
  • awtorità ta’ verifika (awtorità jew korp pubbliku nazzjonali, reġjonali jew lokali maħtur għal kull programm operattiv u responsabbli għall-verifika tal-operat effikaċi tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll).

Informazzjoni u pubbliċità

L-Istati Membri u l-awtorità ta’ ġestjoni għall-programm operattiv għandhom jipprovdu informazzjoni u pubbliċità dwar l-operazzjonijiet u l-programmi soġġetti għall-kofinanzjament. Din l-informazzjoni għandha tkun maħsuba għaċ-ċittadini tal-UE u għall-benefiċjarji, bl-għan li jenfasizzaw ir-rwol tal-Komunità u jiżguraw it-trasparenza rigward l-intervent tal-Fondi.

KUNTEST

Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn relatati mal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 jinsabu fl-erba’ Regolamenti speċifiċi dwar:

Fuq livell politiku, il-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007–2013 issib il-bażi finanzjarja tagħha fil-ftehim interistituzzjonali u l-qafas finanzjarju għall-2007-2013.

TABELLA TA' RIKAPITULAZZJONI

Objettivi

Strumenti finanzjarji

Konverġenza

  • FEŻR
  • FSE
  • Fondi ta' koeżjoni

Kompetittività reġjonali u impjiegi

  • FEŻR
  • FSE

Kooperazzjoni territorjali Ewropea

  • FEŻR

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) nru 1083/2006

1.8.2006

-

ĠU L 210, 31.7.2006

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1341/2008

24.12.2008

-

ĠU L 348, 24.12.2008

Regolament (KE) Nru 85/2009

30.1.2009

-

ĠU L 25, 29.1.2009

Regolament (KE) Nru 284/2009

9.4.2009

-

ĠU L 94, 8.4.2009

Regolament (UE) Nru 539/2010

25.6.2010

-

ĠU L 158, 24.6.2010

Regolament (UE) Nru 1310/2011

23.12.2011

-

ĠU L 337, 20.12.2011

Regolament (UE) Nru 1311/2011

20.12.2011

-

ĠU L 337, 20.12.2011

Regolament (UE) Nru 423/2012

23.5.2012

-

ĠU L 133, 23.5.2012

Emendi u korrezzjonijiet sussegwenti għar-Regolament Nru 1083/2006 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il- verżjoni konsolidata hija għal għanijiet ta’ referenza biss.

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/802/UE tal- 21 ta’ Diċembru 2010 li teżenta ċerti każijiet ta’ irregolarità li ġejjin minn operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 mir-rekwiżiti ta’ rappurtar speċjali stipulati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/94 [Ġurnal Uffiċjali L 341, 23.12.2010]

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/766/KE tal-14 ta’ Novembru 2007 li tfassal lista ta’ reġjuni u żoni eliġibbli għal finanzjament taħt il-Komponent ta’ Kooperazzjoni fuq il-Fruntieri tal-Istrument ta’ Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-iskop ta’ kooperazzjoni fuq il-fruntieri bejn Stati Membri u pajjiżi benefiċjarji għall-perjodu 2007 sal-2013 [Ġurnal Uffiċjali L 310, 28.11.2007].

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/769/KE tal-31 ta’ Ottubru 2006 li tfassal il-lista ta' reġjuni u żoni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-fergħat transkonfinali u transnazzjonali tal-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-perjodu 2007-2013 [Ġurnal Uffiċjali L 312, 11.11.2006].

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/597/KE tal-4 ta’ Awwissu 2006 li tfassal lista tal-Istati Membri eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Fond tal-Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 [Ġurnal Uffiċjali L 243, 6.9.2006].

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/596/KE tal-4 ta’ Awwissu 2006 li tfassal lista tar-reġjuni eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Fond tal-Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 [Ġurnal Uffiċjali L 243, 6.9.2006].

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/595/KE tal- 4 ta’ Awwissu 2006 li tfassal lista tar-reġjuni li huma eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali skond l-obbjettiv tal-Konverġenza għall-perijodu 2007-2013 [Ġurnal Uffiċjali L 243, 6.9.2006].

Regolament (UE) Nru 1297/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom, mar-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati Membri, u mar-regoli dwar il-pagamenti tal-bilanċ finali [Ġurnal Uffiċjali L 347 tal-20.12.2013].

Ir-regolament emendatorju jipprovdi għal żewġ miżuri:

  • Għal pagamenti magħmula taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni, ir-rati ta' ko-finanzjament tal-UE sejrin jiżdiedu b'għaxar punti perċentwali ogħla mir-rati ta' kofinanzjament normali, għal massimu ta' 95%. Dawn ir-rati ta' kofinanzjament miżjudin sejrin ikunu applikabbli għal pajjiżi taħt assistenza finanzjarja fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regolament, jiġifieri Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda (jiddependi fuq meta joħroġ mill-programm ta' aġġustament tiegħu) u l-Portugall u japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2015. Iż-żidiet ma jżidux l-approprijazzjonijiet totali għall-pajjiżi affettwati, u dan ifisser li ma hemm bżonn ta' ebda finanzjament addizzjonali tal-UE.
  • Ir-Rumanija u s-Slovakkja se jkollhom sena addizzjonali sabiex jużaw l-impenni tagħhom magħmula fl-2011 u fl-2012, u dan ifisser li dawn l-impenni jistgħu jintużaw sat-tmiem tal-2014 u tal-2015 rispettivament (milli sat-tmiem tal-2013 u l-2014). Dan probabbli jtejjeb l-assorbiment tal-finanzjament f'dawn il-pajjiżi u jwieġeb għal stedina tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 sabiex titfittex soluzzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' disimpenn awtomatiku tal-fondi mill-enveloppi nazzjonali tal-2007-2013 tar-Rumanija u tas-Slovakkja affettwati bl-ogħla limitu ta' 110% fiż-żieda possibbli tal-allokazzjoni ta' koeżjoni tagħhom għall-2014-2020 meta mqabbel 2007-2013.

L-aħħar aġġornament: 07.03.2014

Top