EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konċessjonijiet eżentati mit-taxxa: importazzjonijiet permanenti ta’ proprjetà personali

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2009/55/KE dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għall-introduzzjoni permanenti minn xi Stat Membru tal-proprjetà personali ta’ individwi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

L-għan tagħha huwa li tikkodifika d-Direttiva 83/183/KEE dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għall-introduzzjoni permanenti minn xi Stat Membru tal-proprjetà personali* ta’ individwi minn pajjiż tal-UE ieħor.

PUNTI EWLENIN

Din id-direttiva tipprovdi eżenzjoni għal proprjetà personali li hija introdotta b’mod permanenti minn pajjiż tal-UE ieħor minn individwi privati minn taxxi tal-konsum li normalment japplikaw għal tali proprjetà.

Din il-proprjetà la għandu jkollha natura kummerċjali u lanqas tkun maħsuba għal attività ekonomika. L-għodod meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kummerċ jew professjoni ta’ persuna, madankollu, għandhom jiġu ttrattati bħala proprjetà personali.

Żwiemel ta’ rkib, vetturi tat-triq bil-mutur (inklużi t-trejlers tagħhom), karavans, djar mobbli, dgħajjes tad-divertiment u inġenji tal-ajru privati jistgħu jingħataw eżenzjoni biss jekk l-individwu privat ikkonċernat jittrasferixxi r-residenza normali* tiegħu lejn il-pajjiż destinatarju tal-UE.

Vetturi tat-triq bil-mutur (inklużi t-trejlers tagħhom), karavans, djar mobbli, dgħajjes tad-divertiment u inġenji tal-ajru privati m’għandhomx jinbiegħu, jinkrew jew jiġu mislufa matul it-12-il xahar wara l-introduzzjoni tagħhom eżenti mit-taxxa,, ħlief f’ċirkostanzi ġġustifikati għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż destinatarju tal-UE.

L-introduzzjoni tal-proprjetà tista’ ssir kollha f’daqqa jew fi stadji, u għal kwalunkwe raġuni minn dawn li ġejjin:

  • b’rabta ma’ trasferiment ta’ residenza normali: il-proprjetà kollha għandha tiġi introdotta fi żmien 12-il xahar mit-trasferiment tar-residenza normali;
  • b’rabta mal-għoti jew ir-rilaxx ta’ residenza sekondarja: il-proprjetà għandha tikkorrispondi mal-għamara normali tar-residenza sekondarja u l-persuna kkonċernata għandha tkun is-sid tar-residenza sekondarja jew tikriha għal perjodu ta’ mill-inqas 12-il xahar;
  • fil-każ ta’ żwieġ: il-proprjetà għandha tiġi introdotta bejn xahrejn qabel id-data taż-żwieġ prevista u 4 xhur wara d-data attwali taż-żwieġ, u għandha tiġi pprovduta prova taż-żwieġ;
  • akkwistata permezz ta’ wirt: il-proprjetà għandha tiġi introdotta fi żmien sentejn mid-data li fiha l-persuna kkonċernata jkollha pussess tal-proprjetà, u għandha tingħata prova li l-proprjetà ġiet akkwistata permezz ta’ wirt.

Bl-eċċezzjoni ta’ ċerti oġġetti, il-pajjiżi tal-UE għandhom id-dritt li jżommu jew jintroduċu kundizzjonijiet iktar liberali għall-għoti ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa minn dawk li jinsabu f’din id-direttiva.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-30 ta’ Ġunju 2009. Id-Direttiva 2009/55/KE tikkodifika u tissostitwixxi d-Direttiva 83/183/KEE li kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Jannar 1984.

TERMINI EWLENIN

Proprjetà personali: proprjetà għall-użu personali tal-persuni kkonċernati jew il-bżonnijiet tal-unitajiet domestiċi tagħhom.
Residenza normali: il-post fejn normalment tgħix persuna (għal mill-inqas 185 jum f’kull sena kalendarja) minħabba rabtiet personali u okkupazzjonali, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr rabtiet okkupazzjonali, minħabba rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik persuna u l-post li tgħix fih.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 2009/55/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għall-introduzzjoni permanenti minn Stat Membru tal-proprjetà personali ta’ individwi (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 36-41)

l-aħħar aġġornament 05.11.2018

Top