Help Print this page 
Title and reference
Il-produzzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-produzzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 – il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi

SOMMARJU

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi qafas legali għall-prodotti organiċi. Huwa jinkludi l-objettivi bażiċi u l-prinċipji ġenerali għall-biedja organika u jispjega r-regoli dwar il-produzzjoni, it-tikkettar, il-kontrolli u l-kummerċ ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

Fl-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll ta’ prodotti organiċi, huwa jfittex li jiżgura li jkun hemm

kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi u

fiduċja akbar f’dawn il-prodotti fost il-konsumaturi.

PUNTI EWLENIN

Ambitu

Il-qafas jirregola:

il-prodotti agrikoli (li jinkludu prodotti tal-akkwakultura), ipproċessati jew mhux ipproċessati u intiżi għall-konsum mill-bniedem;

l-għalf tal-annimali;

il-materjal ta’ propagazzjoni veġetattiva (eż. għeruq u tilqimiet) u żerriegħa użata għall-uċuh tar-raba’;

ħmira użata bħala ikel jew għalf.

Għanijiet u prinċipji

L-għanijiet jiffokaw fuq l-agrikoltura sostenibbli u l-kwalità tal-produzzjoni, li għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi.

Il-prinċipji ġenerali jikkonċernaw, pereżempju, metodi tal-produzzjoni speċifiċi, l-użu ta’ riżorsi naturali u restrizzjonijiet stretti fuq inputs ta’ sustanzi kimiċi sintetiċi.

Huwa jistabbilixxi wkoll prinċipji speċifiċi li jikkonċernaw il-biedja, l-ipproċessar ta’ ikel organiku u l-għalf organiku għall-annimali.

Regoli tal-produzzjoni

Skont ir-regoli ġenerali għall-produzzjoni organika, l-organiżmi ġenetikament modifikati (GMOs) huma pprojbiti fil-forom kollha tagħhom. Ir-regoli li jikkonċernaw it-tikkettar tal-ikel jippermettu lill-operaturi jiżguraw il-konformità ma’ din il-projbizzjoni. Huwa pprojbit ukoll it-trattament permezz ta’ radjazzjoni jonizzanti.

Dawk li jkunu jixtiequ jħaddmu ż-żewġ tipi ta’ produzzjoni agrikola (organika u mhux organika) għandhom jiżguraw li l-annimali u l-art għal dawn iż-żewġ attivitajiet ikunu separati.

Il-produzzjoni tal-pjanti organiċi għandha tikkonforma ma’ ċerti regoli li jikkonċernaw:

it-trattament tal-art, li għandu jippreserva l-ħajja u l-fertilità naturali tal-art;

il-prevenzjoni tal-ħsara, li għandha tkun ibbażata fuq metodi naturali, iżda li tista’ tagħmel użu minn numru limitat ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea (l-Artikolu 16 tar-Regolament);

il-materjal għall-propagazzjoni taż-żrieragħ u tal-pjanti, li għandu jiġi prodott bl-użu ta’ metodi organiċi;

il-prodotti tat-tindif, li għalihom għandha tintalab awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni.

Il-pjanti selvaġġi miġburin f’xi żoni jiġu kklassifikati wkoll bħala prodotti organiċi jekk ikunu konformi ma’ ċerti kundizzjonijiet b’rabta mal-ħsad u l-provenjenza tagħhom (eż. il-post fejn huma miġbura ma kienx ittrattat bi prodotti li mhumiex awtorizzati għal mill-inqas 3 snin). L-alka wkoll tista’ titqies bħala prodott organiku sakemm iż-żona tal-produzzjoni u l-ħsad tagħha tkun konformi ma’ ċerti kundizzjonijiet.

Il-produzzjoni ta’ bhejjem organiċi għandha tkun konformi ma’ ċerti regoli li jikkonċernaw:

l-oriġini tal-annimali – dawn għandhom ikunu twieldu u trabbew f’azjendi organiċi;

il-prattiki tal-kura u l-ġestjoni tal-bhejjem, li, fost l-oħrajn, huma marbutin ma’ ċerti karatteristiċi tal-akkomodazzjoni għall-annimali;

il-metodi għat-tnissil tal-annimali, ġeneralment naturali;

l-għalf tal-annimali, li għandu jkun organiku;

il-prevenzjoni tal-mard;

it-tindif u d-diżinfettar, li jinvolvu l-użu esklussiv ta’ prodotti awtorizzati mill-Kummissjoni.

Japplikaw regoli speċifiċi simili għall-annimali tal-akkwakultura.

Il-Kummissjoni tawtorizza l-użu ta’ numru limitat ta’ prodotti u sustanzi fil-biedja organika. Dawn il-prodotti jistgħu jkunu intiżi għall-kura tal-pjanti, għall-għalf tal-annimali u għat-tindif ta’ bini li jintuża għall-produzzjoni tal-pjanti u tal-bhejjem. Il-Kummissjoni tista’ tiffissa wkoll ċerti limiti u kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

L-azjendi li qegħdin jidħlu f’attività ġdida ta’ biedja organika għandhom jikkonformaw ma’ perjodu ta’ konverżjoni – fażi ta’ tranżizzjoni li matulha għandhom jiġu rrispettati l-prattiki organiċi. Ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jirregolaw dan il-perjodu ta’ konverżjoni.

L-għalf organiku pproċessat għandu jkun fih materja prima organika u ma jistax jiġi pproċessat bl-użu ta’ solventi kimiċi. L-ikel ipproċessat għandu jkun fih primarjament ingredjenti ta’ oriġini agrikola. Huma permessi ingredjenti oħrajn jekk tkun intalbet awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. Il-ħmira organika għandha tiġi prodotta minn sottostrati organiċi u minn ingredjenti awtorizzati oħrajn.

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-għanijiet, ir-regoli tal-produzzjoni u t-tikkettar. Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu limitati fiż-żmien u għandhom japplikaw għal ċerti każijiet partikolari.

Tikkettar

It-tikkettar, ir-reklamar jew id-dokumenti kummerċjali jistgħu jużaw termini bħal “eko” u “bijo” sabiex jiddeskrivu prodott organiku, l-ingredjenti tiegħu jew il-materja prima.

It-tikkettar ta’ prodott organiku għandu jkun viżibbli b’mod ċar fuq l-imballaġġ u għandu jinkludi referenza għall-korp ta’ kontroll li jiċċertifika l-prodott ikkonċernat.

Mill-1 ta’ Lulju 2010, sar obbligatorju li jintuża l-logo tal-UE fuq prodotti tal-ikel organiċi, kif ukoll li tingħata indikazzjoni tal-provenjenza tal-materja prima użata fil-prodott. Din l-indikazzjoni għandha tintwera fl-istess post fejn ikun hemm il-logo tal-UE.

Kontrolli

Il-konformità mad-dispożizzjonijiet inklużi f’dan ir-Regolament hija ggarantita minn sistema ta’ kontrolli abbażi tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u minn miżuri ta’ kontroll u prekawzjoni mħejjija mill-Kummissjoni. Din is-sistema tiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-ikel b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

Valutazzjoni tar-riskju ta’ ksur tiddetermina t-tip u l-frekwenza tal-kontrolli. Dawn jiġu organizzati mill-awtoritajiet maħturin mill-pajjiżi tal-UE. Taħt ċerti kundizzjoniijet, dawn l-awtoritajiet jistgħu jiddelegaw id-dmirijiet ta' kontroll lil korpi akkreditati, iżda jibqgħu responsabbli għas-superviżjoni tal-kontrolli mwettqa u l-għoti tal-eżenzjonijiet. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'mod regolari fuq il-lista tal-awtoritajiet u l-korpi ta' kontroll (l-aktar lista reċenti ta' korpi u awtoritajiet responsabbli għall-kontroll ġiet ippubblikata fl-2014).

L-awtoritajiet għandhom jikkontrollaw ukoll l-attivitajiet ta' kull operatur involut fil-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott organiku qabel dan jitqiegħed fis-suq. Wara dan il-kontroll, l-operatur jirċievi ċertifikazzjoni li huwa jikkonforma ma' dan ir-Regolament. Jekk jiġu nnotati irregolaritajiet, l-awtorità għandha tiżgura li t-tikkettar tal-prodotti inkwistjoni ma jkun fih ebda referenza għall-produzzjoni organika.

Kummerċ ma' pajjiżi mhux tal-UE

Il-prodotti minn pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jinbiegħu ukoll fis-suq tal-UE bħala prodotti organiċi diment li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament u jekk kienu soġġetti għal kontroll. Dan il-kontroll jista' jsir jew minn korp rikonoxxut mill-UE, jew minn korp ta' kontroll akkreditat.

Il-kummerċjalizzazzjoni u s-sorveljanza statistika

Il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott organiku ma għandha tixxekkel b'ebda mod minn xi awtorità ta' pajjiż tal-UE li ma tkunx l-awtorità li tkun spezzjonat il-prodott.

Il-Kummissjoni twettaq attivitajiet ta' sorveljanza statistika abbażi tad-dejta pprovduta mill-pajjiżi tal-UE. Il-Kumitat Regolatorju dwar il-Biedja Organika jassisti lill-Kummissjoni fid-definizzjoni tal-politiki għall-biedja organika.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-1 ta’ Jannar 2009.

SFOND

Dan ir-Regolament ġie prodott bħala parti minn serje ta' inizjattivi sabiex isaħħaħ il-biedja organika. Fl-2014, il-Kummissjoni approvat Pjan ta' Azzjoni għall-futur tal-Produzzjoni Organika fl-Ewropa,

Ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 fil-preżent huwa soġġett għal proposta għar-revoka u s-sostituzzjoni tiegħu ma' regolament li jfittex li jissimplifika l-leġiżlazzjoni, jiċċara ċerti regoli u jindirizza ċerti dgħjufijiet fis-sistema ta' kontrolli.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189 tal-20.7.2007, pp. 1–23)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 834/2007 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Regoli għall-implimentazzjoni

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar produzzjoni organika u tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni organika, tikkettar u kontroll (Ġurnal Uffiċjali L 250, 18.9.2008, pp. 1–84)

l-aħħar aġġornament 29.10.2015

Top