EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Annimali u prodotti tal-akwakultura – regoli tas-saħħa

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2006/88/KE - rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Tiddeskrivi:

  • ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-bejgħ, l-importazzjoni jew il-ġarr ta’ annimali tal-akkwakultura (ħut imrobbi u molluski);
  • il-miżuri minimi biex jiżdied l-għarfien ġenerali u jiġi evitat il-mard;
  • il-miżuri minimi f’każ ta’ tifqigħa suspettata jew stabbilita ta’ marda.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal ħut jew frott tal-baħar għal għanijiet ornamentali, maqbuda fl-ambjent naturali jew destinati biex jiġu pproċessati f’ħut mitħun, għalf tal-ħut, żejt jew prodotti simili.

Awtorizzazzjoni

L-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li kull razzett tal-ħut ikun awtorizzat.

Biex jirċievu l-awtorizzazzjoni tagħhom, l-irziezet tal-ħut għandhom:

  • iżommu rekords tal-ħut u l-molluski kollha li jiddaħħlu u jinħarġu mill-binja;
  • juru standards għoljin ta’ iġjene;
  • joperaw skema ta’ sorveljanza fuq is-saħħa tal-annimali bbażata fuq ir-riskji biex jiskopru l-mard u kwalunkwe żidiet fil-livelli ta’ mortalità.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iżommu reġistru disponibbli ta’ rziezet tal-ħut.

Prevenzjoni tal-mard

  • Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi lista ta’ mard u l-ispeċi suxxettibbli għalihom.
  • Meta jiġu trasportati annimali tal-akkwakultura għandu jkun hemm fis-seħħ miżuri għall-prevenzjoni tal-mard.
  • Il-ħut imrobbi u l-frott tal-baħar għandhom ikunu b’saħħithom. Huma jeħtieġu ċertifikat tas-saħħa tal-annimali meta jiġu offruti għall-bejgħ.
  • Il-ħut u l-frott tal-baħar importati għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali tal-UE.
  • L-UE tista’ tiddeċiedi li tispezzjona l-farms li ġejjin minnhom.

Notifika

  • Il-propjetarji tal-irziezet tal-ħut u l-veterinarji għandhom jirrapportaw kwalunkwe żieda fil-mortalità jew kwalunkwe suspett ta’ mard lill-awtoritajiet relevanti minnufih.
  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinnotifikaw lil pajjiżi tal-UE oħrajn u lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lin-Norveġja, lill-Islanda, lill-Isvizzera u lil-Liechtenstein fi żmien 24 siegħa minn meta tiġi kkonfermata l-marda.

Kontroll tal-mard

  • Jekk ikun hemm suspett ta’ marda, għandhom jittieħdu miżuri ta’ kontroll, bħal testijiet magħmula fil-laboratorju u r-razzett għandu jitqiegħed taħt kwarantina.
  • Meta tiġi kkonfermata marda, l-awtoritajiet:
    • jiddikjaraw uffiċjalment li r-razzett huwa infettat;
    • jistabbilixxu żona ta’ trażżin, b’żoni ta’ protezzjoni u sorveljanza;
    • jipprojbixxu t-tkabbir mill-ġdid u l-moviment tal-ħut u tal-molluski.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi qabel jingħataw status li huma ħielsa mill-mard.
  • Esperti tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn uffiċjali nazzjonali, jistgħu jwettqu spezzjonijiet fuq il-post. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jieħdu miżuri aktar stretti jekk ikunu jixtiequ.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din applikat mill-14 ta’ Diċembru 2006. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Mejju 2008.

Id-Direttiva 2006/88/KE se tiġi sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/429 mit-2 ta’ April 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, pp. 14-56)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/88/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/392/KE tat-30 ta’ April 2008 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward ta’ paġna ta’ informazzjoni bbażata fuq l-Internet biex tagħmel disponibbli informazzjoni dwar negozji tal-produzzjoni tal-akkwakultura u stabbilimenti tal-ipproċessar awtorizzati b’mezzi elettroniċi (ĠU L 138, 28.5.2008, pp. 12-20)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 t’April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex tillimita l-impatt ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi u annimali akkwatiċi salvaġġi skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (ĠU L 98 20.4.2010, pp. 7-11).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 04.05.2020

Top