Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-annimali u l-prodotti tal-akkwakultura — regoli tas-saħħa

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-annimali u l-prodotti tal-akkwakultura — regoli tas-saħħa

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2006/88/KE — rekwiżiti tas-saħħa għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u l-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f'annimali akkwatiċi

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi:
    • ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-bejgħ, l-importazzjoni jew il-ġarr ta’ annimali tal-akkwakultura (ħut imrobbi u molluski);
    • il-miżuri minimi biex jiżdied l-għarfien ġenerali u jiġi evitat il-mard;
    • il-miżuri minimi f'każ ta’ tifqigħa suspettata jew stabbilita ta’ marda.

PUNTI EWLENIN

  • L-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li kull razzett tal-ħut ikun awtorizzat.
  • Biex jirċievu l-awtorizzazzjoni tagħhom, l-irziezet tal-ħut għandhom:
    • iżommu rekords tal-ħut u l-molluski kollha li jiddaħħlu u jinħarġu mill-binja;
    • juru standards għoljin ta’ iġjene;
    • joperaw skema ta’ sorveljanza fuq is-saħħa tal-annimali bbażata fuq ir-riskji biex jiskopru l-mard u kwalunkwe żidiet fil-livelli ta’ mortalità.
  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iżommu reġistru disponibbli ta’ rziezet tal-ħut.
  • Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi lista ta’ mard u l-ispeċi suxxettibbli għalihom.
  • Miżuri għall-prevenzjoni tal-mard għandhom ikunu fis-seħħ meta jiġu trasportati annimali tal-akkwakultura.
  • Il-ħut u l-molluski mrobbija għandhom ikunu b’saħħithom. Huma jeħtieġu ċertifikat tas-saħħa tal-annimali meta jiġu offruti għall-bejgħ.
  • Il-ħut u l-molluski importati għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali tal-UE. L-UE tista’ tiddeċiedi li tispezzjona l-irziezet minn fejn ġejjin.
  • Il-propjetarji tal-irziezet tal-ħut u l-veterinarji għandhom jirrappurtaw kwalunkwe żieda fil-mortalità jew suspetti ta’ marda lill-awtoritajiet relevanti immedjatament.
  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinnotifikaw lil pajjiżi oħra tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lin-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein fi żmien 24 siegħa minn meta l-marda tiġi kkonfermata.
  • Jekk tkun issuspettata marda, għandhom jittieħdu miżuri ta’ kontroll, bħal testijiet magħmula fil-laboratorju u t-tqegħid tar-razzett fil-kwarantina.
  • Meta tiġi kkonfermata marda, l-awtoritajiet:
    • jiddikkjaraw uffiċjalment li r-razzett huwa infettat:
    • jistabbilixxu żona tat-trażżin, b’żoni ta’ ħarsien u sorveljanza;
    • jipprojbixxu t-tkabbir mill-ġdid u l-moviment tal-ħut u tal-molluski.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi qabel jingħataw status li huma ħielsa mill-mard.
  • Esperti tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn uffiċjali nazzjonali, jistgħu jwettqu spezzjonijiet fuq il-post.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jieħdu miżuri aktar stretti jekk ikunu jixtiequ.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għall-ħut jew molluski
    • għal skopijiet ornamentali,
    • maqbuda fl-ambjent naturali jew
    • maħsuba biex jiġu pproċessati f’ħut imqadded mitħun, ikel għall-ħut, żejt jew prodotti simili.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Diċembru 2006. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Mejju 2008.

SFOND

Ara “L-Akwakultura” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f'annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14–56)

L-emendi suċċessivi u l-korrezzjonijiet għad-Direttiva 2006/88/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/392/KE tat-30 ta’ April 2008 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward ta’ paġna ta’ informazzjoni fuq l-Internet biex tagħmel disponibbli, permezz ta’ mezzi elettroniċi, informazzjoni fuq tal-produzzjoni tal-akkwakultura u fuq l-istabbilimenti awtorizzati tal-ipproċessar (ĠU L 138, 28.5.2008, p. 12–20)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta’ April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi b’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7–11). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 23.05.2016

Top