Help Print this page 
Title and reference
Sikurezza tal-ikel — tul il-katina alimentari kollha

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sikurezza tal-ikel — tul il-katina alimentari kollha

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel

SOMMARJU

L-UE għandha l-għan li tiżgura l-iġjene tal-ikel fl-istadji kollha tal-proċess ta’ produzzjoni, mill-istadju tal-produzzjoni primarja (primarjament il-biedja, il-kaċċa u s-sajd) sa ma jasal għand il-konsumatur finali. Din il-liġi tal-UE ma tkoprix kwistjonijiet relatati man-nutrizzjoni, il-kompożizzjoni jew il-kwalità, jew mal-produzzjoni jew il-preparazzjoni tal-ikel fid-dar.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Ir-regolament u l-annessi tiegħu jiddefinixxu sett ta’ objettivi ta’ sikurezza tal-ikel li jridu jissodisfaw l-impriżi li jaħdmu bl-ikel.

PUNTI EWLENIN

Il-prinċipju ewlieni huwa li kull min jaħdem fin-negozju tal-ikel irid jiżgura prattiki ta’ iġjene f’kull stadju tal-proċess tal-produzzjoni.

L-Anness I tar-regolament ikopri attivitajiet konnessi mal-produzzjoni primarja (jiġifieri l-biedja, il-kaċċa jew is-sajd), u jinkludi t-trasport, l-immaniġġjar u l-ħażna ta’ prodotti primarji u t-trasport tal-annimali ħajjin.

L-objettivi tal-iġjene ġenerali stabbiliti fl-Anness II ikopru oqsma bħal dawn segwenti:

fondi tal-ikel u tagħmir,

il-kundizzjonijiet tat-trasport,

l-iskart tal-ikel,

il-provvista tal-ilma,

l-iġjene personali u t-taħriġ tal-ħaddiema,

it-tgeżwir u l-imballaġġ,

proċessi ta’ trattament bis-sħana.

Barra minn hekk, in-negozji kollha fis-settur tal-ikel iridu jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 853/2004, li jistabbilixxi regoli dwar ikel li joriġina mill-annimali

Xi kultant jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, pereżempju għal negozji żgħar li jfornu lill-konsumaturi lokali direttament. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jadattaw ir-regoli skont ċerti kundizzjonijiet lokali, sakemm is-sikurezza tal-ikel ma tkunx kompromessa.

Is-sistema HACCP

In-negozji fis-settur tal-ikel (minbarra dawk involuti fil-kultivazzjoni tar-raba’ jew fit-trobbija tal-bhejjem, il-kaċċa jew is-sajd) għandhom japplikaw il-prinċipji ta’ analiżi tal-periklu u l-punti kritiċi tal-kontroll (HACCP) introdotti bħala parti mill-Codex Alimentarius. Madankollu, dawn il-prinċipji ma jissostitwixxux il-kontrolli uffiċjali. L-għan huwa li:

jiġu identifikati punti ta’ kontroll kritiċi u proċeduri ta’ monitoraġġ,

jiġu stabbiliti miżuri korrettivi,

jiġu implimentati proċeduri sabiex jiġi kkontrollat jekk il-miżuri humiex qed jaħdmu b’mod effettiv;

jinżammu r-reġistri.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jħeġġu l-iżvilupp ta’ linji ta’ gwida nazzjonali bbażati fuq il-prinċipji HACCP, bil-possibbiltà ta’ linji ta’ gwida għall-UE kollha jekk dan ikun meqjus neċessarju.

Fejn meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-UE, in-negozji fis-settur tal-ikel iridu jkunu approvati u l-istabbilimenti kollha għandhom jiġu rreġistrati mal-awtorità xierqa.

L-ikel importat fl-UE u l-ikel esportat ta' oriġini mill-annimali jrid jikkonforma mal-istandards tal-UE jew l-ekwivalenti tagħhom, kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżit li jista’ jimponi l-pajjiż li jimporta.

Ir-regoli tat-traċċabilità * introdotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, issa japplikaw ukoll għal ikel importat u esportat mill-UE, b’ċerti rekwiżiti ġodda.

Meta ditta fis-settur tal-ikel tiskopri li oġġett tal-ikel ikollu riskju serju għas-saħħa, trid tirtira l-ikel mis-suq immedjatament, filwaqt li tinforma lill-utenti u lill-awtorità rilevanti.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2004.

TERMINU EWLIENI

*Traċċabbiltà : il-kapaċità li oġġett tal-ikel jew annimal li jipproduċi l-ikel jiġi traċċat fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni.

SFOND

Iġjene tal-ikel - Leġiżlazzjoni Bażika fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 139, 30.04.2004, p. 1–54)

Emendi suċċesivi u korrezzjonijiet għar-Regolament (KE) Nru 852/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (Mhux disponibbli bil-Malti) (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1–26). Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27–59). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.11.2015

Top