Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-prevenzjoni u l-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-prevenzjoni u l-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2002/60/KE — regoli speċifiċi għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Id-deni Afrikan tal-qżieqeż huwa ġeneralment mard infettiv fatali fil-ħnieżer, b’konsegwenzi serji soċjoekonomiċi u għas-saħħa pubblika. Id-direttiva tistipula miżuri ta’ prevenzjoni, kontroll u qerda.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jiżguraw li kull każ suspettat tad-deni Afrikan tal-qżieqeż jiġi nnotifikat immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom. Jekk ikunu kkonfermati, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi l-oħra tal-UE. Id-dijanjożi għandha ssir minn laboratorji approvati permezz tal-manwal dijanjostiku uffiċjali.
  • Jekk il-preżenza tal-marda ma tkunx tista' tiġi eskluża, l-azjenda għandha titqiegħed taħt sorveljanza u l-movimenti tal-ħnieżer, prodotti tal-ħnieżer, materjali jew skart li jista’ jxerred il-marda jiġu ristretti. Il-moviment ta’ persuni u vetturi mhux awtorizzati lejn u mill-azjenda huwa pprojbit.
  • Jekk il-marda tiġi uffiċjalment ikkonfermata, il-ħnieżer kollha fl-azjenda għandhom jinqatlu u l-karkassi tagħhom jiġu ipproċessati. Kull laħam, materjali jew skart li jista’ jkun ikkontaminat għandu jinqered, jiġi pproċessat jew ittrattat biex ikun żgurat li l-virus ikun inqered. Jistgħu jingħataw eċċezzjonijiet għal unitajiet ta’ produzzjoni b’saħħithom f’azjendi infettati li huma kompletament separati. Għandha titwaqqaf zona ta’ protezzjoni minima ta’ 3 km f’zona ta’ sorveljanza ta’ 10 km madwar is-sit.
  • Fejn il-marda titfaċċa f’biċċerija jew waqt it-tranżitu, il-ħnieżer suxxettibbli kollha għandhom jinqatlu u l-materjali kollha għandhom jiġu pproċessati. Postijiet, vetturi u tagħmir li li jistgħu jkunu kkontaminati għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati.
  • Jekk ikun hemm suspett li qed jiġu infettati ċ-ċingjali, il-pajjiżi tal-UE għandhom jinfurmaw lis-sidien tal-ħnieżer u lill-kaċċaturi, u jinvestigaw kull ċingjal maqtul jew li jinsab mejjet. Iż-żona infettata għandha tiġi identifikata, u l-azjendi f’din iż-żona jitqiegħdu taħt sorveljanza, u possibbilment tiddaħħal fis-seħħ projbizzjoni fuq il-kaċċa.
  • Id-dokument SANCO/7138/2013 fih linji gwida dwar is-sorveljanza u l-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż fiċ-ċingjali.
  • Il-pajjizi tal-UE għandhom jippreżentaw pjan għall-qerda tal-marda lill-Kummissjoni u rapport dwar il-progress kull sitt xhur.
  • Attwalment, l-użu tal-vaċċini tad-deni Afrikan tal-qżieqeż huwa pprojbit. Madanakollu, dan jista’ jiġi aġġornat fil-futur biex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fir-riċerka xjentifika u teknika.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom ifasslu pjanijiet ta’ kontinġenza, li jikkunsidraw fatturi lokali, bħad-densità tal-ħnieżer, li x’aktarx jinfluwenzaw it-tixrid tal-virus.
  • Esperti mill-Kummissjoni jistgħu jagħmlu spezzjonijiet fil-post biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-direttiva.

Revoka

Din id-direttiva se tiġi rrevokata bir-Regolament (UE) 2016/429 mill-21 ta’ April 2021.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mid-9 ta’ Awwissu 2002. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Lulju 2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, pp. 27–46)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/60/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/422/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 li tapprova manwal għad-dijanjosi ta’ African swine fever (ĠU L 143, 11.6.2003, pp. 35–49)

Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, pp. 1–208)

l-aħħar aġġornament 20.10.2016

Top