Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Enċefalopatiji Sponġiformi li Jinxterdu (TSEs)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Enċefalopatiji Sponġiformi li Jinxterdu (TSEs)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 999/2001 — regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi regoli sabiex jiġu evitati, ikkontrollati u eradikati l-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSEs)*.
  • Huwa jkopri l-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u, f’xi każijiet, l-esportazzjoni ta’ annimali u prodotti ta’ annimali.

PUNTI EWLENIN

Il-Kummissjoni Ewropea tikklassifika l-pajjiżi jew ir-reġjuni tal-UE skont il-livell ta’ riskju ta’ enċefalopatija sponġiformi tal-ifrat (BSE):

  • Livell 1: riskju negliġibbli
  • Livell 2: riskju kkontrollat
  • Livell 3: riskju mhux determinat

Il-pajjiżi tal-UE jridu jimplimentaw programm ta’ monitoraġġ, li jinkludi skrinjar għal annimali suspettati li għandhom il-BSE jew scrapie*. Irid jitwettaq ukoll skrinjar rapidu post-mortem.

L-annimali suspettati u oħrajn fl-azjenda ma jistgħux jiġu mċaqalqa sakemm ikunu magħrufa r-riżultati tat-test. Jekk l-annimali jistgħu jkunu ġew esposti xi mkien ieħor, jista’ jitwettaq monitoraġġ fuq azjendi oħrajn.

Meta każ ikun ikkonfermat uffiċjalment, jiġu applikati l-miżuri segwenti:

  • Inkjesta dwar l-oriġini tal-marda u l-annimali jew il-prodotti kollha potenzjalment affetwati.
  • L-azjenda affettwata titqiegħed taħt kontroll uffiċjali. Kwalunkwe moviment ta’ annimali (jew prodotti ta’ annimali) suxxettibbli jrid jiġi awtorizzat.
  • Qtil u qerda totali ta' baqar f’riskju. Għan-nagħaġ u l-mogħoż japplikaw regoli differenti.

Il-kumpens jitħallas mingħajr dewmien għat-telf ta’ annimali jew prodotti ta’ annimali.

Miżuri għat-tnaqqis tar-riskju:

  • L-għalf ta’ proteini ta’ annimali lil ruminanti huwa pprojbit, l-istess bħall-għalf ta’ proteini ta’ annimali pproċessati (bħal ġelatina u prodotti mid-demm) lil kwalunkwe annimal tar-razzett (bl-eċċezzjoni ta’ karnivori li jipproduċu s-suf bħall-mink).
  • Materjal ta’ riskju speċifiku jrid jitneħħa mill-karkassi, anki f’postijiet fejn hemm riskju negliġibbli ta’ BSE. F’żoni ta’ riskju kkontrollat jew mhux determinat, l-għadam mill-baqar, in-nagħaġ jew il-mogħoż ma jistax jintuża għal laħam separat b’mod mekkaniku. Hemm metodi speċifiċi għal ċerti partijiet tal-ġisem bħal laħam tar-ras u tal-ilsien.
  • L-annimali għall-esportazzjoni jew l-importazzjoni jrid ikollhom ċertifikati tas-saħħa. Regoli simili japplikaw għal importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE, ħlief dawk b’riskju negliġibbli ta’ BSE.

Il-ħaddiema fil-produzzjoni u l-ispezzjoni jrid ikollhom taħriġ bażiku dwar it-TSE.

Sabiex jiġu żgurati analiżi xjentifika uniformi u riżultati affidabbli, il-laboratorji ta’ referenza nazzjonali u Ewropej iridu jkunu ġew innominati.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-annimali suspettati li għandhom TSE jiġu notifikati lill-awtoritajiet, u jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni regolarment dwar każijiet bħal dawn. Dawn iridu jwettqu wkoll spezzjonijiet uffiċjali frekwenti biex jivverifikaw li r-regoli qed jiġu osservati.

Jistgħu jingħataw derogi minn dawn ir-regoli sabiex jirriflettu għarfien xjentifiku ġdid.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 tosserva li l-UE tinsab qrib li telimina l-BSE fil-baqar, iżda għandha tkompli twettaq monitoraġġ fil-każ li l-marda terġa’ titfaċċa.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2001 u ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2001.

SFOND

TERMINI EWLENIN

* Enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSEs) huma mard fatali fejn it-tessut tal-moħħ jiddeġenera, u jagħti dehra ta’ sponża.

Dawn jinkludu:

  • Il-marda Creutzfeldt-Jakob (MCJ) fil-bnedmin
  • L-enċefalopatija sponġiformi tal-ifrat (BSE) fil-baqar
  • Scrapie f’ruminanti żgħar, bħal nagħaġ u mogħoż.

ATT

Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1–40)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/1003/KEE tat-18 ta’ Diċembru 2002 li tippreskrivi l-kondizzjonijiet minimi meħtieġa għal survey dwar il-ġenotipi tal-proteini prion ta’ razez ta’ nagħaġ (ĠU L 349, 24.12.2002, p. 105-107)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Il-Programm TSE (KUMM(2005) 322 finali tal-15 ta’ Lulju 2005)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skond ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84–86). Ara l-verżjoni konsolidata.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: It-Tieni Pjan Direzzjonali dwar it-TSE Karta ta’ strateġija dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli għall-2010-2015 (KUMM(2010) 384 finali tas-16 ta’ Lulju 2010)

l-aħħar aġġornament 15.02.2016

Top