Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-benesseri tal-annimali — il-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-benesseri tal-annimali — il-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2007/43/KE — regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tintroduċi regoli favur it-titjib fil-benesseri tal-annimali f’azjendi fl-Unjoni Ewropea (UE) fejn jinżammu tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam.
  • Dawn ir-regoli huma mfassla biex jiġi evitat tfixkil g#all-kompetizzjoni fis-settur.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Id-Direttiva tapplika għal tiġieġ li jinżammu għall-produzzjoni tal-laħam (brojlers), u stokks tat-trobbija f’azjendi li għandhom kemm stokks għat-tgħammir kif ukoll stokks għat-trobbija.
  • Hija ma tapplikax għal:
    • azjendi b’inqas minn 500 tiġieġa;
    • azjendi li għandhom biss stokks ta’ tiġieġ għat-tgħammir;
    • imfaqas*;
    • tiġieġ imrobbija b’mod estensiv ġewwa jew fil-beraħ; u
    • tiġieġ imrobbija b’mod organiku.

Regoli li japplikaw għall-azjendi kollha

  • Id-djar tat-tjur fejn jinżammu t-tiġieġ iridu jippermettu li t-tiġieġ ikollhom aċċess adegwat għal
    • tagħmir minn fejn jixorbu l-annimali;
    • għalf; u
    • mifrex niexef li jitrammel malajr.
  • Il-bini jrid ikun imdawwal b’mod adegwat waqt il-perjodi mdawla u jkollu biżżejjed ventilazzjoni.
  • It-tiġieġ kollha miżmuma fl-azjendi jridu jiġu spezzjonati almenu darbtejn kuljum.
  • It-tiġieġ li jkunu korruti gravi jew f’kundizzjoni ta’ saħħa ħażina jridu jiġu trattati jew jinqatlu minnufih.
  • Il-proċeduri kirurġiċi mwettqa għal skopijiet oħra għajr it-trattament mediku ġeneralment huma pprojbiti. Il-qtugħ tal-munqar u l-kastrazzjoni huma permessi biss f’ċerti każijiet.
  • Is-sid jew il-kustodju jrid iżomm rekords ta’ kull dar tat-tjur fuq l-azjenda tiegħu:
    • l-għadd ta’ tiġieġ introdott u li jifdal wara t-tneħħija tat-tiġieġ għall-bejgħ jew il-qatla;
    • iż-żona użabbli;
    • in-nisel jew l-ibridu tat-tiġieġ; u
    • ir-rata ta’ mwiet.

Densità tal-istokkjar *

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li d-densità tal-istokkjar massima f’azjenda jew dar tat-tjur fuq azjenda ma taqbiżx it-33 kg/m2fl-ebda mument.
  • Densità tal-istokkjar ogħla ta’ massimu ta’ 39 kg/m2 hija permessa jekk is-sid jew il-kustodju jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tad-direttiva (parametri ambjentali). Is-sid jew il-kustodju jrid jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’dokumentazzjoni speċifika li fiha d-dettalji tekniċi relatati mal-azjenda u t-tagħmir tagħha.
  • Tali azjendi ta’ densità għolja jridu jkunu mgħammra b’sistemi ta’ ventilazzjoni, ta’ tisħin u tkessiħ biex tinżamm it-temperatura, l-umdità u l-konċentrazzjonijiet xierqa ta’ CO2 u NH3.
  • F’ċirkustanzi eċċezzjonali, definiti fl-Anness V, id-densità tal-istokkjar tista’ togħla għal massimu ta’ 42 kg/m2.

Taħriġ

  • Il-persuni li jieħdu ħsieb it-tiġieġ irid ikollhom ċertifikat li juri li lestew kors ta’ taħriġ approvat jew li għandhom esperjenza ekwivalenti għal tali taħriġ. Il-korsijiet ta’ taħriġ iridu jkopru l-aspetti li ġejjin tal-benesseri:
    • ir-rekwiżiti tad-densità tal-istokkjar għall-azjendi;
    • il-fiżjoloġija tal-annimali;
    • l-immaniġġjar tat-tiġieġ u l-għoti tal-kura ta’ emerġenza; u
    • bijosigurtà preventiva.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jħeġġu l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ gwidi għal prattika ta’ ġestjoni tajba.

Spezzjonijiet

L-awtoritajiet nazzjonali jridu jwettqu spezzjonijiet regolari fuq l-azjendi biex jiżguraw il-konformità mad-direttiva. Kull sena, huma jridu jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-ispezzjonijiet imwettqa u lista ta’ azzjonijiet meħuda biex tiġi indirizzata kwalunkwe problema ta’ benesseri identifikata.

Il-monitoraġġ u s-segwitu fil-biċċeriji

Il-monitoraġġ fil-biċċeriji jiżgura li jiġi rreġistrat l-għadd ta’ brojlers mejta mal-wasla. Sinjali ta’ kundizzjonijiet ta’ benesseri ħżiena jistgħu jiġu identifikati waqt spezzjonijiet post mortem. Jekk jiġu skoperti sinjali bħal dawn, l-azjenda u l-awtoritajiet kompetenti jridu jieħdu miżuri xierqa.

Rapport

  • Fis-snin reċenti, firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi metaboliċi u ta’ imġiba fil-brojlers ġew modifikati permezz tas-selezzjoni ġenetika, li wasslet għal diversi kwistjonijiet b’rabta mal-benesseri. Dawn jinkludu r-riġlejn u l-moviment, is-sindromu tal-mewt għal għarrieda u mard tal-ġilda, bħad-dermatite tal-kuntatt. Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat rapport li jeżamina l-influwenza ta’ parametri ġenetiċi fuq defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f’livell ta' benesseri baxx fit-tiġieġ. Hija kkonkludiet li:
    • Dawk li jrabbu l-annimali qed jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod progressiv il-karatteristiċi relatati mas-saħħa u l-benesseri tat-tiġieġ fil-programmi ta’ selezzjoni tagħhom; u
    • il-leġiżlazzjoni attwali tipprovdi sistema ta’ monitoraġġ għal indikaturi tal-benesseri tal-annimali f’kundizzjonijiet kummerċjali li jistgħu jintużaw ulterjorment fil-kuntest tas-selezzjoni ġenetika.

Kumitat permanenti

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija ilha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2007. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-30 ta’ Ġunju 2002.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

mafqas: bini fejn ifaqqsu l-bajd tat-tjur, spiss f’kundizzjonijiet artifiċjali bl-użu ta’ inkubaturi.

densità tal-istokkjar: il-piż totali ħaj tat-tiġieġ li jinsabu f’dar fl-istess ħin għal kull metru kwadru ta’ żona użabbli.

DOKUMENTI EWLENIN

Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (ĠU L 182, 12.7.2007, pp. 19–28)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (COM(2016) 182 final, 7.4.2016)

l-aħħar aġġornament 09.01.2017

Top