Help Print this page 
Title and reference
Ikel u għalf għall-annimali sikuri

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ikel u għalf għall-annimali sikuri

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 178/2002 — prinċipji ġenerali u rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri għas-sigurtà tal-ikel

SOMMARJU

Ir-regolament huwa mfassal sabiex jiggarantixxi l-kwalità tal-ikel, kemm jekk għall-konsum mill-bniedem kif ukoll mill-annimali.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan isaħħaħ ir-regoli dwar is-sikurezza tal-ikel u l-għalf fl-UE. Huwa jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li tipprovdi appoġġ għall-ittestjar xjentifiku u l-evalwazzjoni tal-ikel u l-għalf.

Ir-regolament ma jkoprix il-produzzjoni primarja għall-użu domestiku privat jew l-immaniġġjar tal-ikel fid-dar.

PUNTI EWLENIN

L-ebda ikel perikoluż għas-saħħa jew mhux tajjeb għall-konsum ma jista’ jitqiegħed għall-bejgħ. Il-fatturi segwenti huma kkunsidrati:

il-kundizzjonijiet normali li taħthom l-ikel jintuża mill-konsumatur;

l-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur;

l-effett fuq is-saħħa, fuq perjodu qasir jew twil;

l-effetti tossiċi kumulattivi;

sensittivitajiet partikolari ta’ ċerti gruppi ta’ konsumaturi, pereżempju t-tfal.

Jekk xi ikel jew għalf mhux sikur ikun parti minn lott, jiġi preżunt li l-lott kollu mhuwiex sikur.

Il-leġiżlazzjoni dwar l-ikel tapplika fl-istadji kollha tal-katina alimentari, mill-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport u d-distribuzzjoni għall-provvista. B’mod partikolari, in-negozji tal-ikel iridu:

jiggarantixxu t-traċċabbiltà tal-ikel, l-għalf u l-annimali li jipproduċu l-ikel fl-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni,

jirtiraw l-ikel jew l-għalf mis-suq immedjatament jew jiġbru lura l-prodotti diġà fornuti, jekk dawn ikunu meqjusa ta’ ħsara għas-saħħa,

jinfurmaw lill-awtoritajiet xierqa, u lill-konsumaturi jekk meħtieġ.

L-awtorità tipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE fl-oqsma kollha li għandhom impatt fuq is-sikurezza tal-ikel. Hija responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni ta’ valutazzjonijiet tar-riskju, l-identifikazzjoni tar-riskji emerġenti u għall-għoti ta’ pariri dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet.

Meta jiġi identifikat riskju b’segwitu għal analiżi tar-riskju għas-saħħa, il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jistgħu jadottaw miżuri ta’ prekawzjoni provviżorji b’mod konsistenti ma’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.

Is-sistema ta’ twissija rapida (RASFF) li tinvolvi lill-pajjiżi tal-UE, lill-Kummissjoni u l-Awtorità, tipprovdi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar:

miżuri biex tiġi ristretta ċ-ċirkolazzjoni tal-ikel, jew għall-irtirar tiegħu mis-suq;

azzjoni meħuda biex jiġi kkontrollat l-użu tal-ikel;

iċ-ċaħda ta’ lott ta’ ikel importat.

Din l-informazzjoni trid tkun disponibbli wkoll għall-pubbliku ġenerali meta jkun xieraq.

Meta l-ikel jew l-għalf jippreżenta riskju serju u li ma jistax jiġi kkontrollat għas-saħħa jew l-ambjent, il-miżuri protettivi ta’ emerġenza tal-Kummissjoni jistgħu jinkludu s-sospensjoni tal-kummerċ jew tal-importazzjonijiet tal-prodott. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jieħdu miżuri simili jekk il-Kummissjoni tonqos milli tieħu azzjoni.

Flimkien mal-Awtorità u mal-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni trid tħejji pjan ta’ ġestjoni tal-kriżi ġenerali biex tkopri sitwazzjonijiet fejn il-miżuri protettivi ta’ emerġenza standard ikunu insuffiċjenti. Meta jiġi identifikat każ bħal dan, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi unità ta’ kriżi immedjatament biex tidentifika l-għażliet għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

L-UE għandha wkoll l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi kontra prattiki frodulenti jew qarrieqa fil-kummerċ tal-ikel, bħall-adulterazzjoni tal-ikel, u tipprovdi bażi għall-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati dwar l-ikel.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Frar 2002.

ATT

Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 031, 1.2.2002, p. 1–24)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 178/2002 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2230/2004 tat-23 ta’ Diċembru 2004 li jindika termini ta’ applikazzjoni tar-Regolament 178/2002 f’dak li għandu x’jaqsam max-xibka ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma li jiddependu mill-missjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 64–67)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/478/KE tad-29 ta’ April 2004 li tirrigwarda l-adozzjoni ta’ pjan ġenerali għall-gestjoni ta’ kriżi fl-ikel/it-tgħam (ĠU L 212, 12.6.2004, p. 60–68)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83-127) Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 25.11.2015

Top