Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-kummerċ internazzjonali ta’ sustanzi kimiċi perikolużi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Il-kummerċ internazzjonali ta’ sustanzi kimiċi perikolużi

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE — Proċedura ta’ Kunsens Informat bil-Quddiem għall-kummerċ ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi

SOMMARJU

X'TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI?

Hija tiggarantixxi l-approvazzjoni tal-UE ta’, u l-parteċipazzjoni fi, il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea annullat id-deċiżjoni leġiżlattiva oriġinali fuq punt tal-liġi. Il-konvenzjoni tipprevedi proċedura ta’ kunsens informat bil-quddiem għal ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi nnegozjati internazzjonalment.

PUNTI EWLENIN

Il-konvenzjoni:

tirregola l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ madwar 47 sustanza kimika u pestiċidi perikolużi,

titlob, għal kwalunkwe waħda mis-sustanzi kimiċi li hija telenka, kunsens bil-quddiem tal-importatur qabel ma dawn ikunu jistgħu jiġu esportati,

tistabbilixxi proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-pajjiżi tal-importazzjoni,

titlob lil kull firmatarju għall-konvenzjoni biex jaħtar awtorità nazzjonali li tiżgura li din tiġi implimentata b’mod sħiħ,

tistaqsi lil kull firmatarju dwar jekk huwiex lest jew le li jaċċetta importazzjonijiet tas-sustanzi kimiċi u tal-pestiċidi li huwa jelenka,

titlob lill-partijiet tal-esportazzjoni sabiex jiżguraw li s-sustanzi kimiċi elenkati ma jiġux esportati jekk il-pajjiż tal-importazzjoni ma jkunx ta l-approvazzjoni formali tiegħu,,

titlob lill-partijiet li pprojbixxew jew irrestrinġew severament sustanza kimika sabiex jinnotifikaw id-deċiżjoni lis-segretarjat tal-konvenzjoni,

tipprevedi l-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika, teknika, ekonomika u legali dwar is-sustanzi kimiċi li hija tkopri u l-possibbiltà ta’ assistenza teknika għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw dwar ir-regolamentazzjoni kimika,

tippermetti lil firmatarju sabiex jirtira mill-konvenzjoni sena wara li jirċievi n-notifika sabiex jagħmel dan.

Il-konvenzjoni ma tkoprix is-sustanzi narkotiċi, il-materjali radjuattivi, l-iskart, l-armi kimiċi, l-ikel u l-addittivi tal-ikel, l-organiżmi ġenetikament immodifikati jew is-sustanzi kimiċi esportati għall-finijiet ta’ riċerka.

SFOND

Fl-10 ta’ Jannar 2006, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat sentenza fil-kawża C-94/03. Il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-kawża kontra l-Kunsill li talbet lill-Qorti sabiex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/106/KE, li approvat il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam f’isem l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni sostniet li d-deċiżjoni kellha tkun ibbażata esklussivament fuq l-artikolu tat-Trattat li kien marbut mal-politika kummerċjali komuni (f’dak iż-żmien, l-Artikolu 133 tat-Trattat ta’ Amsterdam) u mhux fuq l-artikolu użat (l-Artikolu 175 tal-istess trattat — li kopra l-politika dwar l-ambjent).

Il-Qorti ddeċidiet li ż-żewġ artikoli kienu mitluba jipprovdu l-bażi legali meħtieġa u annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill oriġinali. Id-deċiżjoni l-ġdida, li daħlet fis-seħħ fid-data meta ġiet adottata l-predeċessur tagħha, tiżgura li ma jkun hemm ebda vojt legali.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23–25)

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60–106)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 649/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 05.10.2015

Top