Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Sistema ta’ liċenzjar għall-importazzjonijiet tal-injam fl-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Sistema ta’ liċenzjar għall-importazzjonijiet tal-injam fl-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Magħruf bħala r-Regolament dwar l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija (FLEGT), dan jistabbilixxi skema ta’ liċenzjar li tiżgura li l-injam importat fl-UE jinħasad legalment.

Dan jikkomplementa r-Regolament (UE) Nru 995/2010, li għandu l-għan li jiġġieled il-qtugħ illegali.

PUNTI EWLENIN

Dan ir-regolament japplika għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III minn pajjiżi sħab elenkati fl-Anness I.

Is-sħubija fl-iskema ta’ liċenzjar tal-FLEGT hija implimentata permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija volontarja (VPAs) ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam li jkunu jixtiequ jiffirmaw tali ftehimiet. Kull VPA jispeċifika l-iskeda u l-impenji miftiehma.

Il-pajjiżi li jesportaw u li jiffirmaw VPA jridu jiżviluppaw sistema ta’ verifika għal-legalità tal-prodotti tal-injam tagħhom.

Il-vjeġġijiet kollha tal-injam minn pajjiżi fil-VPA jridu jkunu akkumpanjati minn liċenzja FLEGT li tiċċertifika l-konformità mar-rekwiżiti tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT. Mingħajr liċenzja FLEGT, il-vjeġġijiet tal-injam ma jistgħux jidħlu fis-suq tal-UE.

Meta jkun hemm xi dubju dwar il-validità ta’ liċenzja FLEGT fi fruntiera tal-UE, l-awtoritajiet kompetenti jridu jitolbu verifika ulterjuri mill-awtorità li tkun ħarġet il-liċenzja (l-ispejjeż tal-verifika huma mġarrba mill-importatur sakemm il-pajjiż tal-UE inkwistjoni ma jiddeċidix mod ieħor). L-awtoritajiet doganali jistgħu jissospendu r-rilaxx tal-injam jekk ikunu jemmnu li l-liċenzja FLEGT mhijiex valida.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiddeterminaw is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti għall-ksur ta’ dan ir-regolament.

Kull sena qabel it-30 ta’ April, il-pajjiżi tal-UE għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni Ewropea li jindika:

il-kwantitajiet ta’ prodotti tal-injam importati fit-territorju tagħhom taħt l-iskema ta’ liċenzjar FLEGT;

in-numru ta’ liċenzji riċevuti; u

in-numru ta’ każijiet u kwantitajiet ta’ prodotti tal-injam importati mingħajr liċenzja FLEGT (jiġifieri importazzjonijiet ipprojbiti).

Ir-Regolament (UE) Nru 657/2014 emenda r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 fir-rigward tas-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2005.

SFOND

L-iskema ta’ awtorizzazzjoni FLEGT ġiet proposta l-ewwel fl-2003 mill-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija, li kellu l-għan li jiġġieled il-qtugħ illegali u jtejjeb il-provvista tal-injam legali u d-domanda għalih. Dan prinċipalment kellu fil-mira reġjuni rikki fl-injam tal-Afrika Ċentrali, ir-Russja, ix-Xlokk tal-Asja, u partijiet tal-Amerika t’Isfel.

Għal aktar informazzjoni ara l-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-foresti.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1–6)

L-emendi suċċessivi u l-korrezzjonijiet għar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23–34)

l-aħħar aġġornament 10.11.2015

Top