Help Print this page 
Title and reference
Ġlieda kontra l-qtugħ illegali tal-injam

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ġlieda kontra l-qtugħ illegali tal-injam

Il-qtugħ illegali tal-injam* huwa problema globali b’impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali negattiv sinifikanti. L-Unjoni Ewropea (UE) adottat liġi sabiex tiġġieled din it-theddida.

ATT

Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam.

SOMMARJU

Il-qtugħ illegali tal-injam* huwa problema globali b’impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali negattiv sinifikanti. L-Unjoni Ewropea (UE) adottat liġi sabiex tiġġieled din it-theddida.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jipprojbixxi injam maħsub b’mod illegali milli jitqiegħed fis-suq tal-UE, u jistabbilixxi prekundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-injam u prodotti tal-injam fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jirrikjedi li “operaturi” li jqiegħdu prodotti tal-injam fis-suq tal-UE għall-ewwel darba jeżerċitaw “diliġenza dovuta”* biex jiżguraw li jfornu prodotti magħmula minn injam maħsud legalment. Għal dan l-għan, l-operaturi jridu jużaw sistema ta’ diliġenza dovuta.

L-operaturi jistgħu jistabbilixxu s-sistemi ta’ diliġenza dovuta proprji tagħhom jew jużaw waħda maħluqa minn organizzazzjoni tal-monitoraġġ.

L-organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ huma rikonoxxuti bħala tali mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn għandhom ir-rwol li jassistu lill-operaturi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-regolament.

Sabiex jiffaċilitaw it-traċċabilità tal-prodotti tal-injam tagħhom, il-kummerċjanti kollha li jixtru u jbiegħu l-injam fis-suq iridu jżommu rekords tal-fornituri u l-konsumaturi tagħhom.

Ir-regolament, li japplika kemm għal injam maħsud fl-UE kif ukoll għal dak importat, ikopri firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-injam li huma elenkati fl-anness b’konformità mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

Ir-regolament jikkunsidra li l-injam/il-prodotti tal-injam ikunu maħsuda legalment jekk ikollhom liċenzja tal-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) (stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 2173/2005), jew permess CITES (Regolament (KE) Nru 338/97).

Il-proċedura tar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ dawn l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ hija estiża fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012, filwaqt li r-regoli dettaljati dwar is-sistema ta’ diliġenza dovuta huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012.

SFOND

Il-qtugħ illegali huwa problema ambjentali, ekonomika u soċjali mifruxa li tikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, dħul mitluf, kunflitti (kultant armati) fuq art u riżorsi, u korruzzjoni.

Għal aktar informazzjoni ara l-websajt dwar il-qtugħ illegali tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Qtugħ illegali: il-ħsad tal-injam bi ksur tal-liġijiet tal-pajjiż li fih sar il-ħsad.

* Diliġenza dovuta: eżerċizzju ta’ ġestjoni tar-riskju sabiex jiġi minimizzat ir-riskju li l-injam maħsud illegalment (jew prodotti li jkunu jinkludu dan) jiġi offrut għall-bejgħ fis-suq tal-UE.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 995/2010

2.12.2010

-

ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23-34

ATTI RELATATI

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012 tat-23 ta’ Frar 2012 dwar ir-regoli proċedurali għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif previst fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 115, 27.4.2012, p. 12-16).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012 tas-6 ta’ Lujlu 2012 dwar regoli dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta u l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 177, 7.7.2012, p. 16-18).

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1-6).

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1024/2008 tas-17 ta’ Ottubru 2008 li jistabbilixxi miżuri ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 dwar il-ħolqien ta’ skema ta’ liċenzji FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 277, 18.10.2005, p. 23-29).

L-aħħar aġġornament: 13.05.2015

Top