Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku

Il-komunikazzjoni għandha l-għan li tipproponi Strateġija globali tal-Unjoni Ewropea (UE) għar-reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR). Din l-istrateġija tfittex li ssaħħaħ il-kooperazzjoni f’dan ir-reġjun sabiex tirreaġixxi għall-isfidi komuni li tiffaċċja u biex tippromwovi żvilupp ekonomiku ekoloġikament responsabbli.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwarL-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009) 248 final tal-10 ta’ Ġunju 2009).

SOMMARJU

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Il-komunikazzjoni għandha l-għan li tipproponi Strateġija globali tal-Unjoni Ewropea (UE) għar-reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR). Din l-istrateġija tfittex li ssaħħaħ il-kooperazzjoni f’dan ir-reġjun sabiex tirreaġixxi għall-isfidi komuni li tiffaċċja u biex tippromwovi żvilupp ekonomiku ekoloġikament responsabbli.

ELEMENTI PRINĊIPALI

L-istrateġija tkopri l-pajjiżi tal-UE li jmissu mal-Baħar Baltiku (id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Iżvezja).

Din hija ffukata fuq tliet għanijiet ewlenin:

1.

Insalvaw il-baħar: dan l-għan jikkonċerna l-vulnerabbiltà tal-Baħar Baltiku pereżempju għall-ewtrofikazzjoni (meta jkun hemm nutrijenti żejda fl-ilma li joħloq tkabbir enormi ta’ algi), it-tniġġis u s-sajd żejjed, li jwasslu għal domandi partikolarment kbar għall-kooperazzjoni fi ħdan ir-reġjun. Dan l-għan huwa wkoll dwar l-ilħuq ta’ livell ambjentali tajjeb u diversità bijoloġika fil-baħar biex ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku jsir reġjun mudell għal trasport marittimu nadif u sikur.

2.

Ir-Reġjun ikun Kollegat billi s-sistemi tal-enerġija u tat-trasport tal-pajjiżi fir-reġjun isiru aktar interkonnessi, inklużi l-aktar żoni mbiegħda (il-Finlandja tat-Tramuntana u l-Iżvezja). Dan jista’ jikkonċerna wkoll sħubiji konkreti għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali bħat-traffikar tal-bnedmin, eċċ.

3.

Tiżdied il-Prosperità billi jitneħħew l-ostakoli għas-suq domestiku tar-Reġjun Baltiku, jiġu żviluppati l-prinċipji bażiċi komuni ekonomiċi, kulturali u turistiċi u titħeġġeġ l-innovazzjoni bil-Programm Konġunt ta’ Riċerka u Żvilupp dwar il-Baħar Baltiku (BONUS).

Approċċ makroreġjonali

Dawn it-tliet għanijiet huma maqsumin f’firxa ta’ azzjonijiet implimentati f’oqsma ta’ politika fl-għamla ta’ azzjonijiet makroreġjonali. Dawn l-azzjonijiet jgħinu fir-reazzjoni għall-isfidi komuni fiż-żona (jippermettu ambjent sostenibbli, itejbu l-prosperità tar-reġjun, iżidu l-aċċessibbiltà u l-attrazzjoni u jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tiegħu).

L-azzjonijiet implimentati b’hekk għandhom impatt fuq iż-żona kollha, lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiżi koperti.

Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’:

azzjonijiet ewlenin imfassla biex jippromwovu metodi ta’ tbaħħir nodfa jew biex jappoġġaw it-tkabbir tal-SMEs, pereżempju;

inizjattivi konġunti li jinvolvu lil diversi pajjiżi f’żona biex iħeġġu n-netwerking u l-interkonnettività.

Metodi ta’ intervent

Il-Fondi Strutturali Ewropej u l-Fond tal-Investiment (Fondi SIE) għall-2014-2020 huma sorsi ta’ finanzjament ewlenin tal-Istrateġija. Madankollu, l-azzjonijiet u l-proġetti taħt l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha jistgħu jiġu ffinanzjati minn ħafna sorsi finanzjarji oħrajn (Orizzont 2020, Programm BONUS , il-Programm LIFE, programmi ta’ Edukazzjoni u Kultura, il-Programm għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku Interreg eċċ.), kif ukoll sorsi nazzjonali, reġjonali u privati.

Azzjonijiet u proġetti fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (CT) ukoll jistgħu jsiru eliġibbli għall-finanzjament mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF). Barra minn hekk, xi proġetti ewlenin jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Nordiku tal-Investiment.

Governanza

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni makroreġjonali tagħha, l-implimentazzjoni tal-istrateġija titlob l-involviment tal-partijiet interessati kollha: atturi tas-soċjetà ċivili, u awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u tal-UE.

SFOND

Strateġija inizjali kienet ġiet proposta mill-Kummissjoni fl-2009 u ġiet adattata fl-2012 biex tindirizza l-isfidi makroreġjonali komuni ffaċċjati miż-żona Baltika. F’Ġunju 2015 ġie ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni rivedut tal-Istrateġija.

Għal aktar informazzjoni, ara l-websajt dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, inkluża l-informazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2015.

ATTI RELATATI

Deċiżjoni Nru 862/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm Konġunt ta’ Riċerka u Żvilupp dwar il-Baħar Baltiku (BONUS) li huma impenjati fih diversi Stati Membri (ĠU L 256, 30.9.2010, p. 1)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2011) 381 final tat-22 ta’ Ġunju 2011).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2012) 128 final tat-23 ta’ Marzu 2012)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2013) 468 final tas-27 ta’ Ġunju 2013)

L-aħħar aġġornament: 07.06.2015

Top