Help Print this page 
Title and reference
Klassifikazzjoni, imballaġġ u ttikkettar ta’ sustanzi kimiċi u taħlitiet tagħhom

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Klassifikazzjoni, imballaġġ u ttikkettar ta’ sustanzi kimiċi u taħlitiet tagħhom

Ir-regolament ifittex li jiżgura li l-ħaddiema u l-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea (UE) jkunu infurmati b’mod ċar dwar il-perikli assoċjati mas-sustanzi kimiċi permezz ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-istess perikli jiġu deskritti u ttikkettati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE.

ATT

Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

SOMMARJU

Ir-regolament ifittex li jiżgura li l-ħaddiema u l-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea (UE) jkunu infurmati b’mod ċar dwar il-perikli assoċjati mas-sustanzi kimiċi permezz ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-istess perikli jiġu deskritti u ttikkettati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għall-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi kimiċi u taħlitiet skont is-Sistema Globalment Armonizzata tan-Nazzjonijiet Uniti (GHS). Dan jeħtieġ li l-kumpaniji jikklassifikaw, jittikkettjaw u jippakkjaw is-sustanzi kimiċi perikolużi tagħhom b’mod xieraq qabel iqiegħduhom fis-suq.

L-oqsma ewlenin li mhumiex koperti minn dan ir-regolament huma: sustanzi u taħlitiet radjuattivi , kożmetiċi, mediċini u ċertu apparat mediku, ikel jew it-trasport ta’ merkanzija perikoluża.

PUNTI EWLENIN

Klassifikazzjoni

Is-sustanzi u t-taħlitiet huma kklassifikati f’kategoriji speċifiċi u klassijiet ta’ periklu: (i) periklu fiżikokimiku (eż. likwidu fjammabbli); (ii) periklu għas-saħħa (eż. tossiċità akuta); (iii) periklu ambjentali (eż. għas-saff tal-ożonu). L-Anness I jistabbilixxi l-kriterji għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi.

Ittikkettar

Is-sustanzi u t-taħlitiet iridu jkunu ttikkettati bl-informazzjoni segwenti:

l-identità tal-fornitur;

l-isem tas-sustanza jew tat-taħlita u/jew in-numru ta’ identifikazzjoni;

il-kwantità nominali ta' sustanza jew taħlita fil-pakketti disponibbli għall-pubbliku ġenerali (sakemm din il-kwantità ma tkunx speċifikata xi mkien ieħor fuq il-pakkett);

pittogrammi dwar periklu (kompożizzjoni grafika b’simbolu flimkien ma’ element viżiv ieħor);

kliem ta’ sinjal (“Twissija” jew “Periklu”);

frażijiet tar-riskju (“Periklu ta’ nar jew ta’ projezzjoni”, “Fatali jekk jinbela’”, eċċ.);

parir dwar is-sikurezza (“Żomm biss fil-kontenitur oriġinali”, “Ipproteġi mill-umdità ”, “Żomm ’il bogħod minn fejn jistgħu jilħquh it-tfal”, eċċ.).

Imballaġġ

L-imballaġġ ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi jrid: (i) jipprevjeni l-ħruġ tal-kontenut; (ii) ikun magħmul minn materjali reżistenti meta jkunu f’kuntatt mal-kontenut; (iii) ikun b’saħħtu u solidu u (iv) ikollu għeluq li jista’ jiġi ssiġillat.

F’xi każijiet, huma meħtieġa għeluq għat-tfal u twissijiet li jintmessu.

Armonizzazzjoni

L-industrija għandha tilħaq kunsens dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanzi kollha. Madankollu, għal riskji partikolarment serji, speċjalment fil-każ ta’ sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jipproponu klassifikazzjonijiet armonizzati li mbagħad il-Kummissjoni Ewropea tagħmel obbligatorji skont il-liġi.

Notifika

Il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ kwalunkwe sustanza rreġistrata jew ta’ periklu għall-bejgħ għandha tiġi nnotifikata lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għall-inklużjoni fl-inventarju ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar li l-Aġenzija taġġorna regolarment.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-20 ta’ Jannar 2009. Dan japplika b’mod obbligatorju għas-sustanzi mill-1 ta’ Diċembru 2010 u għat-taħlitiet mill-1 ta’ Ġunju 2015.

SFOND

Ir-regolament jissupplimenta s-sistema REACH għar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni tas-sustanzi kimiċi. Huwa jemenda d-Direttiva 67/548/KEE dwar is-sustanzi kimiċi u d-Direttiva 1999/45/KE dwar it-taħlitiet u jirrevokahom b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2015.

Għal aktar informazzjoni ara l-websajt dwar is-sustanzi kimiċi tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1272/2008

20.1.20091.12.2010 (Titoli II, III u IV għas-sustanzi)1.6.2015 (Titoli II, III u IV għat-taħlitiet)

-

ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1-1355

ATTI RELATATI

Direttiva 2014/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 92/58/KEE, 92/85/KEE, 94/33/KE, 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 65, 5.3.2014, p. 1-7).

L-aħħar aġġornament: 12.03.2015

Top