EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Liġi tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-iskart

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi qafas legali għat-trattament tal-iskart fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Il-qafas hu ddisinjat biex jipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem billi jenfasizza l-importanza ta’ tekniki xierqa tal-immaniġġjar, l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-iskart bil-għan li jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq ir-riżorsi u jittejjeb l-użu tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Direttiva 2008/98/KE

  • Id-Direttiva tistabbilixxi ġerarkija tal-iskart:
    • prevenzjoni;
    • tħejjija għall-użu mill-ġdid;
    • riċiklaġġ;
    • irkupru ieħor (eż. l-irkupru tal-enerġija); u
    • rimi.
  • Din tikkonferma l-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”, fejn il-produttur tal-iskart oriġinali għandu jħallas għall-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart.
  • Din tintroduċi l-kunċett ta’ “responsabbiltà estiża tal-produttur”.
  • Din tagħmel distinzjoni bejn skart u prodotti sekondarji*.
  • L-immaniġġjar tal-iskart għandu jsir mingħajr ebda riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-pjanti jew l-annimali, mingħajr ma jikkawża inkonvenjent permezz ta’ storbju jew irwejjaħ u mingħajr ma jikkawża ħsara lill-kampanja jew lil postijiet ta’ interess speċjali.
  • Il-produtturi jew id-detenturi tal-iskart għandhom jittrattawh huma stess jew iqabbdu operatur rikonoxxut b’mod uffiċjali. It-tnejn jeħtieġu permess u jiġu spezzjonati perjodikament.
  • L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jistabbilixxu pjanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart u programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart.
  • Japplikaw kundizzjonijiet speċjali għall-iskart perikoluż, għaż-żjut għar-rimi u għall-bijoskart.
  • Din tintroduċi miri ta’ riċiklaġġ u rkupru li għandhom jintlaħqu sal-2020 għall-iskart domestiku (50 %) u għall-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ (70 %).
  • Il-leġiżlazzjoni ma tkoprix ċerti tipi ta’ skart bħal elementi radjuattivi, splussivi li m’għadhomx attivi, rawt, ilmijiet mormija u karkassi ta’ annimali.

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/851

  • Bħala parti minn pakkett ta’ miżuri dwar l-ekonomija ċirkolari, id-Direttiva (UE) 2018/851 temenda d-Direttiva 2008/98/KE.
  • Din tistabbilixxi r-rekwiżiti operazzjonali minimi għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur*. Dawn jistgħu jinkludu wkoll responsabbiltà organizzazzjonali u responsabbiltà li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-iskart u għall-użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà tal-prodotti.
  • Din issaħħaħ ir-regoli dwar il-prevenzjoni tal-iskart. Dwar il-ġenerazzjoni ta’ skart, l- Istati Membrital-UE jridu jieħdu miżuri biex:
    • jappoġġjaw il-produzzjoni sostenibbli u l-mudelli ta’ konsum;
    • jinkoraġġixxu d-disinn, il-manifattura u l-użu ta’ prodotti li huma effiċjenti fir-riżorsi, b’saħħithom, jissewwew, jistgħu jerġgħu jintużaw u li għandhom kapaċità li jittejbu;
    • jimmiraw għal prodotti li fihom materja prima kritika biex jipprevjenu milli din il-materja ssir skart;
    • jinkoraġġixxu d-disponibbiltà ta’ parts tal-bdil, manwali ta’ struzzjonijiet, informazzjoni teknika jew ta’ mezzi oħra li jippermettu t-tiswija u l-użu mill-ġdid tal-prodotti mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità u s-sikurezza tagħhom;
    • inaqqsu l-ġenerazzjoni ta’ skart mill-ikel bħala kontribut għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti li l-iskart globali mill-ikel per capita fil-livelli tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur jitnaqqas b’50 % u li sal-2030 jitnaqqas it-telf ta’ ikel tul il-ktajjen ta’ produzzjoni u ta’ provvista;
    • jippromwovu t-tnaqqis tal-kontenut ta’ sustanzi perikolużi f’materjali u prodotti;
    • iwaqqfu l-ġenerazzjoni ta’ skart fil-baħar.
  • Din tistabbilixxi wkoll miri ta’ riċiklaġġ ta’ skart muniċipaliġodda: sal-2025, tal-inqas 55% tal-iskart muniċipali skont il-piż, irid jiġi riċiklat. Din il-mira se tiżdied għal 60 % sal-2030 u 65 % sal-2035.
  • L-Istati Membri għandhom:
    • Sal-11 ta’ Jannar 2025, jistabbilixxu il-ġbir separat ta’ tessut u skart perikoluż iġġenerat mill-unitajiet domestiċi;
    • jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-bijoskart jinġabar separatament jew jiġi rriċiklat fis-sors (pereżempju, permezz ta’ kompostjar).
  • Id-Direttiva tenfasizza wkoll eżempji ta’ inċentivi biex tiġi applikata l-ġerarkija tal-iskart, bħal pereżempju l-ħlasijiet għal-landfill u għall-inċinerazzjoni u skemi ta’ “ħallas skont kemm tarmi”.

META BDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?

  • Id-direttiva 2008/98/KE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-12 ta’ Diċembru 2010.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/851 kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-5 ta’ Lulju 2020.

SFOND

  • Il-ġenerazzjoni tal-iskart kienet prodott sekondarju li ma setax jiġi evitat u mhux mixtieq tal-attività ekonomika u tat-tkabbir ekonomiku. Bit-teknoloġija moderna u l-immaniġġjar bil-għaqal, dik ir-rabta ċiklika tista’ titkisser.
  • Għal iktar informazzjoni ara:

TERMINI EWLENIN

Prodotti sekondarji. Sustanza jew oġġett li jirriżulta minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tiegħu mhuwiex il-produzzjoni ta’ dik is-sustanza jew oġġett. Id-Direttiva tistabbilixxi kundizzjonijiet li taħthom sustanza jew oġġett m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala skart.
Skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Sett ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw li l-produtturi ta’ prodotti ikollhom responsabbiltà finanzjarja jew responsabbiltà finanzjarja u organizzazzjonali għall-immaniġġjar tal-istadju ta’ skart taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, pp. 3-30).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2008/98/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/19 tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar metodoloġija komuni u format għar-rappurtar dwar l-użu mill-ġdid f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠUL 10, 12.1.2021, pp. 1–7).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1004 tas-7 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli għall-kalkolu, għall-verifika u għar-rapportar tad-data dwar l-iskart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2012) 2384 (ĠU L 163, 20.6.2019, pp. 66-100).

Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 tat-3 ta’ Mejju 2019 li tissupplimenta d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel (ĠU L 248, 27.9.2019, pp. 77-85).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2000 tat-28 ta’ Novembru 2019 li tistabbilixxi format għar-rappurtar tad-data dwar l-iskart tal-ikel u għall-preżentazzjoni tar-rapport ta’ verifika tal-kwalità skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 310, 2.12.2019, pp. 39-45).

Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1127 tal-10 ta’ Lulju 2015 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 184, 11.7.2015, pp. 13-15).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/Ketat-3tat-3 ta’ Mejju 2000li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, 6.9.2000, pp. 3-24).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.06.2022

Top