Help Print this page 
Title and reference
Sistema Ewropea għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi (proposta)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sistema Ewropea għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi (proposta)

Din il-proposta għal regolament għandha l-għan li tieħu post il-proċeduri nazzjonali ta’ dikjarazzjoni u awtorizzazzjoni li jikkonċernaw it-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi, permezz ta’ sistema għal reġistrazzjoni unika. L-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament għandha tissimplifika l-proċeduri u tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ radjuprotezzjoni.

PROPOSTA

Proposta għal Regolament tal-Kunsill tat-30 ta’ Awwissu 2011 li jistabbilixxi sistema Komunitarja għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi (COM(2011) 518 finali – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Din il-proposta għal regolament għandha l-għan li timplimenta sistema Ewropea relatata mar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi *. Din tikkonċerna l-protezzjoni tal-ħaddiema u l-popolazzjoni mill-perikli tar-radjazzjoni jonizzanti.

Din il-proposta tikkonċerna lil kull trasportatur li jittrasporta materjali radjuattivi ġewwa l-Unjoni Ewropea (UE), li jitlaq minn pajjiż terz lejn l-UE u li jitlaq mill-UE lejn pajjiż terz. Ma tikkonċernax lil trasportaturi li jittrasportaw materjali radjuattivi permezz tal-ajru jew bil-baħar.

Reġistrazzjoni tat-trasportaturi

It-trasportaturi huma obbligati jirreġistraw f’sistema elettronika għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi (ESCReg). Din is-sistema toffri aċċess limitat u sikur lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, lit-trasportaturi rreġistrati, kif ukoll lil dawk li japplikaw għal reġistrazzjoni, filwaqt li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali. Jekk l-applikant ikun stabbilit fi Stat Membru wieħed jew aktar, l-applikazzjoni tiegħu tiġi ttrattata mill-awtortà kompetenti * tal-Istat Membru fejn ikollu l-uffiċċju reġistrat. Jekk l-applikant ikun stabbilit f’pajjiż terz, it-talba tiegħu tiġi ttrattata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru li se jkun l-ewwel territorju li jgħaddi minnu.

L-Istati Membri jaħtru awtorità kompetenti u punt ta’ kuntatt nazzjonali għat-trasportar tal-materjali radjuattivi.

Jekk l-awtorità kompetenti tiċħad milli tagħti ċertifikat ta’ reġistrazzjoni lit-trasportatur, l-applikant għandu l-possibilità li jappella.

Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni huwa rikonoxxut mill-Istati Membri kollha u huwa validu għal perjodu ta’ ħames snin u jista’ jiġġedded.

Il-kundizzjonijiet tat-trasport tal-materjali radjuattivi

Ladarba jkun irreġistrat, it-trasportatur huwa awtorizzat iwettaq operazzjonijiet ta’ trasportar fl-UE kollha. It-trasportatur huwa obbligat iżomm kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tiegħu matul l-operazzjoni ta’ trasport.

Il-ħtiġijiet nazzjonali ta’ dikjarazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ din il-proposta għal regolament mhumiex possibbli ħlief għat-trasport tal-materjal li ġej:

  • il-materjali fissili;
  • il-materjali radjuattivi ta’ riskju għoli.

Minkejja dan, id-detentur ta’ liċenzja jew ta’ reġistrazzjoni maħruġa b’konformità mad-Direttiva dwar il-perikli tar-radjazzjonijiet jonizzanti jista’ jittrasporta materjali radjuattivi mingħajr reġistrazzjoni, jekk it-trasport ikun inkluż fil-liċenzji jew ir-reġistrazzjonijiet għall-Istati Membri kollha li fit-territorju tagħhom isir it-trasport.

Jekk it-trasportatur ma jirrispettax ir-rekwiżiti ta’ din il-proposta għal regolament, l-awtorità tal-Istat Membru fejn isir il-ksur għandha l-possibilità li tissospendi, tirrevoka jew timmodifika r-reġistrazzjoni tat-trasportatur. Jistgħu anki jittieħdu passi kontrih.

Kuntest

Fl-2008, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw id-Direttiva dwar il-ġarr ta’ oġġetti perikolużi sabiex jiġbru flimkien il-mezzi kollha ta’ trasport intern. Skont id-Direttiva 96/29/Euratom li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti l-Istati Membri jridu jimplimentaw sistema għar-reġistrazzjoni tal-impriżi u l-istituzzjonijiet li jittrattaw materjali radjuattivi, inklużi t-trasportaturi. Permezz ta’ din il-proposta għal regolament, din ir-reġistrazzjoni se tkun ċentralizzata bil-għan li jiġi ffaċilitat it-trasport fl-UE.

Termini ewlenin tal-att

  • Materjali radjuattivi: kull materjal li fih radjunuklidi li kemm l-attività tal-massa kif ukoll l-attività totali tiegħu fid-dispaċċ jaqbżu l-valuri indikati fir-Regolament dwar it-trasportar ta’ materjali radjuattivi
  • Awtorità kompetenti: kull awtorità maħtura minn Stat Membru għat-twettiq tal-kompiti meħtieġa minn dan ir-regolament.

Referenza

Proposta

Ġurnal Uffiċjali

Proċedura

COM(2011) 518 finali

2011/0225/NLE

See also

  • Direttorat Ġenerali għall-Enerġija – Enerġija nukleari, trasport (EN)

L-aħħar aġġornament: 30.11.2011

Top