Help Print this page 
Title and reference
Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Is-settur tal-kostruzzjoni jirrappreżenta 40 % tal-konsum tal-enerġija totali tal-Unjoni Ewropea (UE). It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija f'dan is-settur b'hekk jikkostitwixxi prijorità fil-kuntest tal-objettivi 20-20-20 fir-rigward tal-effikaċja fl-użu tal-enerġija. F'dan il-qafas, din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti komuni dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

ATT

Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

SINTEŻI

Din id-direttiva hija maħsuba biex tippomwovi r-rendiment tal-bini , tal-partijiet u tal-unitajiet ta' dak il-bini, fl-użu tal-enerġija. Id-Direttiva għandha l-għan li tiċċara u li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/91/KE li hija tirrevoka, sabiex testendi l-ambitu tagħha u tnaqqas id-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri f'termini tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Id-dispożizzjonijiet tagħha jkopru l-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tisħin tal-bini, il-produzzjoni ta' ilma sħun, tkessiħ, ventilazzjoni u dawl għal bini ġdid u eżistenti, kemm jekk residenzjali kif ukoll jekk le.

Metodu ta' kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

L-Istati Membri huma obbligati li jadottaw, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, metodu ta' kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija li jieħu f'kunsiderazzjoni ċerti elementi, fosthom:

  • il-karatteristiċi termali tal-bini (kapaċità termali, insulazzjoni, eċċ);
  • it-tagħmir ta' tisħin u ta' provvista ta' misħun;
  • l-installazzjonijiet tal-arja kkundizzjonata;
  • l-installazzjoni ta' dawl integrat;
  • il-kundizzjonijiet klimatiċi interni.

L-influwenza pożittiva ta' elementi oħrajn bħall-espożizzjoni għax-xemx lokali, id-dawl naturali, il-produzzjoni tal-elettriku għall-koġenerazzjoni u s-sistemi ta' tisħin u ta' tkessiħ urbani jew kollettivi wkoll jittieħdu f'kunsiderazzjoni.

Iffissar ta' rekwiżiti minimi

L-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu, b'mod konformi mal-metodu ta' kalkolu ċċitat iktar 'il fuq, rekwiżiti minimi fir-rigward tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sabiex jintlaħqu livelli ottimali f'termini ta' spejjeż. Il-livell ta' dawk ir-rekwiżiti huwa rrivedut kull 5 snin.

Meta jiffissaw ir-rekwiżiti minimi, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn bini ġdid u bini eżistenti u bejn kategoriji differenti ta' bini.

Il-binjiet ġodda għandhom jirrispettaw dawk ir-rekwiżiti u għandhom ikunu soġġetti għal studji ta' fattibbiltà dwar l-installazzjoni tas-sistemi ta' forniment tal-enerġija rinnovabbli, pompi tas-sħana, sistemi ta' tisħin u ta' tkessiħ urbani jew kollettivi u sistemi ta' koġenerazzjoni, qabel ma tinbeda l-kostruzzjoni tagħhom.

Il-binjiet eżistenti, meta jkunu soġġetti għal xogħlijiet ta' rinovazzjoni importanti, għandhom jibbenefikaw minn titjib tar-rendiment tagħhom fl-użu tal-enerġija b'mod li jkunu jistgħu jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti minimi.

Jistgħu jiġu esklużi mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi:

  • il-binjiet li huma protetti uffiċjalment (binjiet storiċi pereżempju);
  • il-binjiet li jintużaw bħala postijiet ta' qima;
  • il-kostruzzjonijiet proviżorji;
  • il-binjiet residenzjali maħsuba għal użu limitat fis-sena;
  • il-binjiet indipendenti b'erja utli totali ta' inqas minn 50 m2.

Meta jiġu installati mill-ġdid, mibdula, jew immodernizzati, is-sistemi tekniċi tal-bini bħas-sistemi tat-tisħin, is-sistema tal-produzzjoni tal-misħun, is-sistema tal-arja kkundizzjonata u l-installazzjonijiet kbar tal-ventilazzjoni għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti fir-rigward tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

L-elementi tal-bini li jagħmlu parti mill-qoxra tal-bini u li għandhom impatt konsiderevoli fuq ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' dik il-qoxra (pereżempju, iċ-ċaċċis tat-twieqi) għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tar-rendiment fl-użu tal-enerġija meta jiġu mibdula jew rinovati, sabiex jintlaħqu livelli ottimali meta mqabbla mal-ispejjeż.

Kull darba li jinbena jew jiġi rinovat bini, din id-direttiva tħeġġeġ bis-saħħa l-introduzzjoni ta' sistemi intelliġenti ta' kejl tal-konsum tal-enerġija, b'mod konformi mad-Direttiva dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku.

Objettiv : binjiet b'konsum ta' enerġija kważi null

Sa mill-31 ta' Diċembru 2020, kull bini ġdid irid ikollu konsum ta' enerġija kważi null. Il-binjiet ġodda okkupati u pposseduti mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jissodisfaw l-istess kriterji wara l-31 ta' Diċembru 2018.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ iż-żieda fin-numru ta' binjiet ta' dan it-tip permezz tal-istabbiliment ta' pjanijiet nazzjonali, li jinkludu:

  • deskrizzjoni tal-mod kif l-Istat Membru japplika d-definizzjoni ta' binjiet b'konsum ta' enerġija kważi null;
  • l-objettivi intermedjarji intiżi biex itejbu r-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' binjiet ġodda minn issa sal-2015;
  • l-informazzjoni dwar politiki u miżuri finanzjarji adottati biex jiġi mħeġġeġ it-titjib tar-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija.

Inċentivi kummerċjali u ostakli finanzjarji

L-Istati Membri huma inkarigati li jistabbilixxu lista ta' strumenti eżistenti u potenzjali li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu t-titjib tar-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija. Din il-lista tiġi aġġornmata kull tliet snin.

Ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw sistema ta' ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija. Din tal-aħħar tinkludi b'mod partikolari informazzjoni dwar il-konsum ta' enerġija mill-binjiet, kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib tal-ispejjeż.

Meta bini jew unità ta' bini jkunu offruti għall-bejgħ jew għall-kiri, l-indikatur tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jissemma fil-pubbliċità li tidher fil-media kummerċjali.

Matul il-kostruzzjoni, il-bejgħ u l-kiri ta' bini jew unità ta' bini, dak iċ-ċertifikat għandu jintwera lill-inkwilin il-ġdid jew lix-xerrej potenzjali u għandu jintbagħat lix-xerrej jew lill-inkwilin il-ġdid.

Fir-rigward tal-binjiet li jkollhom aktar minn 500 m2 okkupat minn awtorità pubblika u dawk li jkollhom erja totali ta' aktar minn 500 m2 li tkun iffrekwentata ta' spiss mill-pubbliku, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jitħawwal f'post u b'tali mod li jkun jidher ċar (dan il-limitu ser jitnaqqas għal 250 m2 mid-9 ta' Lulju 2015).

L-Istati huma inkarigati li jistabbilixxu sistema ta' kontroll regolari tas-sistemi ta' tisħin u tal-ajra kkundizzjonata tal-binjiet.

REFERENZA

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2010/31/UE

8.7.2010

9.7.2012

ĠU L 153, 18.6.2010

ATTI RELATATI

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 tas-16 ta' Jannar 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta' metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini u tal-elementi tal-bini [Ġurnal Uffiċjali L 81 tal-21.3.2012].

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini ( COM(2013)0225 finali ) [Mhux ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali].

Skont id-Direttiva 2010/31/UE dwar il-prestazzjoni enerġetika fil-bini, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar il-progress li sar mill-Istati Membri fir-rigward taż-żieda fin-numru ta' bini b'konsum tal-enerġija ta' kważi żero. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat kull tliet snin.

Ir-rapport jikkonkludi li l-Istati Membri ma għamlux biżżejjed progress fir-rigward tal-bini b'konsum tal-enerġija ta' kważi żero fil-qafas tal-miri stabbiliti għall-2020 minħabba li, sat-tmiem ta' Novembru 2012, disa' Stati Membri biss kienu infurmaw lill-Kummissjoni bil-pjan nazzjonali tagħhom f'dan il-qasam.

Il-progress magħmul, li kien bil-mod u parzjali biss, iżid ir-riskju tal-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-iskadenzi sabiex jiżguraw li l-bini għandu konsum tal-enerġija ta' kważi żero. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' definizzjonijiet ċari, miri fuq perjodu ta' żmien medju u miżuri ta' appoġġ speċifiċi jimmanifesta ruħu bħala inċertezza fl-industrija tal-kostruzzjoni dwar il-qafas regolatorju u politiku, li jdewwem l-investiment meħtieġ fit-teknoloġija, proċessi u taħriġ u jagħmel ħsara lill-kompetittività fis-settur.

L-aħħar aġġornament: 06.02.2014

Top