Help Print this page 
Title and reference
Ekodisinn għall-apparat li juża l-enerġija

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ekodisinn għall-apparat li juża l-enerġija

L-istabbiliment ta’ metodoloġija legali mal-UE kollha għall-ekodisinn* ta’ prodotti relatati mal-enerġija huwa approċċ effiċjenti u konsistenti u jevita d-duplikazzjoni jew differenzi fir-rigward ta’ inizjattivi nazzjonali volontarji jew regolatorji.

ATT

Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija.

SOMMARJU

L-istabbiliment ta’ metodoloġija legali mal-UE kollha għall-ekodisinn* ta’ prodotti relatati mal-enerġija huwa approċċ effiċjenti u konsistenti u jevita d-duplikazzjoni jew differenzi fir-rigward ta’ inizjattivi nazzjonali volontarji jew regolatorji.

X’TAGĦMEL-ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi qafas għal rekwiżiti minimi għall-ekodisinn li għandhom jissodisfaw il-prodotti li jikkunsmaw l-enerġija qabel ikunu jistgħu jintużaw jew jinbiegħu fl-UE. Ma tapplikax għat-trasport użat biex iġorr il-persuni jew merkanzija.

PUNTI EWLENIN

Ir-rekwiżiti għall-ekodisinn ikopru l-istadji kollha tal-ħajja ta’ prodott: mill-materja prima, il-manifattura, l-imballaġġ u d-distribuzzjoni għall-installazzjoni, il-manutenzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja.

Għal kull fażi, diversi aspetti ambjentali huma evalwati minn korpi maħtura mill-pajjiżi tal-UE. Dawn jivverifikaw aspetti bħall-materjali u l-enerġija kkunsmata, l-emissjonijiet u l-iskart mistennija u possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru.

Il-manifatturi jridu joħolqu profil ekoloġiku* tal-prodotti tagħhom u jużawh biex jikkunsidraw possibbiltajiet ta’ disinn alternattivi.

Il-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti jġorru l-marka CE u jistgħu jinbiegħu kullimkien fl-UE.

Id-Direttiva 2012/27/UE emendat il-leġiżlazzjoni tal-2009 sabiex tkompli tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija*. Din teħtieġ lill-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dan li ġej:

Jistabbilixxu mira tal-effiċjenza fl-enerġija nazzjonali indikattiva.

Japprovaw strateġija fit-tul għar-rinnovazzjoni ta’ bini residenzjali u kummerċjali.

Jirrinovaw, mill-1 ta’ Jannar 2014, 3 % tal-erja totali tal-art ta’ bini li huwa proprjetà tal-gvern.

Jintroduċu skemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija biex jiksbu ffrankar tal-enerġija* annwali ta’ 1.5 % mill-konsumaturi finali bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020.

Jissuġġettaw lill-intrapriżi l-kbar għal verifika indipendenti dwar l-enerġija mill-2016.

Jiżguraw li l-konsumaturi jiġu fatturati abbażi tal-konsum attwali tagħhom mill-inqas darba fis-sena.

Jinfuraw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2015, dwar il-potenzjal għall-koġenerazzjoni effiċjenti* u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali*.

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

*Ekodisinn: l-integrazzjoni ta’ aspetti ambejntali fid-disinn tal-prodott bl-għan li tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu.

*Profil ekoloġiku: deskrizzjoni tal-inputs u l-outputs (bħalma huma l-materjali, l-emissjonijiet u l-iskart) assoċjati ma’ prodott tul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu li huma sinifikanti għal dak li għandu x’jaqsam mal-impatt ambjentali tiegħu. Dawn l-inputs u l-outputs huma espressi fi kwantitajiet fiżiċi li jistgħu jitkejlu.

*Effiċjenza fl-enerġija: l-użu ta’ inqas enerġija biex jiġi pprovdut l-istess servizz. Eżempji f’termini ta’ prodotti huma: friġġis u magni tal-ħasil effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

*Iffrankar tal-enerġija: it-tnaqqis jew li dak li jkun joqgħod lura minn servizz sabiex tiġi ffrankata l-enerġija. Eżempju: titfi d-dawl.

*Koġenerazzjoni: il-produzzjoni simultanja tal-elettriku u s-sħana, fejn it-tnejn li huma jintużaw.

*Tisħin distrettwali: netwerk tat-tisħin li jippermetti li l-enerġija, li ta’ spiss tinħela fil-ġenerazzjoni tal-enerġija jew proċessi industrijali, tintuża u titwassal f’punt ta’ użu.

*Tkessiħ distrettwali: il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ċentralizzati ta’ enerġija għat-tkessiħ. L-ilma kiesaħ ippumpjat madwar in-netwerk tat-tkessiħ distrettwali jintuża sabiex ikessaħ l-arja li tiċċirkola fis-sistemi ta’ ventilazzjoni. L-ilma mbagħad jingħata lura lill-impjant tal-produzzjoni sabiex jerġa’ jitkessaħ.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2009/125/KE

20.11.2009

20.11.2010

ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10-35

Att li jemenda

Dħul fis-seħħ

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2012/27/UE

4.12.2012

5.6.2014

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1-56

L-aħħar aġġornament: 25.08.2015

Top