EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/28/KE — il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din id-direttiva, li temenda u tirrevoka d-Direttivi preċedenti 2001/77/KE u 2003/30/KE, toħloq sett ta' regoli komuni għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-UE sabiex tillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) u tippromwovi trasport iktar nadif.
  • Din tistabbilixxi miri nazzjonali vinkolanti għall-pajjiżi kollha tal-UE, bl-għan globali li sal-2020, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jkunu jammontaw għal 20% tal-enerġija tal-UE u għal 10% tal-enerġija speċifikament fis-settur tat-trasport (it-tnejn li huma mkejla f'termini ta' konsum finali gross tal-enerġija, jiġifieri, l-enerġija totali kkonsumata mis-sorsi kollha, inkluż sorsi ta' enerġija rinnovabbli).

PUNTI EWLENIN

  • Kull pajjiż tal-UE għandu jfassal pjan nazzjonali għall-2020, li jistabbilixxi kif tinkiseb il-mira nazzjonali għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija kif ukoll il-mira ta' 10% għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport.
  • Sabiex jgħinu biex il-miri jinkisbu b'mod kosteffettiv, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiskambjaw enerġija minn sorsi rinnovabbli*. Sabiex jgħoddu fir-rigward tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirċievu wkoll enerġija rinnovabbli minn pajjiżi barra l-UE, sakemm l-enerġija tiġi kkunsmata fl-UE u tiġi prodotta minn installazzjonijiet moderni / effiċjenti.
  • Kull pajjiż tal-UE jrid ikun kapaċi jiggarantixxi l-oriġini tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jibnu l-infrastruttura neċessarja biex jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport.

Id-Direttiva (UE) 2015/1513 temenda d-Direttivi 2009/28/KE u 98/70/KE, il-liġi tal-UE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil. Fost affarijiet oħrajn, hija għandha l-għan li tagħti bidu għat-tranżizzjoni minn bijokarburanti konvenzjonali* (tal-ewwel ġenerazzjoni) għal bijokarburanti avvanzati* (tat-tieni ġenerazzjoni) li jiksbu ffrankar sostanzjali ta' GHG. Hija tintroduċi limitu ta' 7% fuq il-bijokarburanti konvenzjonali sabiex tgħodd lejn l-ilħuq tal-miri tad-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli għall-konsum finali tal-enerġija fit-trasport sal-2020.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-25 ta’ Ġunju 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-5 ta’ Diċembru 2010.

SFOND

  • Din id-Direttiva timplimenta waħda mill-miri 20-20-20 mill-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-UE 2020. Iż-2 miri l-oħrajn huma li:
    • l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu b’20% mil-livelli tal-1990 u
    • l-effiċjenza tal-enerġija titjieb b’20%.

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Enerġija minn sorsi rinnovabbli: enerġija minn sorsi mhux fossili, bħal enerġija mir-riħ, solari, ġeotermali, idroenerġija, bijomassa u gass minn impjanti għat-trattament tad-drenaġġ (eż. l-metan).

Bijokarburanti konvenzjonali: magħmula minn kultivazzjonijiet alimentari, bħal zokkor, lamtu u żjut veġetali. Dawn jiġu prodotti mill-art bl-użu ta' materja prima li tista' tintuża wkoll għall-ikel u l-għalf.

Bijokarburanti avvanzati: magħmula minn sorsi li ma jikkompetux direttament mal-kultivazzjonijiet tal-ikel u l-għalf, bħal skart u residwi agrikoli.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16-62)

L-emendi suċċessivi u l-korrezzjonijiet għad-Direttiva 009/28/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58-68)

Ara l-verżjoni konsolidata

l-aħħar aġġornament 21.02.2017

Top