Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Ħażniet ta’ żejt ta’ emerġenza

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ħażniet ta’ żejt ta’ emerġenza

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/119/KE li timponi obbligu fuq il-pajjiżi tal-UE biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tassigura l-provvista taż-żejt tal-Unjoni Ewropea (UE) billi tirrikjedi li l-gvernijiet iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi.
  • Hija tistabbilixxi l-proċeduri għar-rilaxx ta’ dawn jekk ikun hemm nuqqas serju.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom:
    • iżommu ħażniet taż-żejt totali ekwivalenti għal mill-inqas 90 jum ta’ importazzjoni medja ta’ kuljum jew 61 jum ta’ konsum — skont liema jkun l-ogħla;
    • jiżguraw li l-ħażniet ikunu disponibbli u aċċessibbli immedjatament fil-każ ta’ emerġenza;
    • iżommu reġistru aġġornat tal-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom u jibagħtu d-data lill-Kummissjoni Ewropea sal-25 ta’ Frar ta’ kull sena;
    • iżommu reġistru aġġornat ta’ ħażniet speċifiċi, bħall-gażolina għall-muturi u tal-avjazzjoni, miżmuma fi ħdan it-territorju tagħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni fi żmien 15-il ġurnata minn meta jirċievu talba biex jagħmlu dan;
    • jibagħtu lill-Kummissjoni sommarji ta’ kull xahar tal-livell tal-ħażniet kummerċjali miżmuma fit-territorju tagħhom;
    • ikollhom pjanijiet ta’ kontinġenza fis-seħħ biex jirreaġixxu għal interruzzjoni maġġuri tal-provvista u jkunu kapaċi jirrilaxxaw xi wħud mill-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom jew kollha kemm huma malajr u b’mod effettiv;
    • jippermettu lill-kumpaniji u lil entitajiet oħra li huma meħtieġa jżommu ħażniet taż-żejt biex jiddelegaw xi ftit minn dik ir-responsabbiltà, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu entitajiet ċentrali tal-ħżin biex jakkwistaw, iżommu jew ibiegħu ħażniet biex jikkonformaw mad-direttiva.
  • Il-livelli ta’ importazzjoni u ta’ konsum użati biex jikkalkolaw il-livell minimu tal-ħażniet huma bbażati fuq id-data tas-sena ta’ qabel.
  • Grupp ta’ koordinazzjoni konsultattiv għaż-żejt u għall-prodotti petroliferi jgħin lill-Kummissjoni tanalizza s-sigurtà tal-provvista għall-UE.
  • Il-Kummissjoni tista’, billi taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali, tirrevedi l-proċeduri tal-istat ta’ tħejjija għal emerġenza.
  • Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni kellha tirrevedi kif ġiet implimentata l-leġiżlazzjoni.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-direttiva ilha tapplika mid-29 ta’ Ottubru 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2012.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, pp. 9-23)

l-aħħar aġġornament 13.03.2017

Top