Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tat-tajers, il-kapaċità tal-ibbrejkjar u l-livelli ta’ ħsejjes

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tat-tajers, il-kapaċità tal-ibbrejkjar u l-livelli ta’ ħsejjes

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra

SOMMARJU

Tajers ta’ kwalità tajba jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-konsum tal-fjuwil, u b’hekk l-emissjonijiet tas-CO2. Sabiex il-konsumaturi jiġu megħjuna jagħżlu prodott li huwa aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, għandu bbrejkjar aħjar fuq l-imxarrab u jagħmel inqas ħsejjes, għandhom bżonn informazzjoni ċara u rilevanti dwar il-kwalità tat-tajer.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan ir-regolament għandu l-għan li jarmonizza l-informazzjoni li tikkonċerna l-prestazzjoni tal-enerġija tat-tajers, kif ukoll dwar l-ibbrejkjar fuq l-imxarrab u l-istorbju estern tat-tidwir.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament japplika għal tajers tal-klassijiet C1, C2 u C3* u jeskludi:

tajers ittredjati mill-ġdid;

tajers off-road professjonali;

tajers iddisinjati biss biex jiġu armati fuq vetturi reġistrati għall-ewwel darba qabel l-1 ta’ Ottubru 1990;

spare tyres tat-tip T għal użu temporarju;

tajers li l-kategorija tal-veloċità tagħhom hija ta’ anqas minn 80 km fis-siegħa;

tajers li d-dijametru nominali tar-rimm tagħhom ma jkunx aktar minn 254 mm jew ikun 635 mm jew aktar;

tajers mgħammra b’mezzi addizzjonali sabiex itejbu l-proprjetajiet tal-ġbid (bħal pereżempju tajers bl-iskontri);

tajers iddisinjati biss biex jiġu armati fuq vetturi intenzjonati esklużivament għat-tlielaq.

Ir-responsabbiltajiet tal-fornituri tat-tajers

Il-fornituri tat-tajers iridu jwettqu monitoraġġ tat-tikkettar ta’ tajers tal-klassijiet C1, C2 u C3 li jkunu fornuti lil distributuri u konsumaturi. Dan it-tikkettar jinkludi stiker li trid tindika:

il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil (ittra A sa G);

il-klassi tal-qabda fuq l-imxarrab (ittra A sa G) it-testijiet għall-prestazzjoni fir-rigward tal-qbid fuq l-imxarrab fuq il-klassijiet ta’ tajers differenti huma emendati u supplimentati mir-Regolamenti (UE) Nru 228/2011 u (UE) Nru 1235/2011;

il-valur imkejjel tal-istorbju estern tat-tidwir (f’decibels).

Il-fornituri jridu jiddikjaraw din l-informazzjoni pubblikament, bħal fuq il-websajt jew fil-katalgi tagħhom.

Ir-responsabbiltajiet tad-distributuri tat-tajers

Id-distributuri jridu jiżguraw li t-tikketti fornuti mill-fornituri jkunu viżibbli b’mod ċar fuq it-tajers ippreżentati jew maħżuna fil-punt tal-bejgħ. Jekk it-tajers ma jkunux viżibbli għall-konsumaturi, id-distributuri jridu jfornu din l-informazzjoni lill-konsumaturi stess.

Ir-responsabbiltajiet tal-fornituri tal-karozzi u d-distributuri tal-karozzi

Jekk il-konsumaturi jistgħu jagħżlu t-tajers tagħhom, il-fornituri tal-karozzi u d-distributuri tal-karozzi jridu jipprovdulhom informazzjoni dwar il-prestazzjoni f’termini ta’ effiċjenza tal-fjuwil, ibbrejkjar fuq l-imxarrab u l-istorbju tat-tidwir għal kull għażla.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-11 ta’ Ottubru 2010.

TERMINI EWLENIN

* tajers tal-klassijiet C1, C2 u C3: kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 661/2009:

tajers C1—primarjament għall-karozzi;

tajers C2—primarjament għal vetturi kummerċjali ħfief, bħal vannijiet;

tajers C3—primarjament għal vetturi tqal (trakkijiet u karozzi tal-linja).

* Spare tyres tat-tip T għal użu temporanju: maħsuba sabiex jintużaw fi pressjonijiet tal-infiħ ogħla minn dawk għal tajers standard jew rinforzati.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1222/2009

11.01.2010

ĠU L 342, 22.12.2009, p. 46-58

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 228/2011

29.3.2011

ĠU L 62, 9.3.2011, p. 1-16

Regolament (UE) Nru 1235/2011

20.12.2011

ĠU L 317, 30.11.2011, p. 17-23

ATTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1-24). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 17.10.2015

Top