Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2000/54/KE – il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw il-valutazzjoni tar-riskju u l-limitazzjoni jekk l-espożizzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema għal aġenti bijoloġiċi ma tkunx tista’ tiġi evitata.

PUNTI EWLENIN

Din id-direttiva tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema esposti għal aġenti bijoloġiċi* (eż. mikroorganiżmi* jew kulturi taċ-ċelloli*) waqt li jkunu għaddejjin b’ xogħolhom.

L-aġenti bijoloġiċi huma kklassifikati f’erba’ gruppi ta’ riskju, skont ir-riskju ta’ infezzjoni involut:

  • grupp 1 jinkludi aġenti li mhux probabbli li jikkawżaw mard fil-bniedem;
  • grupp 2 jikkonċerna aġenti li jistgħu jikkawżaw mard fil-bniedem iżda mhuwiex probabbli li dan jinxtered fil-komunità, li għalih ikun hemm trattament effettiv disponibbli;
  • grupp 3 jinkludi aġenti li jistgħu jikkawżaw mard fil-bniedem u jista’ jinxtered fil-komunità, għalkemm ikunu possibbli l-prevenzjoni jew it-trattament;
  • grupp 4 jikkonċerna aġenti li jistgħu jikkawżaw mard serju fil-bniedem. Dawn jippreżentaw riskju għoli li jinxtered fil-komunità, li għalih ma hemm ebda trattament effettiv.

Stima tar-riskju

L-istima tar-riskju trid titwettaq għall-attivitajiet professjonali kollha li jistgħu jesponu lill-ħaddiema għal aġenti bijoloġiċi. In-natura, il-grad u t-tul tal-espożizzjoni għandhom jiġu ddeterminati sabiex jiġu ppjanati l-miżuri preventivi.

Min iħaddem irid jipparteċipa fi stimi tar-riskju regolari.

Obbligi ta’min iħaddem

Jekk l-attività tkun tippermetti, min iħaddem irid jissostitwixxi l-aġenti li jagħmlu ħsara b’aġenti li mhumiex perikolużi jew huma inqas perikolużi, billi jqis il-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom u l-livell ta’ għarfien xjentifiku dwarhom.

Barra minn hekk, jekk ikun hemm riskju għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiema, min iħaddem irid jiżgura li tali riskju jitnaqqas għal livell suffiċjentement baxx. Min iħaddem jista’:

  • jillimita n-numru ta’ ħaddiema esposti għal minimu;
  • jikkontrolla r-rilaxx tal-aġenti fil-post tax-xogħol, bl-użu ta’ proċeduri tekniċi;
  • jorganizza miżuri ta’ protezzjoni kollettivi u/jew individwali;
  • jipprevjeni jew inaqqas ir-rilaxx aċċidentali barra l-post tax-xogħol, bl-użu ta’ miżuri ta’ iġjene;
  • jinstalla sinjali ta’ twissija ta’ riskju;
  • ifassal pjanijiet biex jindirizza l-aċċidenti;
  • jipprovdi għall-ġbir, il-ħażna u r-rimi tal-iskart;
  • jagħmel arranġamenti għal kundizzjonijiet ta’ ġarr bla periklu u għat-trasportazzjoni ta’ aġenti bijoloġiċi.

Min iħaddem huwa obbligat iżomm lista ta’ħaddiema esposti għal aġenti ta’ grupp 3 u/jew grupp 4. Il-lista tista’ tinżamm sa perjodu ta’ 40 sena f’xi każijiet. Barra minn hekk, min iħaddem irid jinforma lill-awtorità nazzjonali kompetenti meta l-aġenti bijoloġiċi ta’ grupp 2, grupp 3 jew grupp 4 jintużaw għall-ewwel darba.

Finalment, min iħaddem irid jiżgura li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu informati u mħarrġa biżżejjed, dwar dak li jikkonċerna:

  • riskji potenzjali għas-saħħa;
  • prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex ma jkunx hemm espożizzjoni;
  • regoli dwar l-iġjene;
  • l-użu ta’ tagħmir u ħwejjeġ ta’ protezzjoni;
  • miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ inċidenti.

Jekk ikun hemm aċċident jew inċident, min iħaddem irid jinforma lill-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tagħhom malajr kemm jista’ jkun dwar il-kawżi, ir-riskji u l-miżuri li għandhom jittieħdu.

Ħarsien tas-saħħa

Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu arranġamenti biex iwettqu ħarsien tas-saħħa fuq il-ħaddiema, qabel u wara l-espożizzjoni għall-aġenti bijoloġiċi.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-6 ta’ Novembru 2000. Din hija kodifikazzjoni tad-Direttiva 90/679/KEE dwar ir-riskji relatati mal-espożizzjoni tal-ħaddiema għal aġenti bijoloġiċi, li rrevokat.

* TERMINI EWLENIN

Aġenti bijoloġiċi: mikroorganiżmi, li jinkludu dawk li ġew immodifikati ġenetikament, kulturi taċ-ċelloli u endoparassiti tal-bniedem, li jistgħu jkunu kapaċi jipprovokaw kwalunkwe infezzjoni, allerġija jew tossiċità.

Mikroorganiżmu: entità mikrobijoloġika, ċellulari jew mhux ċellulari, li tkun kapaċi timmultiplika ruħha jew li titrasferixxi materjal ġenetiku.

Kultura taċ-ċelloli: it-tkabbir in-vitro ta’ ċelloli miksubin minn organiżmi multiċellolari.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21-45)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1-8)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 89/391/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

Direttiva tal-Kunsill 2010/32/UE tal- 10 ta’ Mejju 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU (ĠU L 134, 1.6.2010, p. 66-72)

l-aħħar aġġornament 05.12.2016

Top