EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni b’diżabilità fuq livell internazzjonali

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 2010/48/KE dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-KONVENZJONI?

Id-deċiżjoni tadotta f’isem il-Komunità Ewropea (issa l-UE) il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, inkluża fl-anness tad-deċiżjoni.

PUNTI EWLENIN

L-għan ta’ din il-Konvenzjoni Internazzjonali huwa li jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jgawdu bis-sħiħ mid-drittijiet tal-bniedem u mil-libertajiet fundamentali kollha.

Għal dan il-għan, il-Konvenzjoni hija bbażata fuq serje ta’ prinċipji:

  • ir-rispett għad-dinjità, għall-awtonomija u għal-indipendenza tal-persuni;
  • in-nondiskriminazzjoni;
  • il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni fis-soċjetà;
  • ir-rispett għad-differenza u l-aċċettazzjoni tal-persuni;
  • l-opportunitajiet indaqs;
  • l-aċċessibbiltà, b’mod partikolari l-aċċess għat-trasport, għall-informazzjoni u għall-komunikazzjoni, għall-faċilitajiet u għas-servizzi pubbliċi, f’żoni urbani u dawk rurali;
  • l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;
  • ir-rispett għall-identità ta’ tfal b’diżabilità u għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom.

Il-pajjiżi li huma parti għall-konvenzjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat ir-rispett kontinwu ta’ dawn il-prinċipji. Jintrabtu wkoll li jappoġġjaw id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-persuni b’diżabilità.

Barra minn hekk, il-persuni b’diżabilità għandhom jiġu kkonsultati fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki li jirrigwardawhom.

Protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni

Kull forma ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità hija pprojbita u l-persuni b’diżabilità għandhom jirċievu protezzjoni legali effettiva u bbażata fuq l-ugwaljanza.

Il-konvenzjoni fiha regoli speċifiċi fir-rigward ta’ żewġ gruppi tal-popolazzjoni:

  • in-nisa b’diżabilità, li huma soġġetti għal diskriminazzjoni multipla. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat l-iżvilupp sħiħ tagħhom u l-awtonomija tagħhom;
  • it-tfal b’diżabilità, li huma intitolati għall-protezzjoni tal-aħjar interessi tagħhom fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom, għandhom id-dritt ukoll li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament u li jingħataw assistenza xierqa.

Il-pajjiżi li huma partijiet għall-konvenzjoni jintrabtu li jiġġieldu kontra l-isterjotipi u li joħolqu sensibilizzazzjoni dwar il-kapaċitajiet tal-persuni b’diżabilità.

Drittijiet rikonoxxuti mill-konvenzjoni

Il-konvenzjoni tistabbilixxi serje ta’ drittijiet u ta’ libertajiet li għalihom huma intitolati l-persuni b’diżabilità. Dawn jinkludu:

  • id-dritt għall-ħajja;
  • il-protezzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ riskju u ta’ emerġenzi umanitarji;
  • ir-rikonoxximent bħala persuni quddiem il-liġi u b’kapaċità ġuridika, speċjalment għall-finijiet tal-pussess ta’ proprjetà u tal-amministrazzjoni libera tal-finanzi proprji, filwaqt li jkunu protetti kontra l-abbuż;
  • l-aċċess għall-ġustizzja, grazzi għall-akkomodazzjonijiet proċedurali;
  • il-libertà u s-sigurtà;
  • id-dritt li ma jkunux sottoposti għal tortura jew għal trattament jew pieni krudili; inumani jew degradanti;
  • id-dritt li ma jkunux sottoposti għal sfruttament, vjolenza u abbuż;
  • il-protezzjoni tal-integrità fiżika u mentali;
  • il-libertà ta’ moviment, u d-dritt tal-għażla tal-post tar-residenza u tan-nazzjonalità;
  • l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità;
  • il-mobilità personali, speċjalment permezz ta’ apparat u teknoloġiji li jgħinu l-mobilità;
  • il-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni;
  • ir-rispett għall-privatezza;
  • ir-rispett għad-domiċilju u għall-ħajja tal-familja;
  • id-dritt għall-edukazzjoni;
  • l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa;
  • l-abilitazzjoni u r-riabilitazzjoni, permezz tal-kisba tal-kapaċità fiżika, mentali, soċjali u vokazzjonali sħiħa;
  • id-dritt għax-xogħol, mingħajr diskriminazzjoni u f’kundizzjonijiet ġusti u favorevoli;
  • id-dritt għal standard adegwat ta’ għajxien u ta’ protezzjoni soċjali;
  • il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u dik pubblika, inkluż billi jivvutaw u jiġu eletti;
  • il-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni, ta’ divertiment u fl-isport.

Implimentazzjoni tal-konvenzjoni

Kwalunkwe azzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali li tittieħed għandha tinkludi lill-persuni b’diżabilità, b’mod partikolari fi sħubiji ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti.

Il-pajjiżi għandhom jistabbilixxu punt fokali nazzjonali wieħed jew aktar responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-konvenzjoni. Għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-konvenzjoni. Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta bis-sħiħ fl-azzjoni ta’ monitoraġġ.

Fl-aħħar nett, kull pajjiż għandu jippreżenta rapport komprensiv dwar il-miżuri meħuda biex jissodisfa l-obbligi tiegħu, fi żmien sentejn mill-adeżjoni tiegħu għall-konvenzjoni.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-KONVENZJONI?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mis-26 ta’ Novembru 2009. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Mejju 2008 u ilha tapplika fl-UE mit-22 ta’ Jannar 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, pp. 35-61)

l-aħħar aġġornament 18.07.2018

Top