Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Djalogu soċjali settorjali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Djalogu soċjali settorjali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 98/500/KE dwar il-promozzjoni tad-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI?

Din tipprovdi bażi għall-ħolqien ta’ kumitati ta’ djalogu soċjali settorjali f’oqsma ta’ attività differenti tal-UE fejn rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-impjegati (magħrufa bħala l-“imsieħba soċjali”) jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu żviluppi fil-politika. Dawn huma karatteristika tad-djalogu soċjali Ewropew usa’* li huwa element essenzjali tal-mudell soċjali u l-governanza tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Il-kumitati ta’ djalogu settorjali jinħolqu f’setturi fejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem f’dan is-settur b’mod konġunt jindikaw li jixtiequ jieħdu sehem fi djalogu fuq livell tal-UE. Huma għandhom:
    • ikollhom x'jaqsmu ma' setturi ekonomiċi speċifiċi, bħall-banek u l-agrikoltura;
    • ikunu organizzazzjonijiet li huma msieħba soċjali nazzjonali rikonoxxuti;
    • ikollhom il-ħila li jinnegozjaw ftehim, u
    • jirrappreżentaw l-imsieħba soċjali ta’ għadd ta’ pajjiżi tal-UE;
    • ikollhom l-istruttura u r-riżorsi biex jipparteċipaw b’mod effettiv f’ħidma fuq livell tal-UE.
  • Kull kumitat:
    • huwa kkonsultat dwar l-iżviluppi tal-UE li għandhom implikazzjonijiet soċjali fil-qasam tiegħu;
    • jiżviluppa u jippromwovi d-djalogu soċjali fi ħdan il-mandat tiegħu;
    • għandu għadd massimu ta’ 66 membru, bl-istess għadd ta’ rappreżentanti ta’ min iħaddem u l-impjegati;
    • jistabbilixxi, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, ir-regoli tal-proċedura tiegħu;
    • jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena;
    • jitmexxa minn rappreżentant ta' min iħaddem jew tal-ħaddiema jew minn uffiċjal tal-Kummissjoni;
    • jirrevedi l-attivitajiet tiegħu b’mod regolari mal-Kummissjoni.
  • Il-kumitati ta’ djalogu settorjali jissostitwixxu forom preċedenti ta’ kooperazzjoni settorjali bejn l-imsieħba soċjali.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din tapplika mill-20 ta’ Mejju 1998.

SFOND

L-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jikkonferma l-impenn tal-UE biex tappoġġa d-djalogu soċjali Ewropew u jirrikonoxxi l-awtonomija tal-imsieħba soċjali Ewropej.

Mill-1998 ’l hawn, il-Kummissjoni ħolqot aktar minn 40 kumitat ta’ djalogu soċjali settorjali. Dawn ikopru madwar 150 miljun ħaddiem fl-UE f’setturi bħal mezzi differenti tat-trasport, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-kummerċ, is-servizzi pubbliċi, il-kostruzzjoni ta’ makkinarju u tagħmir, lukandi u ristoranti, u s-settur bankarju.

Id-djalogu wassal għal ftehim dwar madwar 900 test li jvarjaw fl-istatus legali.

Għal aktar informazzjoni, ara d-Djalogu soċjali settorjali fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINU EWLIENI

* Djalogu soċjali Ewropew: diskussjonijiet, konsultazzjonijiet, negozjati u attivitajiet konġunti li jinvolvu ż-żewġ partijiet tal-industrija (min iħaddem u l-impjegati).

ATT

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta' Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27-28)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament u l-potenzjal ta’ djalogu soċjali settorjali Ewropew (SEC(2010) 964 final tat-22.7.2010)

l-aħħar aġġornament 23.05.2016

Top