Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati — Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati — Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/38/KE — l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew (jew sistema għall-informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati li jaħdmu f’kumpaniji ta’ skala Komunitarja u gruppi ta’ kumpaniji)

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Għandha l-għan li tassigura drittijiet ta’ informazzjoni* u konsultazzjoni* fuq kwistjonijiet transnazzjonali għal persunal f’kumpaniji ta’ skala Komunitarja* (b’mill-inqas 1,000 impjegat) jew gruppi* ta’ kumpaniji. Tikseb dan il-għan billi tistabbilixxi kunsill tax-xogħlijiet Ewropew jew proċeduri oħrajn xierqa.

PUNTI EWLENIN

  • Permezz ta’ kunsilli tax-xogħlijiet Ewropej, il-ħaddiema jiġu infurmati u kkonsultati fuq livell transnazzjonali mill-amministrazzjoni dwar il-progress tan-negozju u bi kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwahom.
  • Il-maniġment ċentrali huwa responsabbli biex jagħti l-informazzjoni li tippermetti lin-negozjati jistabbilixxu kunsill tax-xogħlijiet Ewropew jew proċeduri ta’ informazzjoni u konsultazzjoni.
  • L-arranġamenti ddettaljati jinħadmu bejn il-maniġment ċentrali u r-rappreżentanti tal-impjegati li jagħmlu parti minn korp speċjali għan-negozjar.
  • Ir-rappreżentanti tal-impjegati, jew kwalunkwe espert li jikkonsultahom, ma jistgħux jiżvelaw informazzjoni espressament ipprovduta lilhom b'mod kunfidenzjali.
  • Il-membri tal-kunsill tax-xogħlijiet Ewropew għandu jkollhom il-mezzi biex japplikaw id-drittijiet li tagħti l-leġiżlazzjoni. Dan jinkludi taħriġ ta’ rappreżentanti tal-impjegati mingħajr ma jitilfu l-paga.
  • Inizjalment, il-pajjiżi tal-UE setgħu jeskludu l-baħrin tal-flotot merkantili navali mil-legiżlazzjoni. Madankollu, ġew inklużi f’emenda adottata f’Ottubru 2015 (Direttiva (UE) 2015/1794).

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Daħlet fis-seħħ fil-5 ta' Ġunju 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-5 ta' Ġunju 2011.

SFOND

Fl-2016, is-servizzi tal-Kummissjoni ser jeżaminaw l-impatt(i) tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/38/KE, u b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn bidliet magħmula għad-Direttiva 94/45/KE (il-leġiżlazzjoni oriġinali dwar kunsilli tax-xogħlijiet Ewropej li d-Direttiva 2009/38/KE ssostitwiet).

TERMINI EWLENIN

* Informazzjoni: trażmissjoni ta’ dejta mill-impjegatur għar-rappreżentanti tal-impjegati sabiex ikunu jistgħu jifhmu kwistjoni u jevalwaw l-impatt tagħha.

* Konsultazzjoni: djalogu bejn l-amministrazzjoni ċentrali u r-rappreżentanti ta’ min iħaddem sabiex dawn ikunu jistgħu jesprimu opinjoni.

*Kumpanija fuq skala Komunitarja: waħda b’mill-inqas 1 000 impjegat f’iktar minn pajjiż wieħed tal-UE u 150 persunal f’minimu ta’ 2 minnhom.

* Grupp ta’ kumpaniji fuq skala Komunitarja: grupp b’mill-inqas 1 000 impjegat b’kollox, 2 kumpaniji f’pajjiżi differenti tal-UE u lista ta’ 150 persunal f’minimu ta’ 2 minnhom.

ATT

Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28–44)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva Nru 2009/38/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għall-finijiet ta’ referenza.

ATTI RELATATI

Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 li temenda d-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE u 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 98/59/KE u 2001/23/KE, fir-rigward tal-baħħara (ĠU L 263, 8.10.2015, p. 1–5)

l-aħħar aġġornament 18.01.2016

Top