Help Print this page 
Title and reference
Strateġija ta’ tkabbir 2011–2012

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Strateġija ta’ tkabbir 2011–2012

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-istrateġija ta’ tkabbir tagħha għall-perjodu 2011–2012. Tagħti rendikont tal-progress tal-proċess ta’ tkabbir fil-Balkani tal-Punent, fit-Turkija u fl-Islanda, u tħabbar il-prijoritajiet tagħha tal-ġejjieni.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 2011, intitolata “Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011–2012” (COM(2011) 666 finali – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Il-proċess ta’ tkabbir daħal f’fażi ġdida, speċjalment għaliex tlestew in-negozjati mal-Kroazja, li l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (UE) hija prevista għal nofs l-2013. Wara dan is-suċċess, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tibni fuq din l-esperjenza fil-kwadru tan-negozjati tagħha fil-ġejjieni mal-Istati l-oħrajn.

Il-komunikazzjoni tanalizza l-programm ta’ tkabbir attwali tal-UE u tħabbar il-prijoritajiet tal-istrateġija 2011–2012, kif ukoll il-mezzi li beħsiebha timplimenta sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha.

Il-prijoritajiet tal-istrateġija ta’ tkabbir 2011–2012

Fil-qafas tal-istrateġija ta’ tkabbir tagħha, il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

  • jiġi kkonsolidat l-istat ta’ dritt u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;
  • tiġi ggarantita l-libertà ta’ espressjoni fil-midja;
  • tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u r-rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent;
  • jiġi sostnut l-irkupru ekonomiku fil-pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali u l-inklużjoni tal-ekonomiji tagħhom fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020;
  • jiġu żviluppati n-netwerks tat-trasport u tal-enerġija.

Progress imwettaq mill-pajjiżi Balkani tal-Punent

In-negozjati ta’ adeżjoni mal-Kroazja ilhom minn Ġunju 2011 li spiċċaw, peress li l-pajjiż jissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni. It-trattat tal-adeżjoni ġie ffirmat f’Diċembru 2011. Dejjem jekk jiġu sodisfatti l-proċeduri ta’ ratifika meħtieġa, il-Kroazja ssir Membru tal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013.

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għadha tissodisfa l-kriterji politiċi. Bħalissa, il-pajjiż għaddej mir-riforma tal-Parlament, tas-sistema ġudizzjarja u l-amministrazzjoni pubblika. Minkejja dan, il-pajjiż irid isaħħaħ il-libertà ta’ espressjoni fil-midja, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni ttenni l-proposta tagħha favur il-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni.

Il-Montenegro ilu jibbenefika mill-istatus ta' pajjiż kandidat minn Diċembru 2010. Minn dak in-nhar, il-pajjiż tejjeb il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali tiegħu, għad li jrid ikompli bil-politika tiegħu ta’ ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Il-Kummissjoni rrakkomandat il-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni.

Fl-Albanija, l-istaġnar politiku kompla qabel kif ukoll wara l-elezzjonijiet lokali ta’ Mejju 2011. Minkejja dan, id-djalogu bejn il-forzi politiċi tal-Albanija seta’ jerġa’ jiġi stabbilit lejn tmiem is-sena. Il-pajjiż seta’ javvanza f’dak li jikkonċerna l-kriterji politiċi tal-adeżjoni, iżda rnexxielu jagħmel ċertu progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Sa mill-elezzjonijiet ta’ Ottubru 2010, il-Bosnja-Ħerzegovina ma setgħetx tifforma gvern nazzjonali, u konsegwentement, l-implimentazzjoni tar-riformi li jippermettu l-progress lejn l-adeżjoni ġarrbet xi dewmien. Il-gvern tal-pajjiż għad għandu preżenza internazzjonali mogħtija mandat eżekuttiv.

Fir-rigward tas-Serbja, il-Kummissjoni rrakkomandat l-istatus ta’ pajjiż kandidat, bil-kundizzjoni li s-Serbja tkompli d-djalogu ma’ Pristina u b’rieda tajba tkompli bl-implimentazzjoni b’ħeffa tal-ftehimiet diġà konklużi. Tipproponi wkoll il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja, hekk kif din tal-aħħar tkun għamlet progress addizzjonali sabiex treġġa’ lura għan-normal ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Pristina. L-opinjoni tal-Kummissjoni tiddikjara li s-Serbja għamlet progress kbir fir-rigward tal-kriterji politiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f’Kopenħagen fl-1993. Barra minn hekk, il-pajjiż implimenta ekonomija tas-suq vijabbli u laħaq ċertu grad ta’ stabilità makroekonomika. Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni tqis li s-Serbja trid tkun kapaċi twettaq l-obbligi tal-adeżjoni, dejjem jekk ikompli l-progress.

Fil-Kosovo (Skont l-istatus definit mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti), il-perjodu 2010–2011 ġie mmarkat mill-elezzjonijiet leġiżlattivi bikrija, kif ukoll ħatra ta’ President f’April 2011. F’dan il-kuntest, il-pajjiż ftit li xejn għamel progress fil-programm ta’ riformi tiegħu, għad li saru xi avvanzi fir-rigward tal-kummerċ u t-twaqqif ta’ kunsill nazzjonali għall-integrazzjoni fl-UE. Minkejja dan, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni għadhom raġunijiet ta’ tħassib. Il-Kummissjoni xorta waħda pproponiet l-implimentazzjoni ta’ miżuri, kif previsti fil-komunikazzjoni tagħha tal-2009, b’mod partikolari fl-oqsma tal-viżi, tal-kummerċ kif ukoll tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE.

Progress imwettaq mit-Turkija

Din l-istrateġija tixħet dawl fuq il-fatt li t-Turkija diġà hija integrata sew fl-UE bis-saħħa tal-iskambji kummerċjali u l-investimenti mwettqa fil-qafas tal-Unjoni Doganali. Minkejja dan, il-pajjiż irid ikompli bl-isforzi tiegħu sabiex jissodisfa l-kriterji politiċi tal-adeżjoni. Huwa kruċjali li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati, kif ukoll il-libertà ta’ espressjoni, id-drittijiet tan-nisa u tal-libertà tar-reliġjon.

Fix-xena internazzjonali, it-Turkija għandha rwol prinċipali f’dak li jikkonċerna l-avvenimenti li seħħew fit-Tramuntana tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani fl-2011. Madankollu, ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Ċipru għadhom ta' tensjoni. Il-Kummissjoni beħsiebha timplimenta aġenda pożittiva ġdida li tippermetti kooperazzjoni u djalogu aktar mill-qrib mal-pajjiż.

Progress imwettaq mill-Islanda

Il-perjodu 2008–2009 ġie mmarkat mill-kollass tal-ekonomija fl-Islanda. Bil-mod il-mod, il-pajjiż qam fuq saqajh u kien kapaċi jżomm ċerta stabilità politika, u dan ippermettilu jkompli bil-proċess tal-adeżjoni fl-UE. Il-livell ta’ integrazzjoni tal-Islanda huwa għoli sew. Il-komunikazzjoni tosserva t-twettiq mingħajr intoppi tan-negozjati bejn l-Islanda u l-UE.

Elementi ta’ appoġġ għall-proċess ta’ tkabbir

Il-Kummissjoni tappoġġja l-proċess ta’ tkabbir bis-saħħa ta’:

  • l-għajnuna finanzjarja li ġejja l-aktar mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IAP) li l-ammont tagħha huwa ta’ 11,6 biljun euro għall-2007–2013;
  • il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viżi u l-mobilità li tixpruna lill-pajjiżi sabiex jagħmlu r-riformi;
  • it-tagħrif u l-komunikazzjoni li jippermettu l-appoġġ tal-opinjoni pubblika.

See also

  • Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir – L-Istrateġija dwar it-Tkabbir u r-Rapporti dwar il-Progress 2011 (DE) (EN) (FR)

L-aħħar aġġornament: 05.01.2012

Top