Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Prijoritajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (2011-2020)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Prijoritajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (2011-2020)

Il-Kunsill jiddefinixxi l-prijoritajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-perijodu 2011-2020, kif ukoll l-għanijiet nazzjonali li għandhom jinkisbu fuq perijodu iqsar u l-appoġġ li għandu jingħata mill-Unjoni Ewropea (UE).

SOMMARJU

Il-Kunsill jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-proċess ta’ Kopenħagen għall-perijodu 2011-2020. Il-proċess ta’ Kopenħagen għandu l-għan li jtejjeb l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) billi jsaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew.

Dawn l-għanijiet aġġornati se jgħinu biex jinkisbu l-prijoritajiet u l-inizjattivi tal-Istrateġija Ewropea 2020. L-ETV huwa kruċjali sabiex jinkisbu tnejn mill-objettivi tal-istrateġija: li sal-2020 jiżdied il-persentaġġ ta’ persuni tal-età ta’ 30 sa 34 li jiggradwaw mill-edukazzjoni terzjarja għal mill-inqas 40 % u li jitnaqqas il-proporzjon ta’ dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien għal taħt l-10 %.

Viżjoni globali

Il-Kunsill jistma li sabiex ikunu kompletament effettivi, il-politiki dwar l-ETV iridu jagħżlu approċċ globali li jikkunsidra l-politiki soċjali u tal-impjieg.

Sal-2020, is-sistemi tal-ETV għandhom ikunu aktar attraenti u aċċessibbli għal kulħadd, u jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità b’rilevanza għolja għas-suq tax-xogħol. Dawn iridu jkunu flessibbli biżżejjed sabiex jippermettu permeabbiltà bejn is-sistemi differenti tal-edukazzjoni (edukazzjoni skolastika, edukazzjoni għolja, eċċ.) L-ETV kontinwu jrid ikun faċilment aċċessibbli u aktar orjentat lejn il-karrieri. L-għażliet sabiex parti mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ssir barra l-pajjiż għandhom jiżdiedu.

Objettivi 2011 -2020

Huma definiti diversi objettivi strateġiċi li għandhom jinkisbu sal-2020. Kull wieħed minnhom huwa akkumpanjat minn riżultati fuq perijodu qasir (2011-2014) li għandhom jiġu segwiti fuq il-livell nazzjonali, flimkien ma’ dettalji tal-appoġġ provdut mill-Unjoni Ewropea (UE) biex dawn jintlaħqu. Ġew identifikati sitt objettivi strateġiċi, jiġifieri:

  • li l-ETV inizjali jsir alternattiva ta’ tagħlim attraenti. Fuq perijodu qasir, l-awtoritajiet nazzjonali huma mitluba jippromwovu l-attraenza tal-ETV, iżda wkoll biex jappoġġaw attivitajiet li jippermettu lill-istudenti jsiru familjari ma’ snajja’ vokazzjonali u possibbiltajiet ta’ karrieri differenti.
  • it-trawwim tal-eċċellenza, il-kwalità u r-rilevanza tal-ETV għas-suq tax-xogħol. Bejn l-2011 u l-2014, għandu jsir progress fl-istabbiliment ta’ oqfsa nazzjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità . Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi tal-ETV ukoll għandha tissaħħaħ, b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni ta’ apprendistati għall-għalliema f’intrapriżi. L-istituzzjonijiet tal-ETV għandhom jingħataw feedeback dwar l-impjegabbiltà tal-gradwati tagħhom.
  • aċċess flessibbli għat-taħriġ u l-kwalifiki. Fil-livell nazzjonali u fuq perijodu qasir, se jkun neċessarju li jiġi rivedut l-użu tal-inċentivi għall-parteċipazzjoni fl-ETV u d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet interessati involuti. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu wkoll miżuri xierqa sabiex iħeġġu l-parteċipazzjoni fl-ETV kontinwu. Sal-2012, għandu jiġi stabbilit referenzjar bejn il-livelli tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u dawk tal-oqfsa nazzjonali.
  • l-inkoraġġiment tal-mobbiltà internazzjonali fl-ETV. Sabiex jagħmlu dan, il-pajjiżi tal-UE għandhom iħeġġu lill-istudenti u l-professjonisti speċifikament sabiex jipparteċipaw fi programm ta’ mobbiltà, u jħeġġu wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-ETV biex jiżviluppaw strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni. It-tagħlim tal-lingwi għandu jkun integrat fil-kurrikuli.
  • il-promozzjoni tal-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija, kif ukoll l-użu ta’ teknoloġiji ġodda. Fil-livell nazzjonali għandhom jiġu mħeġġa sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-ETV, stabbilimenti tal-edukazzjoni għolja u ċentri tad-disinn, l-arti, ir-riċerka u l-innovazzjoni. L-istituzzjonijiet tal-ETV għandhom jingħataw it-tagħmir neċessarju f’termini ta’ teknoloġiji ġodda. Il-promozzjoni tal-esperjenza prattika wkoll għandha tħeġġeġ l-intraprenditorija.
  • l-ETV għandu jsir aċċessibbli għal kulħadd, b’mod partikolari billi jittejjeb il-kontribut tiegħu biex jiġu indirizzati dawk li jitilqu mill-iskola kmieni. Il-parteċipazzjoni ta’ gruppi b’ħiliet limitati jew “f’riskju” għandha titħeġġeġ permezz tal-użu ta’ gwida u servizzi ta’ appoġġ xierqa, teknoloġiji ġodda u sistemi ta’ monitoraġġ eżistenti.

Il-Kunsill jiddefinixxi wkoll ħames objettivi trasversali:

  • iż-żieda fl-involviment tal-partijiet interessati tal-ETV u li r-riżultati miksuba permezz tal-kooperazzjoni Ewropea jsiru magħrufa aħjar.
  • il-koordinazzjoni tal-governanza tal-istrumenti Ewropej u nazzjonali fl-oqsma tat-trasparenza, ir-rikonoxximent, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-mobilità;
  • intensifikar tal-kooperazzjoni bejn il-politika tal-ETV u oqsma ta’ politika oħra rilevanti.
  • it-titjib tal-kwalità u l-komparabbiltà tad-data għat-tfassil tal-politika tal-UE fl-ETV;
  • użu tajjeb mill-appoġġ tal-UE.

Kuntest

L-objettivi definiti fil-konklużjonijiet ġew approvati mill-Bruges Communiqué tas-7 ta’ Diċembru 2010, adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta’ 33 pajjiż Ewropew, l-imsieħba soċjali u l-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-perijodu 2011-2020 (ĠU C 324, 1.12.2010, p. 5-15)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top