EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Dimensjoni Ewropea fl-Isport

 

SOMMARJU TA’:

Il-Komunikazzjoni (COM(2011) 12 finali) — L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport

L-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI U L-ARTIKOLU TAT-TRATTAT?

Abbażi tal-White Paper dwar l-isport tal-2017, il-komunikazzjoni tistipula lista ta’ inizjattivi li jistgħu jittieħdu fil-livell tal-UE sabiex ikompli jiġi msaħħaħ ir-rwol tal-isport fis-soċjetà, id-dimensjoni ekonomika tiegħu u l-organizzazzjoni tiegħu.

L-Artikolu 6 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-UE li twettaq azzjonijiet sabiex tappoġġja, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni tal-pajjiżi tal-UE f’oqsma bħall-isport, l-edukazzjoni u l-kultura.

Punti ewlenin

Il-komunikazzjoni tippreżenta l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-UE taħt tliet temi wesgħin. L-inizjattivi li għandhom jittieħdu huma maħsubin sabiex jipprovdu valur miżjud billi jappoġġjaw u jikkumplementaw l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE stess fil-qasam tal-isport.

L-irwol tal-isport fis-soċjetà

  • L-isport jista’ jagħti kontribut pożittiv lejn it-tkabbir, l-impjegabbiltà taċ-ċittadini u l-koeżjoni soċjali, filwaqt li jgħin sabiex titnaqqas in-nefqa fuq is-saħħa. Madankollu, l-isport ikompli jaffaċċja theddid marbut mad-doping, il-vjolenza u l-intolleranza, li għandhom jittieħdu azzjonijiet kontrihom sabiex jiġu protetti l-atleti u ċ-ċittadini.
  • L-użu ta’ sustanzi ta’ doping jippreżenta perikli serji għas-saħħa pubblika, u għaldaqstant jenħtieġ li tiżdied il-ġlieda kontra d-doping. Il-partijiet prinċipali involuti fis-settur tal-isport stiednu lill-UE sabiex tingħaqad mal-Konvenzjoni kontra d-Doping tal-Kunsill tal-Ewropa, u għalhekk il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproponi abbozz ta’ mandat sabiex tiġi nnegozjata l-adeżjoni tal-UE. Huwa essenzjali wkoll li jiġu rinfurzati miżuri li jipprevjenu l-kummerċ ta’ sustanzi dopanti minn netwerks organizzati. Il-Kummissjoni għandha teżamina modi kif tagħmel dan, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ liġi kriminali. Il-Kummissjoni diġà tappoġġja diversi organizzazzjonijiet li għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra d-doping, bħall-Aġenzija Dinjija għall-Anti-Doping. Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġja netwerks transnazzjonali tal-anti-doping.
  • Il-kwalità tal-programmi tal-isport fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni mhijiex sodisfaċenti f’diversi pajjiżi tal-UE. Il-kwalità taċ-ċentri tat-taħriġ tal-isport u tal-istaff ta’ dawn iċ-ċentri għandha tkun għolja biżżejjed sabiex tissalvagwardja l-interessi morali, edukattivi u professjonali tal-atleti. Sabiex tappoġġja l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki fl-isport, il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE għandhom:
    • ifasslu linji gwida tal-UE dwar karrieri doppji għall-atleti sabiex jiġi żgurat li tingħata edukazzjoni ta’ kwalità b’mod parallel ma’ taħriġ fl-isport;
    • jappoġġjaw ir-referenzjar ta’ kwalifiki relatati mal-isport għall-Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki;
    • jippromwovu r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta’ tagħlim nonformali* u informali* miksub permezz ta’ attivitajiet marbutin mal-isport.
  • Huwa meħtieġ approċċ Ewropew sabiex jiġu prevenuti u miġġielda l-vjolenza u l-intolleranza, li jkompli jippreżentaw problemi għall-isport fl-Ewropa. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE, għaldaqstant, għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw arranġamenti tas-sigurtà u rekwiżiti ta’ sikurezza li jkopru firxa wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi (bħalissa huma koperti biss avvenimenti internazzjonali tal-futbol). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-ġlieda kontra l-intolleranza fl-isport u tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tal-UE sabiex jinfurzaw kompletament u b’mod effettiv id-Deċiżjoni Qafas 2008/913/JHA dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.
  • L-isport huwa fundamentali għat-titjib tal-attività fiżika, li hija determinant essenzjali tas-saħħa fis-soċjetà tal-lum. Sabiex ittejjeb is-saħħa permezz tal-isport, il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE qed jaħdmu fuq linji gwida nazzjonali sabiex jinkoraġġixxu lin-nies jinkludu attività fiżika fil-ġurnata tagħhom ta’ kuljum, abbażi tal-Linji Gwida dwar l-Attività Fiżika tal-UE tal-2008. Jeżistu differenzi kbar bejn il-pajjiżi tal-UE fir-rigward tal-kunċett ta’ attività fiżika li ttejjeb is-saħħa. Sabiex jingħelbu dawn id-differenzi, il-Kummissjoni għandha tappoġġja proġetti u netwerks transnazzjonali f’dan il-qasam.
  • L-inklużjoni soċjali tista’ titjieb fl-isport u permezz tiegħu. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE għandhom:
    • ifasslu standards ta’ aċċessibbiltà għall-isport permezz tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità;
    • ikomplu jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet fl-attivitajiet tal-isport;
    • jappoġġjaw proġetti transnazzjonali li jippromwovu l-aċċess tan-nisa għall-isport u l-integrazzjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġjati permezz tal-isport.

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport

  • L-isport huwa settur tal-ekonomija li dejjem qed jespandi u li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Hemm bżonn ta’ data kumparabbli sabiex fuqha jiġu mfasslin politiki bbażati fuq l-evidenza u sabiex jiġi sostnut il-finanzjament tal-isport, partikolarment l-isport mhux għall-profitt.
  • It-tfassil ta’ politiki bbażati fuq l-evidenza huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-isport. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE għandhom jipproduċu kontijiet satelliti għall-isport sabiex titkejjel l-importanza ekonomika. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll appoġġ lil netwerk ta’ universitajiet sabiex jippromwovu politiki dwar l-isport innovattivi, kif ukoll tistudja l-possibbiltà li tistabbilixxi funzjoni ta’ monitoraġġ tal-isport tal-UE.
  • Il-finanzjament sostenibbli tal-isport għandu jiġi żgurat. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) huma sors importanti ta’ dħul fil-qasam tal-isport professjonali. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha:
    • tikkunsidra l-IPRs mill-kopertura ta’ avvenimenti sportivi fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Aġenda Diġitali (u l-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali sussegwenti);
    • tistudja l-finanzjament tal-isport għall-massa, li ser jinforma azzjoni futura f’dan il-qasam.
  • Flimkien mal-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni għandha teżamina kif mekkaniżmi ta’ solidarjetà finanzjarja fis-settur tal-isport jistgħu jissaħħu.
  • S’issa, kien hemm biss ftit deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE għall-isport. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-liġi dwar l-għajnuna mill-istat fil-qasam tal-isport u tikkunsidra li tipprovdi gwida jekk in-numru ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-istat jiżdied.
  • L-isport huwa għodda imprezzabbli għall-iżvilupp reġjonali u l-impjegabbiltà. Sabiex jieħdu vantaġġ minn dan, il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE ser jagħmlu użu sħiħ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex jappoġġjaw strutturi tal-isport sostenibbli.

L-organizzazzjoni tal-isport

  • L-awtonomija u l-awtoregolarizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-isport huma msejsin fuq it-tmexxija tajba fis-settur. Sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE għandhom japprovaw standards komuni permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajba u billi jipprovdu appoġġ immirat lejn inizjattivi speċifiċi.
  • Sabiex tigura li l-kunċett tan-natura speċifika tal-isport jiġi applikat b’mod korrett, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida:
    • tema b’tema dwar ir-relazzjoni bejn il-liġi tal-UE u r-regoli dwar l-isport;
    • dwar ir-regoli tal-UE relatati mal-moviment liberu u n-nazzjonalità tal-persuni sportivi, bil-għan li jiġu organizzati kompetizzjonijiet mhux diskriminatorji fl-isport individwali fuq bażi nazzjonali;
    • dwar ir-regoli ta’ trasferiment, minħabba li t-trasferimenti tal-plejers ħafna drabi jagħtu lok għal mistoqsijiet dwar il-legalità tagħhom u l-finanzjament involut. Il-Kummissjoni kellha tivvaluta kemm l-aspetti ekonomiċi u kemm dawk legali marbutin mat-tali transferimenti.
  • L-attivitajiet tal-aġenti tal-isport ukjoll iqajmu mistoqsijiet dwar l-etika. Konsegwentement, il-Kummissjoni organizzat konferenza sabiex teżamina modi kif l-attivitajiet tal-aġenti jistgħu jiġu mtejbin.
  • Fis-settur tal-futbol professjonali, tnieda kumitat dwar id-djalogu soċjali Ewropew fl-2008. Diversi organizzazzjonijiet appellaw għall-ħolqien ta’ djalogu soċjali Ewropew għas-settur tal-isport kollu, li l-Kummissjoni qed tappoġġja. Sabiex tiffaċilita dan il-proċess, il-Kummissjoni għandha tipproponi fażi ta’ ttesjar għas-sħab soċjali rilevanti.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Tagħlim nonformali: tagħlim organizzat ibbażat fuq il-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-individwi u ħafna drabi mmexxi minn għalliem, iżda li ma jwassalx għal diploma formali
Tagħlim informali: tagħlim mingħajr kurrikulu jew krediti formali u li ħafna drabi jinvolvi lill-familja jew lill-ħbieb.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - L-Ewwel Parti - Prinċipji - Titolu I - Kategoriji u oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni - l-Artikolu 6 (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 52-53)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - L-Ivilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (COM(2011) 12 finali, 18.1.2011)

l-aħħar aġġornament 11.06.2018

Top