EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kooperazzjoni tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ

SOMMARJU

X’JAGĦMLU L-KONKLUŻJONIJIET?

  • Huma jipprovdu qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020.
  • Huma jibnu fuq il-kisbiet tal-inizjattiva preċedenti dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ 2010 (ET 2010) u stabbilixxew 4 għanijiet strateġiċi maħsuba biex jgħinu lil kull ċittadin jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu, kif ukoll biex joħolqu prosperità ekonomika sostenibbli fl-Ewropa.

PUNTI EWLENIN

  • L-4 għanijiet strateġiċi huma dawn li ġejjin:
    • 1.

      Jeħtieġ li t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà bis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu aktar risponsivi għall-bidla u għall-bqija tad-dinja.

    • 2.

      Jeħtieġ li l-kwalità u l-effikaċja tal-edukazzjoni u t-taħriġ jittejbu billi tingħata attenzjoni akbar liż-żieda tal-livelli tal-ħiliet bażiċi bħal-litteriżmu u l-ħiliet fin-numri, filwaqt li l-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija jsiru aktar attraenti u jissaħħu l-ħiliet lingwistiċi.

    • 3.

      Jeħtieġ li tingħata promozzjoni lill-ekwità, lill-koeżjoni soċjali u liċ-ċittadinanza attiva sabiex b’hekk iċ-ċittadini kollha, irrispettivament miċ-ċirkostanzi personali, soċjali jew ekonomiċi tagħhom, ikunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw ħiliet speċifiċi għall-impjiegi matul ħajjithom.

    • 4.

      Il-kreattività u l-innovazzjoni, inkluża l-imprenditorija, għandhom jiġu mħeġġa fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, billi dawn huma l-ixprunaturi ewlenin tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. B’mod partikolari, l-individwi għandhom jiġu mgħejuna jsiru kompetenti fil-qasam diġitali u jiżviluppaw l-inizjattiva, l-imprenditorija u l-għarfien kulturali.

  • Il-kooperazzjoni Ewropea taħt l-ET 2020 tieħu l-forma ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenza dwar kwistjonijiet li huma komuni għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-pajjiżi Ewropej. Dawn jinkludu:
    • tagħlim bejn il-pari,
    • monitoraġġ u rappurtaġġ perjodiku, u
    • għodod ta’ referenza komuni.
  • Huma stabbiliti diversi benchmarks u indikaturi sabiex ikejlu l-progress li sar lejn l-għanijiet differenti.
  • Il-Kummissjoni Ewropea timmonitorja l-progress b’mod ġenerali u, billi taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali, tikkunsidra kif jistgħu jittejbu l-indikaturi.
  • Il-perjodu sal-2020 huwa maqsum f’sensiela ta’ ċikli ta’ ħidma. Għall-perjodu 2016-2020, ġew identifikati sett ta’ prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan sar fil-forma ta’ rapport konġunt, li kien adottat mill-Kunsill tal-Ministri tal-Edukazzjoni u mill-Kummissjoni f’Novembru 2015.

Is-6 prijoritajiet għall-perjodu 2016-2020 huma:

  • ħiliet u kompetenzi rilevanti u ta’ kwalità għolja għall-impjegabbiltà, l-innovazzjoni, iċ-ċittadinanza attiva u l-benesseri (eż. il-kreattività, is-sens ta’ inizjattiva u l-ħsieb kritiku);
  • l-edukazzjoni inklużiva (jiġifieri l-inklużjoni tad-diversità dejjem tiżdied tal-istudenti), l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni ta’ kompetenzi ċiviċi (pereżempju, l-għarfien reċiproku u l-valuri demokratiċi);
  • edukazzjoni u taħriġ miftuħa u innovattivi, inkluż permezz tat-tħaddin sħiħ tal-era diġitali;
  • appoġġ qawwi għall-edukaturi (pereżempju, proċessi mtejba ta’ reklutaġġ, għażla u taħriġ, kif ukoll żvilupp professjonali kontinwu);
  • trasparenza u rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki sabiex jiġu ffaċilitati l-mobbiltà għat-tagħlim u l-mobbiltà tal-ħaddiema (pereżempju, permezz tal-qafas Ewropew ta’ referenza tal-kwalità );
  • investiment sostenibbli (inkluża l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-pjan ta’ investiment għall-Ewropa), l-eżekuzzjoni u l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

SFOND

Skont l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, “Kulħadd għandu d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollu aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u kontinwu”.

Għal aktar tagħrif, ara l- qafas strateġiku — edukazzjoni u taħriġ 2020 fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2-10)

ATTI RELATATI

Rapport Konġunt għall-2012 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) — L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f’Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklużiva (ĠU C 70, 8.3.2012, p. 9-18)

Rapport Konġunt għall-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) — Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25-35)

l-aħħar aġġornament 29.02.2016

Top