Help Print this page 
Title and reference
Rekwiżiti applikabbli għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Rekwiżiti applikabbli għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali tal-Istati Membri. Dawn ir-regoli jitqiesu fil-kuntest tas-sorveljanza baġitarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Huma maħsuba biex jgħinu jiżguraw li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt il-patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir.

ATT

Direttiva 2011/85/UE tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti applikabbli għall-oqsfa baġitarji tal-Istati Membri (Ġurnal Uffiċjali L 306, 23.11.2011).

SOMMARJU

Din id-direttiva tapplika għall-oqfsa baġitarji nazzjonali tal-Istati Membri. Dawn ifissru fid-dettall il-miżuri, ir-regoli u l-istituzzjonijiet kollha li bihom il-gvernijiet tal-Istati Membri jmexxu l-politika baġitarja u fiskali tagħhom.

Sistema ta’ kontabilità fis-settur pubbliku u rapportar statistiku

L-Istati Membri għandu jkollhom sistemi nazzjonali ta’ kontabilità pubblika li jkopru b’mod komprensiv u konsistenti is-subsetturi kollha tal-gvern ġenerali.

Dawn is-sistemi ta’ kontabilità għandhom jippermettu lill-Istati Membri li jiżguraw il-pubblikazzjoni regolari tad-dejta fiskali relatata mal-gvern,stabbilita fuq kontabilità bbażata fuq il-flus kontanti u li jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa għal dejta affidabbli dwar il-prodott, b'mod konformi mal-kunċetti u d-definizzjonijiet tas-sistemi ta' kontabilità nazzjonali.

Barra minn hekk, is-sistemi ta’ kontabilità tas-settur pubbliku tal-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni interna u verifika indipendenti.

Fl-aħħarnett, id-Direttiva tistieden lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-adegwatezza tal-Istandards tal-Kontabilità Internazzjonali tas-Settur Pubbliku għall-Istati Membri qabel tmiem l-2012.

Tbassir għall-ippjanar fiskali

L-Istati Membri għandhom jibbażaw l-ibbaġitjar tagħhom fuq tbassir makroeonomiku u fiskali kemm jista’ jkun realistiku. Dan it-tbassir għandu jinkludi fost oħrajn studju tal-varjabbli fiskali prinċipali skont suppożizzjonijiet differenti dwar l-evoluzzjoni tat-tkabbir u tar-rati tal-imgħax.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw it-tbassir makroekonomiku u fiskali tagħhom, kif ukoll il-metodi u l-parametri li jkunu intużaw. Għandhom jispeċifikaw ukoll l-istituzzjoni responsabbli għall-produzzjoni ta’ dan it-tbassir.

It-tbassir tal-Istati Membri mbagħad għandu jitqabbel mat-tbassir magħmul mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar hija wkoll meħtieġa li tippubblika l-metodi, is-suppożizzjonijiet u l-parametri li jkunu ntużaw. Kwalunkwe differenza sinifikanti bejn it-tbassir tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni għandha tkun deskritta u spjegata.

Regoli fiskali numeriċi

Is-sorveljanza baġitarja tal-UE għandha wkoll tkun ibbażata fuq regoli fiskali numeriċi f’kull Stat Membru. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jevitaw żbilanċi eċċessivi u dejn eċċessiv tal-gvern.

Ir-regoli fiskali speċifiċi għal kull pajjiż għandhom jinkludu fost oħrajn:

  • l-għanijiet fil-mira u l-ambitu tar-regoli;
  • monitoraġġ effettiv tal-konformità mar-regoli, ibbażat fuq analiżi affidabbli minn aġenziji indipendenti jew li jgawdu minn awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet baġitarji nazzjonali;
  • il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli.

Qafas baġitarju fuq terminu medju

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas baġitarju fuq terminu medju. Dan il-qafas għandu jkun definit bħala sett ta’ proċeduri li jtawwlu l-iżvilupp tal-politika fiskali lil hinn mill-baġit annwali. Dan għandu jkun akkumpanjat mill-adozzjoni ta’ pjan baġitarju ta’ mill-inqas tliet snin.

Il-qafas fiskali għandu għalhekk jinkludi l-elementi li ġejjin:

  • miri baġitarji multiannwali komprensivi u trasparenti, pereżempju espressi f’termini ta’ defiċit pubbliku jew dejn pubbliku;
  • projezzjonijiet għal kull oġġett kbir ta’ nfiq u ta’ dħul tal-gvern;
  • deskrizzjoni tal-politiki mfassla fuq terminu medju u li għandhom impatt fuq il-finanzi tal-gvern;
  • evalwazzjoni tal-effetti possibbli tal-politiki proposti fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

Kuntest

Il-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir huwa sett ta’ regoli li jistabbilixxu s-sorveljanza ekonomika u baġitarja fil-livell Ewropew sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-UE.

Fl-2011, il-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir kien soġġett għal riforma estensiva. Għalhekk, il-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir issa jiġbor fih sitt biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li daħlu fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011:

  • ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 dwar l-implimentazzjoni effettiva tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro;
  • ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro;
  • ir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 li jemenda l-proċeduri ta’ sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji;
  • ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi;
  • ir-Regolament (UE) Nru 1177/2011 li jemenda l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv;
  • din id-Direttiva dwar ir-rekwiżiti applikabbli għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. Hija llum applikabbli fit-totalità tagħha hekk kif l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha mill-Istati Membri ġiet stabbilita għall-31 ta' Diċembru 2013, minħabba li l-Kummissjoni kellha tippreżenta rapport interim dwar il-progress fuq l-implimentazzjoni tagħha sa tmiem l-2012.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2011/85/UE

13.12.2011

31.12.2013

ĠU L 306, 23.11.2011

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri [ COM(2013) 114 final - Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl-2013 [ COM(2014) 122 final - Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].

Ir-rapport huwa bbażat fuq ir-riżultati prinċipali tal-valutazzjoni tad-dejta nnotifikata fl-2013 taħt il-proċedura ta' baġit eċċessiv (EDP - excessive deficit procedure). B'mod ġenerali, il-Kummissjoni tinnota li l-kwalità tar-rapportar tad-dejta baġitarja baqgħet tittejjeb fl-2013.

L-aħħar aġġornament: 27.06.2014

Top