EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-unjoni ekonomika u monetarja tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 119 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLI 119 U 140 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA?

  • Artikolu 119 jiddikjara li l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tal-UE ser jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom u jiddefinixxu u jimplimentaw politika monetarja unika u politika dwar ir-rati tal-kambju. Hu jirreferi għall-introduzzjoni ta’ munita unika, l-ewro u jistabbilixxi xi prinċipji gwida.
  • Artikolu 140 jiddikjara li l-Istati Membri jridu jissodisfaw “kriterji ta’ konverġenza” speċifiċi jekk iridu jidħlu fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) tal-UE. It-tielet stadju jinvolvi li tadotta l-ewro bħala munita u li timplimenta politika monetarja unika fl-Istati Membri kkonċernati.

PUNTI EWLENIN

  • UEM hi l-proċess ta’ alinjament ta’ politiki ekonomiċi u monetarji fl-Istati Membri Dan jikkonsisti fi tliet stadji.
    • L-ewwel stadju (1990-1993) Moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri.
    • It-tieni stadju (1994-1998) Koordinazzjoni tal-politiki monetarji tal-Istati Membri, żieda fil-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonal tagħhom u li ġġib l-ekonomiji tagħhom aktar qrib xulxin (jiġifieri konverġenza ekonomika).
    • It-tielet stadju (1 ta’ Jannar 1999 ‘il quddiem) L-introduzzjoni gradwali tal-ewro u l-implimentazzjoni ta’ politika monetarja unika taħt ir-responsabbiltà tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Waqt li l-ewwel żewġ stadji tal-UEM ġew kompluti għall-Istati Membri kollha, l-istadju finali għadu mhux komplut. Sal-lum, 20 Stat Membru biss — referuti kollettivament referuti bħala “ż-żona tal-euro”-adottaw l-ewro bħal l-munita tagħhom.

Tranżizzjoni għall-euro

  • Qabel ma jkun jista’ jintroduċi l-ewro, Stat Membru l-ewwel irid jissodisfa r-rekwiżiti ekonomiċi u legali — il-kriterja ta’ konverġenza
  • L-għan tal-kriterji ta’ konverġenza ekonomiċi hu li jiżguraw li l-UE jkollha sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja stabbli.
  • Il-kriterja legali ta’ konverġenza tistipula li l-liġijiet tal-Istati Membri jridu jkunu kompatibbli mat-trattati tal-UE partikolarment fuq punti relatati mal-bank ċentrali nazzjonali u l-munita.
  • Meta Stat Membru jissodisfa dawn ir-rekwiżiti kollha, jkun jista’ jadotta l-ewro bħal l-munita tiegħu. L-ewro mbagħad tieħu l-post tal-munita nazzjonali ta’ qabel u ssir il-munita uffiċjali ta’ dak il-pajjiż.
  • Tal-inqas kull sentejn, il-Kummissjoni Ewropea u l-BĊE jevalwaw x’progress għamlu l-Istati Membri biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ konverġenza. Jekk jiġġudikaw li Stat Membru jista’ jimxi għat-tielet stadju tal-UEM, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jieħu deċiżjoni li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jadotta l-ewro bħala l-munita tiegħu.

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Il-BĊE għandu rwol essenzjali fl-UEM. Hu jiddetermina b’mod indipendenti l-politika monetarja taż-żona tal-ewro tal-Istati Membri. Hu jkollu wkoll il-poter li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus ewro. L-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti, imma l-BĊE l-ewwel irid jawtorizza l-ammont annwali li jridu joħorġu.

L-ewwel Stati Membri fiż-żona tal-ewro

  • Fit-3 ta’ Mejju 1998, data storjika fir-rigward tat-tnedija tat-tielet stadju tal-UEM, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tirrikonoxxi li 11-il Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja) kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji biex jintroduċu l-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999. Fl-2000, deċiżjoni simili ttieħdet għall-Greċja li daħlet fit-tielet stadju tal-UEM f’Jannar 2001.
  • L-ewro kienet imbagħad introdotta f’żewġ stadji.
    • 1 ta’ Jannar 1999. L-ewro kienet introdotta bħala flus skritturali* u r-rati ta’ konverżjoni kienu stabbiliti mal-munita nazzjonali preċedenti li b’hekk saru unitajiet mhux deċimali tal-ewro.
    • 1 ta’ Jannar 2002. Muniti ewro u karti tal-flus ewro ddaħħlu fl-Istati Membri rilevanti. Iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej imbagħad setgħu jagħmlu l-pagamenti fi flus tagħhom fil-euro.

Espansjoni taż-żona tal-euro

  • Bħala prinċipju, l-Istati Membri kollha suppost jidħlu fit-tielet stadju tal-UEM u b’hekk jadottaw l-ewro. Madankollu, xi wħud għadhom ma ssodisfawx ir-rekwiżiti ekonomiċi u legali. Huma eżenti sa dak il-ħin li jistgħu jintroduċu l-ewro.
  • Iż-żona tal-ewro espandiet bosta drabi biex tinkludi aktar Stati Membri.

Eżenzjonijiet

Id-Danimarka għandha opt-out milli tieħu sehem fl-UEM, u d-dettalji tiegħu huma stabbiliti f’Protokoll Nru 16, anness mat-trattati kostituttivi tal-UE. Id-Danimarka rriżervat l-opzjon li ttermm l-arranġamenti tal-eżenzjoni u tapplika biex tadotta l-ewro imma qatt ma ħabbret tali intenzjoni.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Flus skritturali. Flus li mhumiex f’forma ta’ kontanti u allura ma jiċċirkulawx f’forma ta’ karti ta’ flus u muniti.

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Tlieta — Politiki tal-Unjoni u azzjonijiet interni — Titolu VIII — Politika ekonomika u monetarja — Artikolu 119 (ex Artikolu 4 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 96–97).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Tlieta — Politiki tal-unjoni u azzjonijiet interni — Titolu VIII — Politika ekonomika u monetarja — Kapitolu 5 — Dispożizzjonijiet tranżizzjonali — Artikolu 140 (ex Artikoli 121(1), 122(2), it-tieni sentenza, u 123(5) TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 108–110).

l-aħħar aġġornament 23.02.2023

Top