Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali applikata fil-prattika

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali applikata fil-prattika

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (KUMM(2010) 573 finali) – Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

SOMMARJU

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Din tippreżenta l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-applikazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
  • Hija tirrifletti dwar ir-rwol tad-drittijiet fundamentali fil-proċess leġiżlattiv, inkuż fil-metodoloġija tal-Kummissjoni għat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni ġdida, u fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali saret legalment vinkolanti. Dan l-istatus il-ġdid tal-karta serva sabiex isaħħaħ l-azzjoni tal-UE favur ir-rispett għad-drittijiet fundamentali.

Billi l-għan tal-istrateġija tal-Kummissjoni huwa li tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-karta, l-UE nnifisha trid tkun ta’ eżempju sabiex:

  • tippermetti lill-persuni li jgħixu fl-UE jgawdu mid-drittijiet imħaddna fil-karta;
  • tibni l-fiduċja reċiproka bejn il-pajjiżi tal-UE;
  • tibni l-fiduċja tal-pubbliku fil-politiki tal-UE;
  • ittejjeb il-kredibilità tal-azzjoni esterna tal-UE favur id-drittijiet tal-bniedem.

Kultura ta’drittijiet fundamentali fil-Kummissjoni

Il-Kummissjoni twettaq verifiki regolari sabiex tiżgura li l-proposti u l-atti leġiżlattivi tagħha huma kompatibbli mal-karta. Minkejja dan, hija trid issaħħaħ dawn il-verifiki fi ħdan id-dipartimenti li jfasslu l-proposti u l-atti, billi tintroduċi “kultura ta’ drittijiet fundamentali” fl-istadji kollha tal-proċedura. Dan huwa importanti speċjalment sabiex jiġu evalwati n-neċessità u l-proporzjonalità tal-proposti, b’mod partikolari peress li xi drittijiet huma assoluti (eż. id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tat-tortura, eċċ.), filwaqt li xi wħud, f’ċerti ċirkustanzi, huma soġġetti għal limitazzjonijiet.

Il-Kummissjoni għandha metodoloġija sabiex tiżgura li jitwettqu verifiki sistematiċi u profondi fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-proposti waqt:

  • konsultazzjonijiet preparatorji
  • valutazzjonijiet tal-impatt (fl-2011, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali f’dawn il-valutazzjonijiet);
  • it-tħejjija ta’ abbozzi ta’ atti.

Il-Kummissjoni twettaq ukoll verifiki sabiex tiżgura li l-karta hija riflessa fil-valutazzjonijiet ex post tal-istrumenti tal-UE. Hija għandha l-għan li tiżgura li jsiru sforzi sabiex il-metodoloġija tiġi applikata aħjar fil-prattika. Hija tagħti attenzjoni partikolari lil proposti u atti li:

  • iqajmu kwistjonijiet speċifiċi ta’ kompatibbiltà mal-karta, jew
  • huma mmirati sabiex jippromwovu dritt fundamentali speċifiku protett mill-karta.

Il-karta u l-proċess leġiżlattiv

Il-metodoloġija tal-Kummissjoni tapplika biss għall-istadju ta’ tħejjija tal-proċess leġiżlattiv. Il-proposti tagħha jistgħu jiġu emendati mill-Kunsill jew mill-Parlament Ewropew mingħajr ma jitwettqu verifiki sistematiċi fuq l-impatt tal-emendi u l-kompatibbiltà tagħhom mad-drittijiet fundamentali. Konsegwentement, il-Kummissjoni tixtieq tassisti lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jirrevedu tal-emendi tagħhom fid-dawl tal-karta. F’każijiet fejn l-emendi għall-proposta tagħha ma jagħtux garanzija suffiċjenti tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni tista’ tindika l-oppożizzjoni tagħha għat-tnaqqis tal-istandards ta’ protezzjoni u tieħu azzjoni, inkluż li tirtira l-proposta tagħha meta applikabbli. Kwalunkwe abbozz ta’ emendi li jista’ jkun inkompatibbli mal-karta jrid jiġi indirizzat permezz ta’ diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet.

Il-karta u l-pajjiżi tal-UE

Il-pajjiżi tal-UE għandhom obbligu li jikkonformaw mal-karta biss meta jimplimentaw il-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni tfittex li tieħu passi sabiex tinforza r-rispett għad-drittijiet fundamentali fil-pajjiżi tal-UE billi:

  • tfakkarhom dwar dan l-obbligu u tassistihom fl-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE;
  • tniedi proċeduri ta’ ksur kontra pajjiż tal-UE li jikser dan l-obbligu.

Informazzjoni lill-pubbliku

Il-pubbliku jeħtieġ li jinżamm infurmat dwar id-drittijiet tiegħu kif jinsabu stabbiliti fil-karta u dwar modi kif jistgħu jiġu infurzati dawn id-drittijiet jekk jinkisru, b’mod partikolari fir-rigward tad-difiża tad-drittijiet tat-tfal. Huwa essenzjali li l-pubbliku jkun konxju tar-rimedji legali disponibbli u li jkollu l-informazzjoni xierqa kollha li jeħtieġ biex ifittex rimedju (eż. kumpens). Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha l-għan li tieħu miżuri mmirati u mfassla apposta biex tindirizza kwalunkwe diffikultà b’rabta mal-komunikazzjoni bħal:

  • attivitajiet ta’ informazzjoni oħra dwar ir-rwol u s-setgħat tal-UE fil-qasam tad-drittijiet fundamentali;
  • azzjonijiet biex tiżgura li hija disponibbli informazzjoni prattika dwar rimedji legali eżistenti, b’mod partikolari permezz tal-portal tal-ġustizzja elettronika.

Rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tal-karta

Biex tirrevedi l-progress fl-implimentazzjoni tal-karta u tipprovdi għal skambji ta’ fehmiet regolari mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, il-Kummissjoni tfassal rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tal-karta. Dawn jitħejjew b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati rilevanti kollha.

SFOND

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq il-websajt tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (KUMM(2010) 573 finali tad-19 ta’ Ottubru 2010)

ATTI RELATATI

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea— Werrej (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 392)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Gwida Operazzjonali dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni (SEC(2011) 567 finaltas-6.5.2011) (Mhux disponibbli bil-Malti).

l-aħħar aġġornament 28.06.2016

Top