EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju (sat-8 ta’ Settembru 2021)

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 428/2009 — Rreġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppjuu

Nota: Ir-Regolament (UE) 2021/821 jirriformula u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 428/2009. Madankollu, kif stipulat fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/821, għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni magħmula qabel id-9 ta’ Settembru 2021, ir-regoli rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 għandhom ikomplu japplikaw.

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Jistabbilixxi sistema uniformi tal-Unjoni Ewropea għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, it-transitu u s-senserija* oġġetti b’użu doppju*. Din is-sistema tfittex li tiżgura li l-UE tikkonforma mal-impenni u r-responsabbiltajiet internazzjonali tagħha, speċjalment fir-rigward tan-nonproliferazzjoni (jiġifieri l-prevenzjoni tat-tixrid tal-armi nukleari).
  • Huwa jistabbilixxi lista ta’ kontroll komuni tal-UE u r-regoli għall-implimentazzjoni tagħha. Hija meħtieġa awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni sabiex jiġi esportat oġġett b’użu doppju mill-UE lejn pajjiż mhux tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Oġġetti b’użu doppju u teknoloġija li jistgħu jintużaw għal użu ċivili iżda wkoll għal użu militari, inklużi oġġetti li jistgħu jgħinu fi kwalunkwe mod fil-manifattura ta’ armi nukleari jew mezzi splussivi nukleari oħrajn.
  • Il-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju jirrappreżenta porzjon imdaqqas tal-kummerċ estern tal-UE; l-aktar data reċenti tikkonferma li l-volum tal-esportazzjonijiet ikkontrollati ta’ oġġetti b’użu doppju mill-UE tela’ sa €85 biljun.

Lista tal-UE ta’ oġġetti b’użu doppju

  • Annex I tar-regolament jipprovdi lista ta’ oġġetti b’użu doppju li jeħtieġu awtorizzazzjoni. Permezz ta’ atti delegati adottati mill-Kummissjoni Ewropea, l-Anness I jiġi aġġornat kull sena biex jiġi allinjat mar-regoli u l-impenji internazzjonali mwettqa
  • L-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju mhux elenkati fl-Anness I tista’ tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni meta jkun hemm raġuni għaliex wieħed għandu jemmen li dawn huma intiżi sabiex jintużaw b’konnessjoni ma’ programm ta’ armi bijoloġiċi, kimiċi, nukleari jew missili ballistiċi jew għal użu militari f’pajjiżi soġġetti għal embargo fuq l-armi.
  • F’każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri tal-UE jistgħu jimponu kontrolli addizzjonali fuq oġġetti mhux elenkati għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika jew drittijiet tal-bniedem.
  • L-Istati Membri japplikaw ukoll restrizzjonijiet fuq is-servizzi ta’ senserija ta’ oġġetti b’użu doppju u t-tranżitu tagħhom mill-UE.
  • Bl-eċċezzjoni ta’ xi oġġetti sensittivi li huma elenkati fl-Anness IV tar-regolament (bħal detonaturi splussivi li jitħaddmu bl-elettriku), l-oġġetti b’użu doppju jistgħu jiġu nnegozjati liberament ġewwa l-UE.

Awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni

Hemm erba’ tipi ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni, kif indikat hawn taħt:

  • L-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE jippermettu l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju lejn ċerti pajjiżi u taħt ċerti kundizzjonijiet (ara l-Anness II tar-Regolament). Huma jkopru, pereżempju:
    • l-esportazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju lejn pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti;
    • l-esportazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju wara tiswija/tibdil;
    • l-esportazzjonijiet temporanji ta’ xi oġġetti b’użu doppju għal wirjiet/fieri,
    • l-esportazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tat-telekomunikazzjoni u s-sustanzi kimiċi għal ċerti destinazzjonijiet.
  • L-awtorizzazzjonijiet ġenerali nazzjonali għall-esportazzjoni jistgħu jinħarġu mill-Istati Membri jekk ikunu konsisteni mal-awtorizzazzjonijiet ġenerali għall-esportazzjoni tal-UE eżistenti u ma jirreferux għall-oġġetti elenkati fl-Anness II tar-Regolament (eż. uranju; patoġeni tal-bnedmin u annimali, bħal ċerti viruses, inkluża l-Ebola).
  • Il-liċenzji globali jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali lil esportatur wieħed u jistgħu jkopru aktar minn oġġett wieħed lil aktar minn pajjiż jew utent aħħari wieħed.
  • Il-liċenzji individwali jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali lil esportatur wieħed u jkopru l-esportazzjonijiet ta’ oġġett wieħed jew aktar b’użu doppju lil utent aħħari jew destinatarju wieħed f’pajjiż terz.

Network ta’ awtoritajiet għall-kontroll tal-esportazzjonijiet

Ir-regolament jistabbilixxi netwerk ta’ awtoritajiet kompetenti għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, ikkoordinat mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar Oġġetti b’Użu Doppju, li jiskambja l-informazzjoni fuq kontrolli tal-esportazzjonijiet u jiżviluppa għodod biex jappoġġa l-implimentazzjoni tiegħu.

Ir-Rieżami tal-Politika dwar il-Kontroll tal-Esportazzjonijiet

  • Ir-regolament jeħtieġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq rieżami tal-politika dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-UE. F’Ottubru 2013, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt u l-implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew. Dan ir-rapport jikkonkludi li s-sistema attwali ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet , filwaqt li tipprovdi sisien legali u istituzzjonali b’saħħithom, għandha tiġi aġġornata sabiex tiġġenera l-kapaċitajiet ta’ kontroll moderni li ser tkun teħtieġ l-UE fil-ġejjieni.
  • F’April 2014, ġiet adottata komunikazzjoni li tispjega viżjoni fit-tul għall-kontrolli tal-esportazzjonijiet strateġiċi tal-UE u li tidentifika għażliet ta’ politika konkreti għall-immodernizzar tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet . Fl-2015, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt u ppreżentat proposta leġiżlattiva biex timmodernizza l-kontrolli tal-UE tal-esportazzjonijiet f’Settembru 2016.

Revoka tar-Regolament (KE) Nru 428/2009

Ir-Regolament (UE) 2021/821 jirriformula u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 bi dħul fis-seħħ mid-9 ta’ Settembru 2021.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mis-27 ta’ Awwissu 2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • Kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju (Kummissjoni Ewropea)
  • Azzjonijiet tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tar-regolament il-ġdid tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet — Memo (Kummissjoni Ewropea).

TERMINI EWLENIN

Senserija. Ix-xogħol ta’ intermedjarji li jbiegħu u jixtru f’isem oħrajn.
Oġġetti b’użu doppju. Oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal għanijiet ċivili kif ukoll għal dawk militari, bħall-uranju, li jistgħu jintużaw kemm għall-ġenerazzjoni tal-enerġija kif ukoll fl-armi nukleari.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, pp. 1–269)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 428/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2021/821 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-transitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (riformulazzjoni) (ĠU L 206, 11.6.2021, pp. 1–461)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — L-analiżi tal-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f’dinja li qed tinbidel (COM(2014) 244 final, 24.4.2014)

l-aħħar aġġornament 22.10.2021

Top