Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b’użu doppju

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b’użu doppju

 

SOMMARJU TA':

Regolament (KE) Nru 428/2009 — Reġim tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, trasferiment, senserija u transitu ta' oġġetti b'użu doppju

X'INHU L-GĦAN TA' DAN IR-REGOLAMENT?

  • Jistabbilixxi sistema uniformi tal-Unjoni Ewropea (UE) biex tikkontrolla l-esportazzjonijiet, it-trasferiment, it-transitu u s-senserija (ix-xogħol ta' intermedjarji li jbiegħu u jixtru f'isem oħrajn) ta’ oġġetti b’użu doppju*. Din is-sistema tfittex li tiżgura li l-UE tikkonforma mal-impenni u r-responsabbiltajiet internazzjonali tagħha, speċjalment fir-rigward tan-nonproliferazzjoni (jiġifieri l-prevenzjoni tat-tixrid tal-armi nukleari).
  • Huwa jistabbilixxi lista ta’ kontroll komuni tal-UE kif ukoll regoli għall-implimentazzjoni tagħha. Hija meħtieġa awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni sabiex jiġi esportat oġġett b’użu doppju mill-UE lejn pajjiż mhux tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Oġġetti b’użu doppju u teknoloġija li jistgħu jintużaw għal użijiet ċivili iżda wkoll għal użi militari, inkluż oġġetti li jistgħu jgħinu fi kwalunkwe mod fil-manifattura ta’ armi nukleari jew mezzi splussivi nukleari oħrajn.
  • Il-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju jirrappreżenta porzjon imdaqqas tal-kummerċ estern tal-UE; l-aktar data reċenti tikkonferma li l-volum tal-esportazzjonijiet ikkontrollati ta’ oġġetti b’użu doppju mill-UE tela' sa €85 biljun.

Lista tal-UE ta' oġġetti b'użu doppju

  • L-Anness I tar-regolament jipprovdi lista ta’ oġġetti b’użu doppju li jeħtieġu awtorizzazzjoni. L-Anness I jiġi aġġornat kull sena biex jiġi allinjat ma' regoli internazzjonali u impenni meħudin minn:
  • Oġġetti ta' użu doppju mhux elenkati:l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju mhux elenkati fl-Anness I tista’ tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni meta jkun hemm raġuni għaliex wieħed għandu jemmen li dawn huma intiżi sabiex jintużaw b’konnessjoni ma’ programm ta’armi bijoloġiċi, kimiċi, nukleari jew missili ballistiċi jew għal użu militari f'pajjiżi soġġetti għal embargo fuq l-armi.
  • F’każijiet eċċezzjonali, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jimponu kontrolli addizzjonali fuq oġġetti mhux elenkati għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika jew drittijiet tal-bniedem.
  • Il-pajjiżi tal-UE japplikaw ukoll restrizzjonijiet fuq is-servizzi ta’ senserija ta’ oġġetti b’użu doppju, kif ukoll fuq it-tranżitu tagħhom mill-UE.
  • Il-moviment liberu ta’ oġġetti b’użu doppju ġewwa l-UE: bl-eċċezzjoni ta’ xi oġġetti sensittivi li huma elenkati fl-Anness IV tar-regolament (bħal detonaturi splussivi li jitħaddmu bl-elettriku), l-oġġetti b’użu doppju jistgħu jiġu nnegozjati liberament ġewwa l-UE.

Awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni

Hemm 4 tipi ta' awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni, kif indikat hawn taħt:

  • 1.

    L-Awtorizzazzjonijiet għall-Esportazzjoni Ġenerali tal-UE (EUGEAs) jippermettu l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju lejn ċerti pajjiżi u taħt ċerti kundizzjonijiet (ara l-Anness II tar-Regolament). Huma jkopru, pereżempju:

    • l-esportazzjonijiet ta' xi oġġetti b'użu doppju lejn pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, in-New Zealand, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Istati Uniti,
    • l-esportazzjonijiet ta' xi oġġetti b'użu doppju wara tiswija/tibdil,
    • l-esportazzjonijiet temporanji ta' xi oġġetti b'użu doppju għal wirjiet/fieri,
    • l-esportazzjonijiet ta' xi oġġetti tat-telekomunikazzjoni u s-sustanzi kimiċi għal ċerti destinazzjonijiet.
  • 2.

    L-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali Nazzjonali għall-Esportazzjoni (NGEAs) jistgħu jinħarġu minn pajjiżi tal-UE jekk ikunu konsistenti mal-EUGEAs eżistenti u ma jirreferux għall-oġġetti elenkati fl-Anness II tar-Regolament (eż. uranju jew patoġeni tal-bnedmin u annimali, bħal ċerti viruses, inkluża l-Ebola).

  • 3.

    Il-liċenzji globali jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali lil esportatur wieħed u jistgħu jkopru aktar minn oġġett wieħed lil aktar minn pajjiż jew utent aħħari wieħed.

  • 4.

    Il-liċenzji individwali jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali lil esportatur wieħed u jkopru l-esportazzjonijiet ta’ oġġett wieħed jew aktar b’użu doppju lil utent aħħari jew destinatarju wieħed f’pajjiż terz.

Netwerk ta’ awtoritajiet għall-kontroll fuq l-esportazzjoni

Ir-regolament jistabbilixxi netwerk ta’ awtoritajiet kompetenti għall-kontroll fuq l-esportazzjoni, ikkoordinat mill-Grupp ta' Koordinazzjoni ta' Użu Doppju, li jiskambja l-informazzjoni fuq kontrolli fuq l-esportazzjoni u jiżviluppa għodod biex jappoġġa l-implimentazzjoni tiegħu.

Ir-Rieżami tal-Politika dwar il-Kontroll fuq l-Esportazzjoni

  • Ir-regolament jeħtieġ lill-Kummissjoni tal-UEEwropea sabiex twettaq rieżami tal-politika dwar il-kontroll fuq l-esportazzjoni tal-UE. F’Ottubru 2013, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt u l-implimentazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Dan ir-rapport jikkonkludi li s-sistema attwali ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni, filwaqt li tipprovdi sisien legali u istituzzjonali b’saħħithom, għandha tiġi aġġornata sabiex tiġġenera l-kapaċitajiet ta’ kontroll moderni li ser tkun teħtieġ l-UE fil-ġejjieni.
  • F’April 2014, ġiet adottata komunikazzjoni li tispjega viżjoni fit-tul għall-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet strateġiċi tal-UE u li tidentifika għażliet ta’ politika konkreti għall-immodernizzar tas-sistema ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni. Fl-2015, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt u ppreżentat proporsta leġiżlattiva għal modernizzazzjoni tal-kontrolli tal-UE fuq l-esportazzjoni f'Settembru 2016.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Applika sa mis-27 ta' Awwissu 2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Oġġetti b'użu doppju: Oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal għanijiet ċivili kif ukoll għal dawk militari, bħall-uranju li jista' jintuża kemm fil-ġenerazzjoni tal-enerġija kif ukoll fl-armi nukleari.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, pp. 1-269)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 428/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha biss valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Ir-Rieżami tal-politika dwar il-kontroll fuq l-esportazzjoni: l-iżgurar tas-sigurtà u l-kompetittività f’dinja li qiegħda tinbidel (COM(2014) 244 finali tal-24.4.2014).

l-aħħar aġġornament 13.02.2017

Top