EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafé 2007

 

SOMMARJU TA’:

tal-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kafé 2007

Id-Deċiżjoni 2008/579/KE dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?

Dan il-ftehim għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli tas-settur globali tal-kafè f’termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

Id-deċiżjoni tadotta l-ftehim f’isem il-Kummissjoni Ewropea (issa l-UE).

PUNTI EWLENIN

L-UE hi membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè (ICO) bħala organizzazzjoni internazzjonali, flimkien ma’ 31 pajjiż importatur u 45 pajjiż esportatur. Iffirmat mis-77 membru tal-ICO, il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007, għandu l-għan li jtejjeb u jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tas-settur dinji tal-kafè permezz tal-miżuri li ġejjin:

  • il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali dwar materji tal-kafè;
  • il-provvista ta’ forum għal konsultazzjoni fost il-gvernijiet u mas-settur privat;
  • l-inkoraġġiment tal-firmatarji biex jiżviluppaw settur tal-kafè sostenibbli f’termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali;
  • it-tfittxija għal bilanċ bejn il-provvista u d-domanda u l-ipprezzar ġust kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi;
  • il-faċilitar tal-espansjoni u tat-trasparenza tal-kummerċ internazzjonali tal-kafè u l-promozzjoni tal-eliminazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ;
  • il-ġbir, it-tixrid u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ekonomika, teknika u xjentifika, ta’ statistika u ta’ studji dwar kwistjonijiet relatati mal-kafè;
  • il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-konsum u tas-swieq għal kull tip ta’ kafè, inkluż f’pajjiżi li jipproduċu l-kafè;
  • l-iżvilupp u t-tfittxija ta’ finanzi għal proġetti ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-kafè dinjija;
  • il-promozzjoni tal-kwalità tal-kafè bil-ħsieb li jittejjeb kemm is-sodisfazzjon tal-klijenti kif ukoll il-benefiċċji għall-produtturi;
  • l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ sigurtà fl-ikel fis-settur;
  • l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ strateġiji biex tittejjeb il-kapaċità ta’ bdiewa fuq skala żgħira biex jibbenefikaw mill-produzzjoni tal-kafè, li jistgħu jikkontribwixxu biex jitnaqqas il-faqar;
  • il-faċilitar tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar għodod u servizzi finanzjarji li jistgħu jassistu lill-produtturi.

F’dan il-kuntest, il-ftehim jiddikjara li l-firmatarji tiegħu jridu jippruvaw jillimitaw l-ostakli għall-konsum tal-kafè relatati mat-tariffi u dawk regolatorji, bħal tariffi preferenzjali, kwoti, monopolji u sussidji mill-gvernijiet. Dawn għandhom jagħtu wkoll il-konsiderazzjoni dovuta lill-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-kafè, skont il-prinċipji u l-objettivi dwar l-iżvilupp sostenibbli msemmija f’Aġenda 21 (pjan ta’ azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti rigward l-iżvilupp sostenibbli maqbul waqt is-Summit dwar id-Dinja 1992, li kien sostitwit bl-Aġenda 2030 waqt is-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2015), u t-titjib tal-istandard tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu fis-settur tal-kafè.

Il-ftehim jitlob ukoll lill-pajjiżi esportaturi biex jimplimentaw is-sistema ta’ Ċertifikati ta’ Oriġini stabbiliti mill-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (KIK) biex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ statistika dwar il-kummerċ internazzjonali tal-kafè, u jipprovdu lill-KIK bi kwalunkwè informazjoni li hi tiġġudika bħala neċessarja għall-produzzjoni, għall-importazzjonijiet, għall-esportazzjonijiet, għall-konsum u għall-prezzijiet.

Kwistjonijiet regolati b’dan il-ftehim jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-UE taħt il-politika tal-kummerċ komuni.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mis-16 ta’ Ġunju 2008. Il-ftehim daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar 2011.

SFOND

Il-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007 hu s-seba’ ftehim tat-tip tiegħu li ġie ffirmat sa mill-1962 mill-membri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kafè. Ftehim preċedenti ġie ffirmat fl-2001. Il-ftehim jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ 10 snin sakemm ma jiġix estiż jew itterminat qabel jiskadi.

DOKUMENTI EWLENIN

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/579/KE tas-16 ta’ Ġunju 2008 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007 (ĠUL 186,15.7.2008, p. 12)

Ftehim Internazzjonali tal-Kafè 2007 (ĠU L 186, 15.7.2008, pp. 13-29)

l-aħħar aġġornament 08.10.2018

Top