EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jiggarantixxi lill-konsumaturi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni billi jistabbilixxi l-prinċipji, ir-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet ġenerali għat-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jikkonsmaw.
  • Huwa jipprovdi biżżejjed flessibbiltà sabiex jiġu ffaċċjati l-iżviluppi futuri fis-settur tal-ikel.
  • Huwa jamalgamaw l-leġiżlazzjoni preċedenti, id-Direttivi 2000/13/KE dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel u 90/496/KEE dwar it-tikkettar tan-nutrizzjoni

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għan-negozji fl-istadji kollha tal-katina tal-ikel u għall-ikel kollu maħsub għall-konsum finali. Dan jinkludi ikel ikkunsinjat minn, jew fornut lil, fornituri tal-ikel tal-massa.

Responsabbiltà għall-forniment tal-informazzjoni

  • Hija r-responsabbiltà tal-manifattur li jikkummerċjalizza l-ikel taħt ismu li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u li jiżgura li tali informazzjoni tkun preċiża. Jekk dawn ikunu bbażati barra l-Unjoni Ewropea (UE), ir-responsabbiltà taqa’ fuq l-importatur.

Informazzjoni obbligatorja

  • Ċerta informazzjoni hija obbligatorja. Din tinkludi:
    • l-isem tal-ikel
    • lista ta’ ingredjenti
    • kwantità netta
    • data uża sa
    • istruzzjonijiet għall-użu, jekk meħtieġ
    • l-isem u l-indirizz tal-operatur
    • dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.
  • Ir-regola ġenerali hija li l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tkun mandatorja fejn jekk ma jingħatawx dawn id-dettalji l-konsumatur jista’ jiġi żgwidat fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel. Dan huwa l-każ b’mod partikolari jekk l-informazzjoni li takkumpanja l-ikel jew it-tikketta b’mod ġenerali tkun timplika b’mod ieħor li l-ikel għandu pajjiż tal-oriġini jew post ta’ provenjenza differenti.
  • It-ttikettar rigward oriġini għandu jiġi pprovdut għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, nagħaġ, mogħoż u tjur. Jeżistu regoli tal-oriġini obbligatorji separati fil-livell tal-UE għal ikel bħall-għasel (Direttiva2001/110/KE), frott u ħaxix u żejt taż-żebbuġa (Regolament (UE) Nru 1308/2013), ħut (Regolament (UE) Nru 1379/2013) u ċanga u prodotti tal-laħam taċ-ċanga (Regolament (KE) Nru 1760/2000).
  • L-informazzjoni obbligatorja għandha tkun disponibbli mingħajr ebda ħlas addizzjonali għall-konsumaturi li jużaw il-bejgħ mill-bogħod biex jixtru l-ikel, qabel jagħmlu x-xirja tagħhom.
  • Għandha tingħata l-qawwa alkoħolika reali għal kwalunkwe xarba b’volum ta’ alkoħol ta’ aktar minn 1.2 %.
  • Għandu jingħata tagħrif obbligatorju għal ċerti tipi ta’ ikel, bħal dawk li jkun fihom sustanzi li jagħtu ħlewwa, melħ tal-ammonju jew b’kontenut għoli ta’ kaffeina.
  • Il-kwantità netta ta’ ikel u likwidi hija espressa f’litri, ċentilitri, millilitri, kilogrammi jew grammi.
  • Ċerti prodotti tal-ikel huma eżentati mid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni obbligatorja, bħal ħxejjex aromatiċi u ħwawar, aromatizzanti u tejiet tal-ħxejjex.
  • Prodotti tal-ikel oħrajn — b’mod partikolari frott u ħxejjex friski, l-ilma karbonat, il-ħall u prodotti tal-ikel magħmula mill-ħalib, bħal ġobon, butir, krema u ħalib iffermentat — ma għandhomx bżonn jipprovdu lista ta’ ingredjenti.
  • L-informazzjoni dwar l-ikel ma għandhiex tqarraq bil-pubbliku, b’mod partikolari billi tissuġġerixxi li l-ikel ikun fih karatteristiċi jew effetti speċjali li fil-verità ma jkollux. Hija għandha tkun preċiża, ċara u faċli biex tinftiehem mill-konsumatur.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2018/775, li jibni fuq l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 billi jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju ta’ ikel. Fis-seħħ mill-1 ta’ April 2020, dan ir-regolament jeħtieġ li l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju għandu jkun indikat fuq it-tiketta jekk ma tkunx l-istess bħall-pajjiż tal-oriġini partikolari jew tal-pajjiż ta’ provenjenza partikolari tal-ikel. Jistabbilixxi wkoll ir-regoli rigward id-daqs minimu tal-font u tal-ippożizzjonar ta’ din it-tikketta.

Fl-2018, il-Kummissjoni ħarġet avviż dwar mistoqsijiet u tweġibiet fuq l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 biex jgħinu lill-operaturi tan-negozju u l-awtoritajiet nazzjonali biex japplikaw ir-regolament.

Fl-2020, il-Kummissjoni ħarġet avviż li jipprovdi linji gwida għall-operaturi fin-negozju tal-ikel u l-awtoritajiet nazzjonali dwar l-applikazzjoni tar-regoli rigward it-tikkettar meta l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ ikel u mhuwiex l-istess bħal dak tal-ingredjent ewlieni, il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza.

MINN META JIBDA JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-13 ta’ Diċembru 2014, bl-eċċezzjoni tal-introduzzjoni ta’ dikjarazzjoni tan-nutrizzjoni (mit-13 ta’ Diċembru 2016) u r-rekwiżiti speċifiċi dwar id-denominazzjoni tal-“ikkapuljat” (1 ta’ Jannar 2014), u l-indikatur tal-ingredjent ewlieni (1 ta’ April 2020).

SFOND

Il-moviment liberu ta’ ikel sikur u sustanzjuż fl-UE huwa ta’ benefiċċju kbir għas-saħħa u l-benesseri tal-pubbliku u huwa karatteristika essenzjali tas-suq uniku. Minbarra li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, il-liġi tal-UE tiżgura li l-konsumaturi jkollhom tagħrif adegwat sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati dwar l-ikel li jixtru u jieklu.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, pp. 18–63).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1169/2011 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 (ĠU C 32, 31.1.2020, pp. 1–8).

Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mistoqsijiet u t-tweġibiet dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU 196, 8.6.2018, pp. 1–14).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/775 tat-28 ta’ Mejju 2018) li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fir-rigward tar-regoli biex jiġi indikat il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju ta’ ikel (ĠU L 131, 29.5.2018, pp. 8–11).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671–854).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 1-21).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU L 10, 12.1.2002, pp. 47–52).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (ĠU L 204, 11.8.2000, pp. 1–10).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.11.2021

Top